

Sib informazzjoni għal kull reġjun
F’termini prattiċi, in-“notifika ta’ dokumenti” tinftiehem normalment bħala riferiment għar-riċevuta attwali tat-taħrika jew ta’ dokument ieħor mill-Konvenut/Intimat, sabiex il-Konvenut/Intimat jiġi nnotifikat bil-kawża jew bid-deċiżjoni tal-qorti u/jew jiġi imħarrek, u jkun konxju tal-iskadenzi rilevanti tal-qorti.
Ir-regoli tal-qorti huma intiżi biex jiżguraw li l-ġustizzja għall-Konvenut/Intimat ma tkunx ippreġudikata, u li l-Konvenut/Intimat jirċievi d-dokumenti meħtieġa u n-notifika ta’ dati tal-qorti imminenti, u dawn tal-inqas fil-perjodu minimu ta’ żmien permess. Ix-Xeriff(Sheriff)/l-Imħallef normalment ikun jeħtieġ prova tan-notifika qabel ma jiddeċiedi dwar kawża.
B’mod ġenerali, id-dokumenti li għandhom jiġu nnotifikati b’mod formali:
Ċerti tipi ta’ proċeduri ċivili jeħtieġu li jiġu nnotifikati dokumenti speċifiċi oħrajn.
Aktar informazzjoni tista’ tinstab fil-Kapitolu 16 tar-Regoli tal-Qorti Suprema Ċivili (Court of Session Rules), fil-Kapitolu 5 tar-Regoli dwar il-Kawżi Ordinarji tal-Qorti tax-Xeriff (Sheriff Court Ordinary Cause Rules), fil-Kapitolu 5 tar-Regoli dwar il-Kawżi Sommarji (Summary Cause Rules) u fil-Parti 6 tar-Regoli dwar il-Proċedura Sempliċi (Simple Procedure Rules).
a. Dokumenti ekstraġudizzjarji, bħal ittra qabel azzjoni tal-qorti, u dokumenti ġudizzjarji, bħal ċitazzjonijiet jew taħrikiet jistgħu jiġu nnotifikati bil-posta (kunsinna rreġistrata tal-ewwel klassi). F’dan il-każ, id-dokument jittieħed fir-residenza/fil-post tax-xogħol tal-konvenut/intimat minn impjegat tal-posta, li jikseb firma li tirrikonoxxi l-wasla. L-istruzzjonijiet għal notifika postali ta’ dokumenti ġudizzjarji jistgħu jingħataw biss minn avukat, uffiċjal ġudizzjarju (messenger-at-arms) jew uffiċjal tax-Xeriff (Sheriff officer), jew f’ċerti każijiet taħt il-proċedura sempliċi mill-Iskrivan tax-Xeriff (Sheriff Clerk).
b. Jekk dawn id-dokumenti għandhom jiġu nnotifikati personalment, dan isir minn uffiċjal ġudizzjarju (messanger-at-arms) jew minn uffiċjal tax-Xeriff (Sheriff officer) (l-eqreb ekwivalenti fl-Iskozja għall-“huissier de justice” Franċiż).
c. L-imposti għall-ħlas u l-biċċa l-kbira tad-dokumenti l-oħra fir-rigward tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni jiġu nnotifikati personalment, għal darb’oħra minn uffiċjal ġudizzjarju (messenger-at-arms) jew uffiċjal tax-Xeriff (Sheriff officer).
Peress li r-Renju Unit ma għandux reġistru tad-domiċilju bħal ħafna Stati Membri oħra, ma huwiex possibbli għall-awtorità rikjesta fl-Iskozja li tikseb indirizz għall-persuna li lilha għandhom jiġu nnotifikati d-dokumenti. Madankollu, fejn id-dokumenti għandhom jiġu nnotifikati lil kumpanija u meta r-riċevituri fl-indirizz partikolari jirrifjutaw li jaċċettaw notifika, l-aġenzija li tirċievi fl-Iskozja tista’ tistabbilixxi l-indirizz irreġistrat tal-kumpanija (jekk ikun differenti) u tista’ tinnotifika d-dokumenti f’dak l-indirizz.
Kif imsemmi qabel, ma hemm l-ebda reġistru tad-domiċilju fir-Renju Unit. Biex jinstab l-indirizz ta’ persuna jeħtieġ li jintużaw aġenti li jistgħu jintraċċaw individwi jew jintużaw għadd ta’ siti web li għandhom xi dettalji ta’ indirizzi. Il-lista li ġejja ma hijiex eżawrjenti iżda turi xi eżempji tat-tipi ta’ siti web li huma disponibbli. Uħud minnhom, bħat-tfittxija ta’ reġistri telefoniċi (l-ewwel link), huma bla ħlas. Għal oħrajn huwa meħtieġ li titħallas tariffa.
Rekords tat-telefown minn British Telecommunications.
Tfittxija ta’ indirizzi fuq 192, UKRoll
Rintraċċar ta’ nies fuq Tracesmart
Biex jinstab l-uffiċċju rreġistrat ta’ kumpanija tista’ ssir tfittxija fuq is-sit web tal-Kamra tal-kumpaniji (Companies House). Xi tfittxijiet għall-kumpaniji huwa disponibbli bla ħlas iżda tfittxijiet aktar dettaljati jeħtieġu l-ħlas ta’ tariffa.
Le ma jkunx possibbli li jintalab indirizz fl-Iskozja permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001.
a. Notifika Postali - b’kunsinna postali rregistrata tal-ewwel klassi.
b. Notifika Personali - minn uffiċjal ġudizzjarju (messenger-at-arms) jew uffiċjal tax-Xeriff (Sheriff officer) personalment lill-Konvenut/Intimat.
c. Notifika Personali – titħalla ma’ residenti/impjegati sħabhom fir-residenza/fuq il-post tax-xogħol.
Jekk wara inkjesti diliġenti, l-uffiċjali ġudizzjarji (messengers-at-arms) jew l-uffiċjali tax-Xeriff (Sheriff officers) jikkunsidraw li hemm raġunijiet raġonevoli biex jemmnu li l-Konvenut/Intimat jirrisjedi fl-indirizz fuq it-taħrika, id-dokumenti jistgħu jitħallew ma’ sieħeb residenti fir-residenza/impjegat fuq il-post tax-xogħol.
d. Notifika Personali – f’każijiet oħra minbarra dawk fejn hemm Konvenut/Intimat individwali (jiġifieri entità legali oħra bħal kumpanija rreġistrata).
In-notifika personali tista’ ssir billi t-taħrika titħalla f’idejn individwu, pereżempju, fuq il-post tax-xogħol b’tali mod li jkun raġonevoli li wieħed jistenna li rappreżentant legali attwali tal-Konvenut/Intimat jirċievi t-taħrika.
e. Notifika Personali - depożitu/affissjoni
Fejn uffiċjal ġudizzjarju (messenger-at-arms) jew uffiċjal tax-Xeriff (Sheriff officer) ma setax jinnotifika personalment lill-Konvenut/Intimat, huwa jista’ jew
f. Meta l-indirizz ma jkunx magħruf - ix-Xeriff/l-Imħallef jista’ jagħti permess għan-notifika permezz ta’:
g. Bħalissa ma hemm l-ebda dispożizzjoni għan-notifika ta’ ċitazzjoni, taħrika, digriet jew talba għall-ħlas permezz ta’ faks jew posta elettronika. Madankollu, xi dokumenti oħra li jeħtieġu li jkunu intimati matul ċerti proċedimenti jistgħu jiġu trażmessi b'mod elettroniku jew fi kwalunkwe forma ta' dokument.
h. Għan-notifika ta’ persuni barra mill-Iskozja ara l-Kapitolu 16 tar-Regoli tal-Qorti Suprema Ċivili (Court of Session Rules), il-Kapitolu 5 tar-Regoli dwar il-Kawżi Ordinarji tal-Qorti tax-Xeriff (Sheriff Court Ordinary Cause Rules), il-Kapitolu 5 tar-Regoli dwar il-Kawżi Sommarji (Summary Cause Rules) u l-Parti 6 tar-Regoli dwar il-Proċedura Sempliċi.
(Għal taħrikiet, ċitazzjonijiet, eċċ. deħlin fl-Iskozja, f’kawżi oħra minbarra dawk ipproċessati taħt ir-Regolament tal-UE dwar in-Notifika, jew taħt il-Konvenzjoni tal-Aja dwar in-Notifika u permezz tal-Awtorità Ċentrali, japplikaw ir-regoli u l-proċeduri speċifiċi kollha f’a-g. Pereżempju, in-notifika personali ta’ taħrika maħruġa f’pajjiż barra mill-Iskozja fuq Konvenut/Intimat fl-Iskozja hija leġittima biss jekk tkun konformi mar-regoli tal-qorti Skoċċiża).
i. Fil-każijiet kollha fejn in-notifika ma ssirx mill-qorti nnifisha, irid jiġi ppreżentat ċertifikat tal-eżekuzzjoni tan-notifika fil-proċedimenti, iffirmat mill-avukat tal-Attur/tar-Rikorrent, minn uffiċjal ġudizzjarju (messenger-at-arms) jew uffiċjal tax-Xeriff (Sheriff officer).
Ara t-tweġiba 5 g hawn fuq.
Fejn jaslu talbiet minn Stati Membri oħra, il-metodu normali ta’ notifika fl-Iskozja huwa personalment minn uffiċjal ġudizzjarju (messenger-at-arms) fl-aħħar indirizz magħruf jew fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Metodi oħra ta’ kunsinna huma disponibbli taħt il-liġi Skoċċiża, madankollu, ma jintużawx mill-Awtorità Ċentrali għan-notifika ta’ dokumenti.
Kif intqal hawn fuq fl-Iskozja l-uniku metodu għan-notifika ta’ dokumenti użat mill-Awtorità Ċentrali huwa kunsinna minn uffiċjal ġudizzjarju (messenger-at-arms).
Id-depożitu ta’ dokumenti f’post partikolari (pereżempju uffiċċju postali) ma huwiex metodu alternattiv ta’ notifika fl-Iskozja.
Sakemm ikun intuża metodu xieraq ta’ notifika d-data meqjusa tan-notifika tapplika kemm jekk id-destinatarju jaċċetta n-notifika kif ukoll jekk le. L-unika eċċezzjoni hija dik permessa fl-Artikolu 8(1) u fl-Anness II għar-Regolament b'rabta mad-dokument li jkun f’lingwa li l-indirizz jifhem.
Kunsinna rreġistrata mir-Royal Mail (is-servizz postali tar-Renju Unit) hija għall-indirizz aktar milli għall-individwu. Għalhekk huwa possibbli li xi ħadd ieħor għajr id-destinatarju jirċievi d-dokumenti jekk jgħix fl-istess indirizz.
Jekk ħadd fl-indirizz rikjest ma jkun disponibbli biex jiffirma għad-dokumenti, dawn jintbagħtu lura lill-uffiċċju postali lokali tal-indirizz. Jekk ma jinġabrux fl-iskadenzi (ara hawn taħt) jintbagħtu lura lill-mittent.
Fejn il-kunsinna ma kinitx possibbli fl-indirizz, titħalla karta b’notifika tat-tentattiv ta’ kunsinna. Din il-karta tgħid lid-destinatarju minn fejn jistgħu jinġabru d-dokumenti u l-limitu ta’ żmien li fih għandu jiġborhom. Għall-posta rreġistrata li toriġina fir-Renju Unit, id-dokumenti għandhom jinġabru fi żmien ġimgħa. Għal posta internazzjonali rreġistrata, l-iskadenza hija ta’ tliet ġimgħat.
a. Għan-notifika postali, ara hawn fuq. Il-posta ssir b’kunsinna rreġistrata tal-ewwel klassi. Iċ-ċertifikat tal-eżekuzzjoni tan-notifika, li jinkludi l-irċevuta tal-Uffiċċju Postali, huwa meħtieġ mill-qorti bħala prova tan-notifika.
b. Għal notifika personali, uffiċjal ġudizzjarju (messenger-at-arms) jew uffiċjal tax-Xeriff (Sheriff officer) jipproduċi ċertifikat tal-eżekuzzjoni tan-notifika, iffirmat mill-uffiċjali parteċipanti u li jiddeskrivi l-metodu ta’ notifika.
c. Għaċ-ċertifikazzjoni f’azzjonijiet barra mill-Iskozja, ara t-taqsimiet rilevanti tar-regoli tal-qorti, kif imsemmi qabel. Għal darb’oħra, għal taħrikiet eċċ. li jaslu fl-Iskozja, japplikaw ir-regoli kollha f’a. u b.
Ix-Xeriff/l-Imħallef jeħtieġ li jkun sodisfatt li n-notifika tkun twettqet korrettament u b’mod ġust fuq il-Konvenut/l-Intimat qabel ma jkun jista’ jiddeċiedi fuq kawża. In-notifika trid issir b’mod sodisfaċenti, inkella l-Konvenut/Intimat ikollu leġittimament rikors għal azzjoni biex jikkontesta kwalunkwe digriet mogħti fuq il-bażi li l-azzjoni ttieħdet mingħajr l-għażla li jiddefendiha, jew anki li jiġi nnotifikat biha. Jekk madankollu jkun jidher li l-Konvenut/Intimat sar jaf dwar l-azzjoni għaliex deher fiha, allura l-komparsa tiegħu tkopri kwalunkwe difett fin-notifika.
Notifika postali: Kunsinna postali rreġistrata tal-ewwel klassi bil-prezzijiet kurrenti.
Jekk in-notifika postali ssir minn uffiċjal ġudizzjarju (messenger-at-arms) jew uffiċjal tax-Xeriff (Sheriff officer), ikun hemm tariffa addizzjonali li trid titħallas lilhom, iffissata b’leġiżlazzjoni skont iċ-ċirkostanzi tal-kawża.
Notifika personali: Tariffi mitluba mill-uffiċjal ġudizzjarju (messenger-at-arms) jew mill-uffiċjal tax-Xeriff (Sheriff officer) huma ffissati mil-leġiżlazzjoni skont iċ-ċirkostanzi tal-kawża.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.