Għajnuna legali

Greċja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Il-proċedimenti legali xi spejjeż jinvolvu, u normalment min irid iħallashom?

Kull min jixtieq jiftaħ jew diġà jkun fetaħ kawża jrid iħallas l-ispejjeż li ġejjin:

  1. (l-onorarji ta’ avukat biex iħejji u jissottometti r-rikors għal għajnuna legali jew rimedji oħra, jipparteċipa f’sessjonijiet ta’ medjazzjoni, jattendi seduti tal-qorti bħala l-avukat/il-konsulent tar-rikorrent fil-proċedimenti rilevanti, jissottometti dokumenti, jikkonsenja dokumenti għan-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju (dikastikós epimelitís), u jipprovdi titolu eżekuttiv lil uffiċjal ġudizzjarju biex jeżegwixxi sentenza;
  2. l-ispejjeż tan-notifika ta’ rikorsi ġuridiċi jew rimedji oħra;
  3. l-ispejjeż tat-traduzzjoni u/jew tal-interpretazzjoni, f’kawżi transfruntieri;
  4. l-ispejjeż imħallsa għall-periti, meta tali periti jinħatru b’ordni tal-qorti jew fuq talba tal-parti kkonċernata;
  5. it-tariffi tal-qorti għas-sottomissjoni ta’ dokumenti u għall-istabbiliment ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni;
  6. spejjeż mirbuħa mill-parti l-oħra.

2 X’inhija eżattament l-għajnuna legali?

Huwa d-dritt taċ-ċittadini li japplikaw għall-għajnuna finanzjarja sabiex jiftħu kawża jew jipparteċipaw f’kawża mressqa kontrihom. Din tkopri wkoll ir-rappreżentanza legali fit-tieni istanza, l-ispejjeż ta’ nutar (symvolaiográfos) u ta’ uffiċjal ġudizzjarju, u l-ispejjeż tal-eżekuzzjoni.

Il-kontenut tal-għajnuna legali f’kawżi ċivili u kummerċjali huwa previst mil-Liġi 3226/2004 dwar l-għoti ta’ għajnuna legali lil ċittadini b’introjtu baxx u dispożizzjonijiet oħra, kif emendata (minn hawn ’il quddiem “il-Liġi”).

L-għajnuna legali tista’ tieħu wkoll il-forma ta’ ħatra ta’ avukat biex jipprovdi pariri legali bil-ħsieb li tilwima transfruntiera tissolva qabel ma tittella’ l-qorti (l-Artikolu 10(c) tal-Liġi).

3 X’inhuma r-rekwiżiti biex tingħata l-għajnuna legali?

L-Artikolu 11 tal-Liġi jipprevedi li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea jistgħu jkunu intitolati għall-għajnuna legali. Barra minn hekk, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-persuni mingħajr Stat li huma legalment residenti, jew li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom, fl-Unjoni Ewropea, u li jistgħu juri bil-provi li l-kundizzjonijiet rilevanti huma ssodisfati, huma eliġibbli għall-għajnuna legali.

L-għajnuna legali tingħata dment li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Liġi jiġu ssodisfati. Skont l-Artikolu 1(2) tal-Liġi, il-persuni b’introjtu annwali tal-familja li ma jaqbiżx iż-żewġ terzi tal-introjtu individwali annwali minimu stabbilit mil-Liġi huma intitolati għall-għajnuna legali. Fl-eventwalità ta’ tilwimiet tal-familja, l-introjtu tal-parti l-oħra fit-tilwima (konjuġi) ma jiġix meqjus li jikkontribwixxi għall-introjtu tar-rikorrent.

Għall-persuni bid-domiċilju jew bir-residenza abitwali tagħhom fi Stat Membru ieħor japplikaw regoli speċjali. Skont l-Artikolu 10 tal-Liġi, il-limitu msemmi hawn fuq mhuwiex obbligatorju jekk ir-rikorrent juri li d-differenza fl-għoli tal-ħajja bejn il-pajjiż tal-oriġini tiegħu u r-Repubblika Ellenika tagħmilha impossibbli għalih li jġarrab l-ispejjeż tal-protezzjoni legali.

4 L-għajnuna legali tingħata għal kull tip ta’ proċediment?

Iva, jiġifieri għal proċedimenti ċivili, familjali, kummerċjali u kriminali.

5 Jeżistu proċeduri speċjali f’każijiet ta’ bżonn?

Il-proċedura hija regolata mill-Artikolu 2 tal-Liġi. Il-proċedura għall-għoti ta’ għajnuna legali tibda hekk kif il-benefiċjarju jippreżenta rikors, li jkun fih sommarju tas-suġġett tal-proċedimenti jew tal-att, u prova li l-kundizzjonijiet għall-kisba tal-għajnuna huma ssodisfati.

Ir-rikors irid ikun akkumpanjat mid-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa, prova tas-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrent (b’mod partikolari kopja tad-dikjarazzjoni tat-taxxa jew ċertifikat mill-kap tal-uffiċċju tat-taxxa kompetenti dwar il-fatt li r-rikorrent mhuwiex meħtieġ jissottometti dikjarazzjoni, kopja ta’ dikjarazzjoni tal-assi, ċertifikat tal-approvazzjoni tat-taxxa, in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa tar-rikorrent (AFM), ċertifikati tal-assistenza soċjali, affidavits), u prova tar-residenza skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 fil-każ ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz.

Ir-rikors u d-dokumenti ta’ sostenn għandhom jiġu ppreżentati mill-inqas 15-il jum qabel il-proċess jew l-att li għalih tintalab l-għajnuna legali. Dan it-terminu jista’ jitqassar f’każ ta’ ċitazzjoni sussegwenti. Il-proċedura hija mingħajr ħlas u mhuwiex meħtieġ li wieħed jidher ma’ avukat.

L-Artikolu 8(1) jipprevedi li r-rikorsi għall-għajnuna legali għandhom jiġu ppreżentati lill-qrati tal-prim’istanza (protodikeía) b’ġuriżdizzjoni territorjali u materjali, li huma kompetenti biex jeżaminawhom.

Fil-każ ta’ atti mhux relatati ma’ proċedimenti tal-qorti, il-qorti kompetenti hija l-qorti ċivili distrettwali (eirinodikeío) tal-post ta’ residenza tar-rikorrent.

Ir-rikorrent jista’ jissottometti appell kontra d-deċiżjoni tal-imħallef, li jinstema’ matul il-proċedimenti għal miżuri provviżorji (diadikasía ton asfalistikón métron). Każ prima facie huwa biżżejjed biex ir-rikors jiġi aċċettat, u mhijiex meħtieġa dokumentazzjoni sħiħa. Il-qorti għandha diskrezzjoni estensiva biex tiġbor il-provi.

6 Minn fejn nista’ nikseb formola ta’ applikazzjoni għal għajnuna legali?

Il-qrati kollha fil-Greċja joperaw uffiċċju speċjali biex jgħin liċ-ċittadini b’introjtu baxx li huma intitolati għall-għajnuna legali bla ħlas biex jiftħu l-proċedura. Xi qrati, bħall-Qorti Ċivili Distrettwali ta’ Patras (Eirinodikeío Pátras), jipprovdu formola għar-rikors online, ara https://www.eirinodikeio-patras.gov.gr/nomiki-voithia.

7 X’dokumenti jridu jiġu ppreżentati mal-formola tal-applikazzjoni għal għajnuna legali?

Ir-rikorrenti jridu jippreżentaw prova tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom. Id-dokumenti ta’ sostenn rilevanti huma previsti fil-Liġi (ara l-mistoqsija 5).

8 Fejn irrid nibgħat l-applikazzjoni tiegħi għal għajnuna legali?

Ir-rikors għandu jiġi ppreżentat lil qorti (ara l-mistoqsija 5).

9 Kif nista’ nsir naf jekk jiniex intitolat għal għajnuna legali?

Il-kriterji għall-kisba tal-għajnuna legali huma stabbiliti fil-Liġi. Skont l-Artikolu 1(2), iċ-ċittadini b’introjtu baxx intitolati għall-għajnuna legali huma dawk li l-introjtu annwali tal-familja tagħhom ma jaqbiżx iż-żewġ terzi tal-introjtu personali annwali minimu ddefinit fil-Ftehim Kollettiv Nazzjonali Ġenerali tax-Xogħol (Ethnikí Genikí Syllogikí Sýmvasi Ergasías). Fil-każ ta’ tilwima domestika, l-introjtu tal-parti l-oħra fit-tilwima ma jiġix ikkunsidrat.

Japplikaw arranġamenti speċjali jekk il-post tar-residenza jew tar-residenza abitwali tal-persuna li tkun qed titlob għajnuna legali f’kawża ċivili jew kummerċjali jkun fi Stat Membru ieħor. Skont l-Artikolu 10 tal-Liġi, il-limitu tal-introjtu tal-familja speċifikat mhuwiex obbligatorju, jekk ir-rikorrent ikun jista’ juri li ma jistax ikopri l-ispejjeż legali minħabba d-differenza fl-għoli tal-ħajja bejn l-Istat Membru tal-post tar-residenza jew tar-residenza abitwali tiegħu u l-Greċja.

Minħabba n-natura transfruntiera tat-talba, l-għajnuna legali tingħata wkoll biex tkopri l-ispejjeż tal-interpretazzjoni, l-ispejjeż għat-traduzzjoni uffiċjali tad-dokumenti meħtieġa għas-soluzzjoni tat-tilwima u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar li jkollu jħallas ir-rikorrent għal kwalunkwe persuna maħsuba biex tappoġġa t-talba tiegħu li jkollha tattendi s-seduta personalment, jekk il-qorti tiddeċiedi li dik il-persuna ma tistax tipparteċipa mod ieħor fil-proċedimenti. L-għajnuna legali tista’ tieħu wkoll il-forma ta’ ħatra ta’ avukat biex jipprovdi pariri legali bil-ħsieb li tilwima transfruntiera tissolva qabel ma titressaq il-qorti.

10 X’għandi nagħmel jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?

Il-parti trid tressaq rikors quddiem il-qorti kompetenti (ara l-mistoqsija 5).

Meta l-għajnuna legali tingħata mill-qorti, il-benefiċjarju jkun intitolat għas-servizzi legali msemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija 2.

11 Min jagħżilli l-avukat, jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?

Din il-materja hija rregolata fl-Artikolu 5 tal-Liġi. Jekk jinħatar avukat, dawn jintgħażlu minn lista mfassla mill-kamra tal-avukati rilevanti (dikigorikós sýllogos). L-avukati tal-għassa (synígoroi ypiresías) jintgħażlu f’ordni alfabetika mil-lista rilevanti tal-kamra tal-avukati, u l-għażla tagħhom hija rratifikata mill-qorti li tagħti l-għajnuna legali. L-avukat maħtur jista’ jirrifjuta li jiddefendi lill-parti. Jekk jirrifjuta, l-istess qorti taħtar avukat ieħor.

12 L-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti?

L-Artikolu 9 tal-Liġi, kif emendat, jipprovdi dettalji dwar l-ispejjeż koperti mill-għajnuna legali. Ara wkoll it-tweġibiet għall-mistoqsijiet 1 u 2.

L-għajnuna legali tingħata f’kawżi ta’ divorzju b’kunsens reċiproku (synainetikó diazýgio) u tikkonsisti f’eżenzjoni mill-obbligu li jitħallsu xi wħud mill-ispejjeż jew l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti quddiem nutar, kif ukoll it-tariffa tal-avukat maħtur biex jirrappreżenta lir-rikorrenti quddiem in-nutar.

L-għajnuna legali ma taffettwax l-obbligu li jitħallas kwalunkwe kost mirbuħ mill-parti l-oħra.

13 Min għandu jħallas l-ispejjeż l-oħra jekk jien inkun intitolat biss għal għajnuna legali limitata?

Dan mhuwiex previst fil-Liġi. Alternattiva possibbli hija li spejjeż oħra jkunu koperti minn NGOs, l-aktar fil-każ ta’ migranti u refuġjati.

14 L-għajnuna legali tkopri l-appelli wkoll?

Iva. L-Artikolu 9(3) tal-Liġi jipprevedi li l-għajnuna legali tingħata separatament għal kull proċess, tapplika għal kwalunkwe qorti ta’ kwalunkwe istanza u tkopri wkoll l-eżekuzzjoni tas-sentenza.

15 L-għajnuna legali tista’ tiġi rtirata qabel il-konklużjoni tal-proċedimenti (jew saħansitra tiġi revokata wara t-terminazzjoni tal-proċedimenti)?

Skont l-Artikolu 4(2) u (3) tal-Liġi, l-għajnuna legali tista’ tiġi rtirata jew limitata b’deċiżjoni tal-imħallef kompetenti maħruġa fuq bażi ex officio jew fuq proposta tal-prosekutur pubbliku (eisangeléas), jekk jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna ma kinux issodisfati mill-bidu nett, ma baqgħux issodisfati, jew ikunu nbidlu sostanzjalment. Ir-rikorrenti li jkunu ngħataw għajnuna legali abbażi ta’ rikors falz jew informazzjoni falza jkunu meħtieġa jirrimborżaw l-ispejjeż li jkunu ġew eżentati minnhom.

16 Nista’ nikkontesta r-rifjut li ningħata għajnuna legali?

Skont l-Artikolu 8(2), ir-rikorrent jista’ jressaq appell quddiem il-qorti tal-prim’istanza b’diversi mħallfin (polimelés protodykeío) kontra d-deċiżjoni tal-imħallef tal-qorti ċivili distrettwali, tal-imħallef tal-qorti tal-prim’istanza b’imħallef uniku (monomelés protodikeío) jew tal-president tal-qorti tal-prim’istanza fi żmien 5 ijiem minn meta tinħareġ id-deċiżjoni. L-appell jinstema’ matul il-proċedimenti għal miżuri interim (l-Artikoli 682 et seq. tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Kódikas Politikís Dikonomías)). Ma jista’ jiġi ppreżentat l-ebda appell quddiem il-Qorti Suprema (Áreios Págos). Jista’ jiġi ppreżentat rikors ġdid jekk ikun hemm bidla fil-fatti (l-Artikolu 2(5) tal-Liġi).

17 It-talba għal għajnuna legali għandha l-effett li tissospendi l-perjodu ta’ preskrizzjoni?

Il-Liġi dwar l-għajnuna legali ma fiha l-ebda dispożizzjoni għal dak l-għan.

L-aħħar aġġornament: 28/02/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.