Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna Kroat ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Għajnuna legali

il-Kroazja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Il-proċedimenti legali xi spejjeż jinvolvu, u normalment min irid iħallashom?

L-Artikolu 151 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili(Zakon o parničnom postupku) jiddikjara li l-ispejjeż tal-litigazzjoni jinkludu l-ispejjeż imġarrba matul il-proċedimenti jew li jkunu relatati magħhom. Dawn l-ispejjeż jinkludu, pereżempju, l-ispejjeż għall-produzzjoni tal-evidenza, it-tariffi tal-qorti, l-ispejjeż tal-pubblikazzjoni, l-ispejjeż għall-allowances ta’ kuljum u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-imħallfin u tar-reġistraturi tal-qorti, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-partijiet b’rabta mad-dehra tagħhom fil-qorti u spejjeż simili. L-ispejjeż tat-tilwima jinkludu wkoll ir-remunerazzjoni għax-xogħol tal-avukati u ta’ persuni oħra li għandhom id-dritt għal remunerazzjoni skont il-liġi.

Skont l-Artikolu 152 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili kull parti għandha tħallas, bil-quddiem, l-ispejjeż li ġġarrab bħala riżultat tal-azzjonijiet tagħha. Meta parti tressaq il-provi, hija tkun obbligata, b’digriet tal-qorti, li tħallas, bil-quddiem, l-ammont meħtieġ biex tkopri l-ispejjeż relatati mal-produzzjoni tal-provi. Is-suċċess fit-tilwima huwa l-prinċipju bażiku meta jiġi deċiż min għandu finalment iġarrab l-ispejjeż tat-tilwima. Għalhekk, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 154 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili jiddikjara li parti li titlef kawża kompletament hija obbligata tħallas l-ispejjeż tal-kontroparti u tal-intervenjent tagħha mġarrba fil-proċedimenti. L-intervenjent fuq in-naħa tal-parti telliefa jrid ikopri l-ispejjeż mġarrba bl-azzjonijiet tiegħu. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 154 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili, jekk parti jkollha suċċess parzjali fit-tilwima tagħha, il-qorti għandha tiddeċiedi dwar ir-rimborż tal-ispejjeż abbażi tal-grad ta’ suċċess fit-tilwima b’rabta mat-talba li finalment ġiet ippreżentata. Japplikaw regoli speċjali f’każijiet fejn l-ispejjeż tat-tilwima jiġġarrbu minħabba nuqqas ta’ waħda mill-partijiet jew minħabba avveniment li jkun ġralha, meta tingħata sentenza abbażi ta’ konfessjoni, meta l-attur jirtira l-kawża jew jirrinunzja t-talba, meta t-tilwima tiġi solvuta mill-qorti u meta kolitiganti jipparteċipaw fit-tilwima (l-Artikoli 156–161 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili).

2 X’inhija eżattament l-għajnuna legali?

Skont l-Att dwar l-Għajnuna Legali Bla Ħlas (Zakon o besplatnoj pravnoj pomoći), l-għan tal-għajnuna legali huwa li tinkiseb l-ugwaljanza quddiem il-liġi, li ċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Kroazja u persuni oħra jingħataw protezzjoni legali effettiva u aċċess għall-qorti u għal korpi pubbliċi oħra rregolati mil-liġi pubblika taħt kundizzjonijiet ugwali skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Għajnuna Legali Bla Ħlas.

L-għajnuna legali tingħata bħala għajnuna legali primarja jew sekondarja.

L-għajnuna legali primarja tinkludi:

  • informazzjoni legali ġenerali
  • konsulenza legali
  • l-abbozzar ta’ sottomissjonijiet lill-korpi rregolati mid-dritt pubbliku, lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali skont il-ftehimiet internazzjonali u r-regoli dwar il-funzjonament ta’ dawn il-korpi
  • rappreżentanza fi proċedimenti quddiem korpi rregolati mid-dritt pubbliku
  • għajnuna legali f’soluzzjoni bonarja barra mill-qorti.

L-għajnuna legali primarja hija pprovduta mill-korpi amministrattivi tal-kontej u tal-Belt ta’ Żagreb (minn hawn ’il quddiem: il-korpi amministrattivi), assoċjazzjonijiet awtorizzati u kliniki legali. Fl-għoti tal-għajnuna legali primarji, il-korpi amministrattivi huma awtorizzati li jipprovdu informazzjoni legali ġenerali u konsulenza legali u jagħmlu sottomissjonijiet.

L-għajnuna legali sekondarja tinkludi:

  • konsulenza legali
  • l-abbozzar ta’ sottomissjonijiet fi proċedimenti dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema quddiem min iħaddem
  • l-abbozzar ta’ sottomissjonijiet f’litigazzjoni
  • rappreżentanza fi proċedimenti tal-qorti
  • assistenza legali f’soluzzjoni bonarja ta’ tilwima.

L-għajnuna legali sekondarja hija pprovduta mill-avukati.

L-għajnuna legali sekondarja tinkludi wkoll:

  • eżenzjoni mill-ispejjeż tal-proċedimenti tal-qorti
  • eżenzjoni mill-ħlas tat-tariffi tal-qorti.

3 Għandi dritt għal għajnuna legali?

Il-persuni li ġejjin huma intitolati għall-għajnuna legali bla ħlas:

  • ċittadini Kroati
  • tfal li ma humiex ċittadini Kroati iżda jsibu ruħhom fil-Kroazja mhux akkumpanjati minn adult responsabbli skont il-liġi
  • barranin b’permess ta’ residenza temporanja bil-kundizzjoni ta’ reċiproċità jew barranin b’permess ta’ residenza permanenti
  • barranin taħt protezzjoni temporanja
  • barranin residenti illegalment u barranin b’permess ta’ residenza għal żmien qasir fi proċedimenti għall-għoti ta’ deċiżjoni dwar tkeċċija jew deċiżjoni dwar ritorn
  • dawk li jfittxu ażil, persuni bi status ta’ ażil u barranin taħt protezzjoni sussidjarja u membri tal-familji tagħhom li jirrisjedu legalment fir-Repubblika tal-Kroazja, fi proċedimenti li fihom l-għajnuna legali ma tkunx ipprovduta minn liġi speċifika.

Bħala regola, il-kundizzjonijiet ta’ proprjetà li ġejjin għandhom jiġu sodisfatti sabiex tingħata għajnuna legali sekondarja:

  1. l-introjtu totali f’xahar tal-applikant u tal-membri tal-unità domestika tiegħu ma għandux jaqbeż l-ammont tal-bażi tal-kalkolu (HRK 3 326.00) għal kull membru tal-unità domestika, u
  2. il-valur totali tal-proprjetà tal-applikant u tal-membri tal-unità domestika tiegħu ma jridx jaqbeż l-ammont ta’ 60 darba l-bażi tal-kalkolu (HRK 199 560.00).

L-għajnuna legali sekondarja tiġi approvata mingħajr valutazzjoni preċedenti tas-sitwazzjoni ekonomika tal-applikant jekk l-applikant ikun:

  1. minorenni fil-proċess li jeżerċita jew teżerċita d-dritt għall-manteniment
  2. vittma ta’ reat vjolenti fi proċedimenti għall-fini tal-eżerċitar tad-dritt għal kumpens għal dannu kkawżat mir-reat kriminali
  3. benefiċjarju ta’ pagamenti ta’ manteniment taħt leġiżlazzjoni speċjali li tirregola d-drittijiet tas-sigurtà soċjali, jew
  4. benefiċjarju ta’ benefiċċju għall-għoli tal-ħajja skont l-Att dwar id-Drittijiet tal-Veterani tal-Gwerra għall-Indipendenza Kroata u l-Membri tal-Familja tagħhom (Zakon o pravima hrvatskih branitelja iz Domovinskog rata i članova njihovih obitelji) u l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Veterani Militari u tal-Gwerra Ċivili (Zakon o zaštiti vojnih i civilnih invalida rata).

L-għajnuna legali tista’ tingħata wkoll għal tilwim transfruntier. Tilwima transfruntiera hija tilwima li fiha l-parti li tapplika għall-għajnuna legali tkun domiċiljata jew abitwalment residenti fi Stat Membru tal-UE li ma huwiex l-Istat Membru li fih il-qorti tippresjedi jew li fih għandha tiġi eżegwita s-sentenza.

L-għajnuna legali f’tilwim transfruntier tingħata f’materji ċivili u kummerċjali, fi proċedimenti ta’ medjazzjoni, soluzzjonijiet barra mill-qorti, fl-eżekuzzjoni ta’ strumenti pubbliċi u fl-għoti ta’ konsulenza legali f’tali proċedimenti. Id-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna legali f’tilwim transfruntier ma japplikawx fi proċedimenti fiskali, u proċedimenti amministrattivi oħra.

Applikant għall-għajnuna legali f’tilwima transfruntiera jingħata għajnuna legali jekk jissodisfa l-prerekwiżiti stabbiliti mill-Att dwar l-Għajnuna Legali Bla Ħlas. B’mod eċċezzjonali, l-għajnuna legali tista’ tingħata lil applikant li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna legali stabbiliti bl-Att dwar l-Għajnuna Legali Bla Ħlas jekk juri li ma jistax iħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti minħabba d-differenza fl-għoli tal-ħajja bejn l-Istat Membru fejn ikun domiċiljat jew abitwalment residenti u r-Repubblika tal-Kroazja.

4 L-għajnuna legali tingħata għal kull tip ta’ proċediment?

L-għajnuna legali primarja tista’ tingħata għal kull materja legali, dment li:

  • l-applikant ma jkollux biżżejjed għarfien u kapaċità biex jasserixxi d-dritt tiegħu
  • l-applikant ma jkunx irċieva għajnuna legali taħt leġiżlazzjoni speċifika
  • l-applikazzjoni ppreżentata ma tkunx manifestament infondata, u
  • iċ-ċirkostanzi materjali tal-applikant ikunu tali li l-ħlas għall-għajnuna legali professjonali jista’ jipperikola l-għajxien tal-applikant u tal-membri tal-unità domestika tiegħu.

L-għajnuna legali sekondarja mogħtija mill-avukati u l-eżenzjoni mill-ħlas tal-ispejjeż tat-tilwima jistgħu jingħataw fit-tipi ta’ proċedimenti li ġejjin:

  • proċedimenti b’rabta ma’ drittijiet in rem, ħlief għal proċeduri tar-reġistru tal-artijiet
  • proċedimenti b’rabta ma’ relazzjonijiet ta’ impjieg
  • proċedimenti b’rabta ma’ relazzjonijiet familjari, ħlief fi proċedimenti ta’ divorzju b’kunsens reċiproku li fihom il-konjuġi ma jkollhomx tfal żgħar bejniethom jew adottati jew tfal li jsiru maġġorenni iżda jkunu taħt il-kura tal-ġenituri
  • proċedimenti b’rabta ma’ eżekuzzjoni u proċedimenti ta’ garanzija għall-ġbir furzat jew biex jiġu garantiti talbiet li jirriżultaw minn proċedimenti li għalihom tista’ tingħata għajnuna legali skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Għajnuna Legali Bla Ħlas
  • soluzzjoni bonarja tat-tilwima
  • b’mod eċċezzjonali, fil-proċedimenti ġudizzjarji amministrattivi u ċivili l-oħrajn kollha meta din il-ħtieġa tirriżulta miċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-ħajja tal-applikanti u tal-membri tal-unità domestika tagħhom, u skont l-għan fundamentali tal-Att dwar l-Għajnuna Legali Bla Ħlas.

L-għajnuna legali sekondarja mogħtija mill-avukati tista’ tingħata fil-proċedimenti msemmija hawn fuq bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

  • jekk il-proċedimenti jkunu kumplessi
  • jekk l-applikant ma jkunx kapaċi jirrappreżenta lilu nnifsu
  • jekk iċ-ċirkostanzi materjali tal-applikant ikunu tali li l-ħlas għall-għajnuna legali professjonali jista’ jipperikola l-għajxien tiegħu u tal-membri tal-unità domestika tiegħu, skont il-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 14 tal-Att Dwar l-Għajnuna Legali Bla Ħlas
  • jekk ma jkunx każ ta’ tilwima vessatorja
  • jekk l-applikazzjoni tal-applikant ma tkunx ġiet miċħuda fl-aħħar sitt xhur minħabba l-għoti intenzjonat ta’ informazzjoni mhux preċiża, u
  • jekk l-applikant ma jkunx ingħata għajnuna legali taħt leġiżlazzjoni speċifika.

Eżenzjoni mit-tariffi tal-qorti tista’ tingħata fil-proċedimenti kollha tal-qorti (proċedimenti ċivili u tilwim amministrattiv) jekk iċ-ċirkostanzi materjali tal-applikant ikunu tali li l-ħlas tat-tariffi tal-qorti jista’ jipperikola l-għajxien tal-applikant u tal-membri tal-unità domestika tiegħu, soġġett għall-kundizzjonijiet speċjali stabbiliti fl-Artikolu 14 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali Bla Ħlas. Meta tittieħed deċiżjoni, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-ammont tat-tariffi tal-qorti fil-proċedura li fiha tintalab eżenzjoni.

5 Jeżistu proċeduri speċjali f’każijiet ta’ bżonn?

Il-korp amministrattiv irid jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-għajnuna legali sekondarja fi żmien 15-il ġurnata mill-jum meta tkun ġiet ippreżentata. Jekk l-applikant jitlef id-dritt li jieħu l-azzjoni li għaliha jkun ippreżenta l-applikazzjoni minħabba li tkun għaddiet l-iskadenza, il-korp amministrattiv irid jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni fi żmien iqsar li jippermetti lill-applikant jieħu l-azzjoni fil-ħin.

6 Minn fejn nista’ nikseb formola ta’ applikazzjoni għal għajnuna legali?

Il-proċedura biex tinkiseb l-għajnuna legali primarja tinbeda billi jiġi kkuntattjat direttament il-fornitur tal-għajnuna legali primarja (assoċjazzjoni awtorizzata, klinika legali jew korp amministrattiv) u ma huwiex meħtieġ li timtela formola ta’ applikazzjoni speċifika.

Il-proċedura biex tinkiseb l-għajnuna legali sekondarja tinbeda billi titressaq talba għall-għoti ta’ għajnuna legali fuq il-formola preskritta lill-uffiċċju kompetenti. Il-formola tal-applikazzjoni għall-għajnuna legali tista’ tinkiseb mill-uffiċċji u mis-siti elettroniċi tal-uffiċċji u tal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Amministrazzjoni Pubblika (Ministarstvo pravosuđa i uprave).

L-applikazzjoni għall-għajnuna legali f’tilwima transfruntiera u l-applikazzjonijiet għat-trażmissjoni ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna legali f’tilwima transfruntiera għandhom jiġu ppreżentati fuq il-formoli preskritti mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/844/KE tad-9 ta’ Novembru 2004 li tistabbilixxi formola għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna legali taħt id-Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE sabiex ittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja f’tilwim transfruntier billi tistabbilixxi regoli komuni minimi li għandhom x’jaqsmu mal-għajnuna legali f’tilwim bħal dawn, u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/630/KE tas-26 ta’ Awwissu 2005 li tistabbilixxi formola għat-trażmissjoni ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna legali taħt id-Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE, ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-formoli u d-dokumenti akkumpanjanti kollha f’tilwima transfruntiera għandhom jiġu ppreżentati tradotti bil-Kroat. Jekk le, l-applikazzjoni tiġi miċħuda.

7 X’dokumenti jridu jiġu ppreżentati mal-formola tal-applikazzjoni għal għajnuna legali?

Meta applikazzjoni tiġi ppreżentata lill-korp amministrattiv kompetenti, din għandha tkun akkumpanjata mill-kunsens bil-miktub tal-applikant u tal-membri tal-unità domestika tiegħu li jippermetti l-aċċess għad-data kollha dwar id-dħul u l-assi totali, fejn l-applikant jikkonferma li l-informazzjoni pprovduta hija preċiża u kompluta.

Il-vittmi ta’ vjolenza domestika għandhom jippreżentaw il-kunsens tagħhom biex jippermettu aċċess għad-data kollha dwar id-dħul u l-proprjetà għalihom infushom biss. Il-kunsens ma jiġix ippreżentat minn dawk il-membri tal-unità domestika li jipparteċipaw fil-proċedimenti bħala konvenuti jew li l-interess tagħhom imur kontra l-interess tar-rikorrent.

Il-formola tar-rikors għal għajnuna legali f’tilwima transfruntiera għandha tkun akkumpanjata mid-dokumentazzjoni rilevanti meħtieġa biex tittieħed deċiżjoni dwar ir-rikors.

8 Fejn irrid nibgħat l-applikazzjoni tiegħi għal għajnuna legali?

Il-proċedura biex tinkiseb għajnuna legali primarja tinbeda billi tikkuntattja direttament lil min jipprovdi għajnuna legali primarja (assoċjazzjoni awtorizzata, klinika legali jew korp amministrattiv), u ma hemmx bżonn li tippreżenta applikazzjoni speċifika, filwaqt li l-proċedura biex tinkiseb għajnuna legali sekondarja tinbeda billi tissottometti applikazzjoni lill-korp amministrattiv kompetenti fit-territorju fejn l-applikant ikun domiċiljat jew abitwalment residenti.

Applikant li jkun domiċiljat jew abitwalment residenti fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u jeħtieġ għajnuna legali f’tilwima transfruntiera quddiem qorti fir-Repubblika tal-Kroazja jrid jippreżenta applikazzjoni għal għajnuna legali lill-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Amministrazzjoni Pubblika tar-Repubblika tal-Kroazja (l-awtorità li tirċievi).

Parti li tkun domiċiljata jew abitwalment residenti fir-Repubblika tal-Kroazja u li tfittex għajnuna legali f’tilwima transfruntiera quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea trid tippreżenta l-applikazzjoni tagħha lill-uffiċċju responsabbli għall-post ta’ residenza permanenti jew tar-residenza abitwali tagħha.

9 Kif nista’ nsir naf jekk jiniex intitolat għal għajnuna legali?

Għajnuna legali sekondarja tingħata lil applikant li jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-eżerċitar tad-dritt għall-għajnuna legali bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-għoti tal-għajnuna legali. Il-korp amministrattiv irid jiddeċiedi dwar applikazzjoni fi żmien 15-il jum mid-data li fiha jkun ġie ppreżentat.

10 X’għandi nagħmel jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?

Id-deċiżjoni dwar l-għajnuna legali tinkludi d-dritt li jintużaw xi wħud mill-forom jew il-forom kollha ta’ għajnuna legali sekondarja għal proċedura ta’ ċertu tip u grad. Id-deċiżjoni msemmija hawn fuq tinkludi d-data personali tal-benefiċjarju tal-għajnuna legali, deskrizzjoni qasira tal-materja legali li għaliha ngħatat l-għajnuna legali, il-forma u l-ambitu tal-għajnuna legali approvata, informazzjoni dwar l-avukat li se jipprovdi l-għajnuna legali u informazzjoni oħra rilevanti għad-deċiżjoni.

Meta l-applikant jippreżenta applikazzjoni għal għajnuna legali fil-forma ta’ eżenzjoni mit-tariffi tal-qorti, huwa għandu jinforma lill-qorti fis-sottomissjoni, jew meta jieħu azzjoni oħra fil-proċedimenti tal-qorti, dwar l-applikazzjoni tiegħu għal eżenzjoni mit-tariffi tal-qorti, u għandu jissottometti d-deċiżjoni li teżentah mill-ħlas tat-tariffi tal-qorti sa mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data li fih tkun ġiet ippreżentata s-sottomissjoni jew mid-data meta tittieħed azzjoni oħra fil-proċedimenti quddiem il-qorti.

11 Min jagħżilli l-avukat, jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?

Id-deċiżjoni li tagħti l-għajnuna legali sekondarja tispeċifika wkoll l-avukat li għandu jipprovdi l-għajnuna legali. Il-benefiċjarju tal-għajnuna legali għandu jippreżenta d-deċiżjoni lill-avukat indikat fid-deċiżjoni. F’każijiet eċċezzjonali, il-korp amministrattiv jaħtar avukat differenti għall-benefiċjarju bil-kunsens minn qabel tiegħu mehmuż mal-applikazzjoni għall-għajnuna legali.

12 L-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti?

Kif intqal hawn fuq, id-deċiżjoni li tagħti l-għajnuna legali tinkludi d-dritt li jintużaw xi wħud mill-forom jew il-forom kollha ta’ għajnuna legali sekondarja għal proċedura ta’ ċertu tip u grad. Skont id-deċiżjoni li tingħata l-għajnuna legali, il-benefiċjarju jista’ jkun totalment jew parzjalment eżentat milli jħallas it-tariffi tal-avukat, l-ispejjeż tat-tilwima (eżenzjoni mill-ħlas bil-quddiem tal-ispejjeż tax-xhieda, l-interpreti, l-esperti, l-investigazzjonijiet u l-pubblikazzjonijiet tal-qorti) u t-tariffi tal-qorti.

L-għajnuna legali tingħata kollha kemm hi jekk l-applikant ikun benefiċjarju ta’ allowance ta’ appoġġ skont regolamenti speċifiċi li jirregolaw l-eżerċizzju tad-drittijiet taħt is-sistema tal-għajnuna soċjali, jew ta’ benefiċċju għall-għoli tal-ħajja skont l-Att dwar id-Drittijiet tal-Veterani tal-Gwerra għall-Indipendenza Kroata u l-Membri tal-Familja tagħhom u l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Veterani Militari u tal-Gwerra Ċivili, jew jekk l-introjtu totali tal-applikant u tal-membri tal-unità domestika tiegħu ma jaqbiżx il-50 % tal-ammont ta’ kull xahar tal-bażi tal-kalkolu għal kull membru tal-unità domestika.

Kull żieda fl-introjtu totali tal-applikant u tal-membri tal-unità domestika tiegħu li taqbeż 50 % tal-bażi tal-kalkolu għal kull membru tal-unità domestika tirriżulta fi tnaqqis fl-ammont ta’ għajnuna legali, b’tali mod li kull żieda ta’ 10 % tirriżulta fi tnaqqis ta’ 10 % fl-għajnuna legali iżda l-ammont tal-għajnuna legali ma għandux ikun inqas minn 50 % tal-ispejjeż determinati għall-għajnuna legali.

Jekk l-għajnuna legali ma tkunx ingħatat kollha, l-applikant jista’ jressaq appell quddiem il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Amministrazzjoni Pubblika kontra l-parti tad-deċiżjoni li tirrifjuta l-għoti tal-għajnuna legali. Dan l-appell ma jdewwimx l-użu tal-ammont approvat ta’ għajnuna legali. Jistgħu jinbdew proċedimenti amministrattivi kontra d-deċiżjoni tal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Amministrazzjoni Pubblika li tiċħad l-appell.

13 Min għandu jħallas l-ispejjeż l-oħra jekk jien inkun intitolat biss għal għajnuna legali limitata?

Meta jkun ingħata ammont imnaqqas ta’ għajnuna legali, il-bqija tal-ispejjeż jitħallsu mill-benefiċjarju tal-għajnuna legali. Fi kwalunkwe każ, jekk il-benefiċjarju tal-għajnuna legali jirbaħ il-kawża, il-qorti tiddeċiedi li dik il-parti għandha tiġi rimborżata għall-ispejjeż tal-proċedimenti mill-parti l-oħra.

14 L-għajnuna legali tkopri l-appelli wkoll?

Rikors għall-għajnuna legali jista’ jitlob l-għoti ta’ għajnuna legali għaż-żewġ stadji tal-proċedimenti ċivili. Sabiex jitħejjew rimedji legali straordinarji, jeħtieġ li tiġi ppreżentata applikazzjoni speċjali, u tingħata deċiżjoni speċifika għal dik l-azzjoni legali biss.

15 L-għajnuna legali tista’ tiġi rtirata qabel il-konklużjoni tal-proċedimenti (jew saħansitra tiġi revokata wara t-terminazzjoni tal-proċedimenti)?

Jekk matul il-proċedimenti s-sitwazzjoni finanzjarja tal-benefiċjarju tal-għajnuna legali u l-membri tal-unità domestika tiegħu titjieb sal-punt fejn, li kieku din is-sitwazzjoni finanzjarja mtejba kienet teżisti fiż-żmien tal-applikazzjoni din kienet taffettwa d-dritt tal-applikant għall-għajnuna legali u l-ambitu tal-għajnuna legali, il-korp amministrattiv kompetenti jirrevoka kompletament jew parzjalment id-deċiżjoni dwar l-għajnuna legali. Il-benefiċjarji tal-għajnuna legali għandhom jinfurmaw lill-korp amministrattiv dwar kull titjib fis-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom fi żmien 8 ijiem mill-jum li fih ikunu saru jafu b’dan. Benefiċjarju tal-għajnuna legali jista’ jressaq appell quddiem il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Amministrazzjoni Pubblika kontra d-deċiżjoni li tirrevoka d-deċiżjoni li tingħata l-għajnuna legali fi żmien 15-il jum mid-data meta jirċievi d-deċiżjoni. Jistgħu jinbdew proċedimenti amministrattivi kontra d-deċiżjoni tal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Amministrazzjoni Pubblika.

16 Nista’ nikkontesta r-rifjut li ningħata għajnuna legali?

L-applikant jew il-benefiċjarju tal-għajnuna legali jista’ jressaq appell kontra d-deċiżjoni tal-korp amministrattiv li tiċħad it-talba għall-għajnuna legali jew kontra l-parti tad-deċiżjoni li tirrifjuta l-għoti tal-għajnuna legali sħiħa fi żmien 15-il jum mid-data meta jirċievi d-deċiżjoni. Il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Amministrazzjoni Pubblika għandu jiddeċiedi dwar appell fi żmien 8 ijiem mid-data tal-wasla ta’ appell validu. Jistgħu jinbdew proċedimenti amministrattivi kontra d-deċiżjoni tal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Amministrazzjoni Pubblika.

 

Informazzjoni ulterjuri:

Is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Amministrazzjoni Pubblika

L-Att dwar l-Għajnuna Legali Mingħajr Ħlas (Narodne Novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja), Nri 143/12 u 98/19)

Att dwar il-Proċedura Ċivili (NN Nri 53/91, 91/92, 58/93, 112/99, 88/01, 117/03, 88/05, 02/07, 84/08, 96/08, 123/08, 57/11, 148/11 – test konsolidat, 25/13, 89/14, 70/19)

L-aħħar aġġornament: 23/05/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.