

Sib informazzjoni għal kull reġjun
Fi Franza, l-appoġġ legali jissejjaħ għajnuna legali (aide juridictionnelle).
L-ispejjeż sostnuti fil-proċedimenti jvarjaw skont in-natura u l-kumplessità tal-kawża, il-proċedura u l-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni biex tiddeċiedi l-kawża.
L-ispejjeż jinqasmu fi tliet kategoriji:
• it-tariffi tal-avukat, li ma humiex suġġetti għal skala fissa u għalhekk jistgħu jiġu miftiehma bejn l-avukati u l-klijenti; bħala prinċipju dawn jitħallsu mill-klijenti sakemm ma jkunux eliġibbli għall-għajnuna legali;
• l-ispejjeż, elenkati speċifikament fl-Artikolu 695 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Code de procédure civile) u li jinkludu prinċipalment:
a. emolumenti ta’ rappreżentanza pagabbli lill-avukati jew lil ċerti uffiċjali pubbliċi (officiers publics jew officiers ministériels); l-emolumenti huma separati mit-tariffi;
b. l-ispejjeż tal-qorti pagabbli lill-uffiċjali ġudizzjarji;
c. l-ispejjeż tar-rapporti tal-esperti u investigazzjoni;
d. kwalunkwe kumpens għax-xhieda, ibbażat fuq skala;
e. it-tariffa tal-avukat għas-seduta;
f. ħlasijiet: spejjeż relatati mal-ispejjeż b’rata fissa mħallsa bil-quddiem mill-professjonisti għall-ħtiġijiet tal-proċedimenti.
L-ispejjeż jitħallsu mill-parti telliefa. Dak il-prinċipju huwa stabbilit fl-Artikolu 696 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Madankollu, l-imħallfin jistgħu jagħtu deċiżjoni motivata li tordna lil parti oħra tħallas l-ispejjeż kollha jew parti minnhom; f’dan l-aħħar imsemmi każ il-partijiet jaqsmu l-ispejjeż.
• spejjeż oħra sostnuti fil-qorti mill-partijiet fil-proċedimenti huma bħala prinċipju pagabbli minn dawk il-partijiet sakemm l-imħallef ma jiddeċidix mod ieħor. L-imħallef jista’ jeżerċita dik is-setgħa kemm f’kawżi kriminali kif ukoll f’kawżi ċivili, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-ekwità jew għas-sitwazzjoni ekonomika tal-parti kkundannata. L-imħallfin jistgħu wkoll jiddeċiedu ex officio li tali ordni ma tkunx meħtieġa.
F’kawżi kriminali, l-istat iħallas it-tariffi tal-qorti. Il-persuna kkundannata hija meħtieġa tħallas tariffa fissa għall-proċedimenti, li l-ammont tagħha jiddependi mir-reat.
L-għajnuna legali hija parti mis-sistema ta’ appoġġ legali (li ssostitwiet is-sistema ta’ assistenza legali organizzata taħt il-liġi tal-1972) prevista mil-Liġi Nru 91-647 tal-10 ta’ Lulju 1991 dwar l-appoġġ legali u dwar l-għajnuna legali u għajnuna għal assistenza minn avukat fi proċedimenti mhux fil-qrati (loi no 91-647 du 10 juillet 1991 relative à l’aide juridique et relatif à l’aide juridictionnelle et à l’aide à l’intervention de l’avocat dans les procédures non juridictionnelles).
L-appoġġ legali jkopri:
Għajnuna legali u għajnuna għal assistenza minn avukat fi proċedimenti mhux fil-qrati għal persuni li jixtiequ jinvokaw id-drittijiet legali tagħhom u għandhom biss livell baxx ta’ riżorsi. Din tikkonsisti f’pagament sħiħ jew parzjali mill-Istat tat-tariffi sostnuti u tkopri wkoll l-ispejjeż legali (avukat, uffiċjal ġudizzjarju, nutar, eċċ.). Din tingħata lil individwu li jitlobha meta l-azzjoni mressqa tkun inammissibbli, infondata jew abbużiva fid-dawl, b’mod partikolari, tan-numru ta’ talbiet jew tan-natura sistematika tagħhom.
L-għajnuna legali tista’ tkun totali, parzjali jew żero. Din ma tkoprix l-ispejjeż kollha koperti minn polza tal-assigurazzjoni tal-ispejjeż legali jew skema ta’ protezzjoni oħra. Fejn xieraq, kwalunkwe parti mill-ispejjeż hekk koperta titnaqqas mill-ammonti maħruġa mill-Istat għall-għajnuna legali.
L-għajnuna legali tippermetti li l-benefiċjarju jirċievi assistenza mingħajr ħlas minn avukat jew uffiċjal ġudizzjarju ieħor (eż. uffiċjal ġudizzjarju (bailiff), avukat, irkantatur eċċ.) u li jkun eżentat mill-ispejjeż kollha tal-qorti jew minn parti minnhom. Din hija soġġetta għall-kriterji tal-eliġibbiltà stabbiliti fil-Liġi tal-10 ta’ Lulju 1991 u fid-Digriet 2020-1717 tat-28 ta’ Diċembru 2020 li jimplimenta il-Liġi Nru 91-647 tal-10 ta’ Lulju 1991 dwar l-appoġġ legali u dwar l-għajnuna legali u għajnuna għal assistenza minn avukat fi proċedimenti mhux fil-qrati (loi no 91-647 du 10 juillet 1991 relative à l’aide juridique et relatif à l’aide juridictionnelle et à l’aide à l’intervention de l’avocat dans les procédures non juridictionnelles).
L-għajnuna legali tingħata mill-uffiċċju tal-għajnuna legali (bureau de l’aide juridictionnelle) stabbilit fil-Qrati Magħquda (Reġjonali u Distrettwali) (Tribunal judiciaire), soġġett għal diversi kriterji finanzjarji, ta’ ċittadinanza, ta’ residenza u ta’ ammissibbiltà.
Din l-għajnuna tista’ tingħata wkoll soġġetta għal kundizzjonijiet ta’ deroga f’ċerti sitwazzjonijiet (ara iktar ’il quddiem).
Kriterji Finanzjarji:
Inti eliġibbli għal għajnuna legali jekk id-dħul taxxabbli ta’ riferiment tiegħek (revenu fiscal de référence) jew il-kapaċità tiegħek li tħallas it-taxxa u l-assi tiegħek huma taħt il-limitu stabbilit fid-digriet.
Dispożizzjonijiet ġodda daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021 li jemendaw il-kriterji li jippermettu l-aċċess għall-għajnuna legali. L-eliġibbiltà għall-għajnuna issa hija bbażata fuq dawn li ġejjin.
Jekk l-unità domestika tkun ikkostitwita minn diversi persuni, il-limiti massimi li ma jridux jinqabżu jieħdu inkunsiderazzjoni l-assi mobbli u immobbli ta’ dawk il-persuni kollha. Madankollu, jekk l-għajnuna legali tintalab għal proċedimenti marbuta ma’ tilwima bejn l-applikant u membru tal-unità domestika tagħhom, il-limiti massimi tad-dħul jiġu eżaminati individwalment.
Madankollu, l-għajnuna legali tingħata mingħajr kunsiderazzjoni tal-kriterji tad-dħul lill-vittmi tar-reati l-aktar gravi (vittmi ta’ attakki bil-ħsieb li l-ħajja titpoġġa f’periklu jew li tiġi kkawżata ħsara fil-ġisem) u l-benefiċċjarji tagħhom.
L-għajnuna legali tista’ tingħata lil ċittadini Franċiżi jew ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri (bl-eċċezzjoni tad-Danimarka) jew lil ċittadini barranin abitwalment u legalment residenti fi Franza. Tista’ tingħata wkoll għal kawża f’qorti Franċiża lil barranin mhux residenti fi Franza iżda li jkunu ċittadini ta’ Stat li għandu ftehim internazzjonali jew bilaterali ma’ Franza li jrendi liċ-ċittadini tiegħu eliġibbli għall-għajnuna legali.
Il-kriterju tar-residenza
Minbarra l-każijiet imsemmija hawn fuq, ir-residenza abitwali u legali fi Franza hija r-regola ġenerali.
Madankollu, il-barranin jingħataw għajnuna legali mingħajr kundizzjoni ta’ residenza meta jkunu minuri, xhieda assistita, persuni investigati, mixlija, akkużati jew misjuba ħatja jew partijiet li qiegħdin jitolbu d-danni fi proċedimenti kriminali, meta jkunu suġġetti għal ordni ta’ protezzjoni maħruġa skont l-Artikolu 515-9 tal-Kodiċi Ċivili, meta jkunu soġġetti għal negozjati dwar il-piena (plea bargaining) jew meta jkunu soġġetti għal proċedimenti li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kodiċi għad-dħul u r-residenza ta’ barranin fi Franza u d-dritt tal-ażil fi Franza.
L-għajnuna legali tingħata lil persuni li l-kawżi tagħhom ma jidhrux li huma manifestament inammissibbli jew infondati. Din il-kundizzjoni ma tapplikax għall-intimati fil-kawża, għall-persuni b’responsabbiltà ċivili, għax-xhieda assistiti jew għall-persuni mixlija, akkużati jew misjuba ħatja.
Ir-rikorrenti jiġu miċħuda l-għajnuna legali għal appelli jekk ma tkun tista’ tiġi stabbilita l-ebda bażi raġonevoli ta’ appell.
Meta l-għajnuna legali tkun ġiet miċħuda fuq dik il-bażi, iżda l-imħallef jilqa’ r-rikors ippreżentata mir-rikorrent, ir-rikorrent jingħata rifużjoni tal-kostijiet, l-ispejjeż u t-tariffi li jkun ġarrab jew ħallas, sal-ammont tal-għajnuna legali li kien ikun intitolat għalih fid-dawl tal-assi tiegħu.
Sitwazzjonijiet Speċifiċi
L-għajnuna legali tingħata mingħajr eżami tal-kriterji tal-eliġibbiltà jekk l-applikant ikun diġà rċieva għajnuna legali għall-kawża tiegħu u l-avversarju tiegħu jkun appella mid-deċiżjoni mogħtija favurih, jew jekk jippreżenta azzjoni quddiem il-Qorti Nazzjonali tad-Dritt tal-Ażil (Cour nationale du droit d’asile).
B’mod simili, il-persuni li ma jissodisfawx il-kriterji tal-eliġibbiltà jistgħu eċċezzjonalment jingħataw l-għajnuna legali jekk il-kawża tagħhom tkun manifestament ta’ interess fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima jew l-ispejjeż prevedibbli tal-proċedimenti (l-Artikolu 6 tal-Liġi tal-10 ta’ Lulju 1991 dwar l-għajnuna legali).
L-għajnuna legali tingħata lir-rikorrenti u lill-intimati fi proċedimenti mhux kontenzjużi jew kontenzjużi fi kwalunkwe qorti u għas-smigħ tal-minorenni.
Tista’ tingħata għall-proċedimenti kollha jew għal parti minnhom u bl-iskop li jintlaħaq ftehim qabel il-bidu tal-proċedimenti.
L-għajnuna legali tista’ tingħata wkoll biex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-qorti jew ta’ kwalunkwe mandat ieħor ta’ eżekuzzjoni, inklużi dawk minn Stati Membri oħra tal-UE, bl-eċċezzjoni tad-Danimarka.
L-għajnuna legali tista’ tingħata proviżorjament meta l-proċedimenti jipperikolaw il-kundizzjonijiet essenzjali ta’ għajxien tal-persuna kkonċernata, b’mod partikolari fil-każ ta’ eżekuzzjoni li tinvolvi l-qbid ta’ proprjetà jew l-iżgumbrament. F’dawn il-każijiet tista’ tingħata mill-kap tal-uffiċċju tal-għajnuna legali jew mill-qorti kompetenti jew mill-president tagħha. F’kawżi kriminali, il-proċedura tippermetti li tingħata l-għajnuna legali f’ċirkostanzi urġenti (pereżempju intervent matul l-eżami tal-ewwel dehra jew proċess immedjat).
L-għajnuna legali tingħata proviżorjament matul il-proċedimenti u tkopri l-atti kollha tal-qorti.
Il-formola tal-applikazzjoni għall-għajnuna legali tista’ titniżżel u tiġi stampata billi tiġi kkuppjata l-link li ġejja fil-browser tiegħek:
https://www.justice.fr/formulaire/demande-aide-juridictionnelle
L-għajnuna legali tista’ tintalab qabel ma tiġi ppreżentata t-talba jew inkella matul il-proċedimenti.
Inti tista’ tagħmel rikors wkoll għall-għajnuna legali wara t-tmiem tal-proċedimenti, pereżempju biex teżegwixxi deċiżjoni.
Inti tista’ tikseb formola ta’ applikazzjoni għall-għajnuna legali mill-qorti tal-post ta’ residenza tiegħek jew tal-post fejn tkun se tinstema’ l-kawża, kif ukoll mill-“Justice Point” (Uffiċċji tal-Ġustizzja u d-Dritt) (Maisons de la Justice et du Droit), Uffiċċju tal-Aċċess għall-Ġustizzja (Point d’Accès au Droit) jew Rilej tal-Aċċess għall-Ġustizzja (Relais d’Accès au Droit)) li jkun l-eqreb lejk. Sabiex issib fejn, ara s-sit web li ġej: http://www.annuaires.justice.gouv.fr/lieux-dacces-aux-droits-10111/.
Jekk inti ċittadin Franċiż li tgħix barra mill-pajjiż, il-formola tista’ tinkiseb ukoll mill-konsulati jew minn:
Département de l'entraide, du droit international privé et européen, Ministère de la Justice,
Direction des affaires civiles et du sceau,
13 place Vendôme, 75042 Paris Cedex 01.
Jekk inti barrani mhux residenti fi Franza, tista’ tikseb il-formola għall-għajnuna legali mingħand l-awtorità ċentrali nominata minn pajjiżek biex tibgħat talbiet internazzjonali għall-għajnuna legali. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi nnominaw il-Ministeru tal-Ġustizzja tagħhom. Franza nnominat lid-dipartiment ta’ hawn fuq fil-Ministeru tal-Ġustizzja, il-Bureau du droit de l’Union, du droit international privé et de l’entraide civile, biex jipproċessa talbiet f’kawżi ċivili, kummerċjali jew amministrattivi minn residenti tal-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa li huma parti għall-Ftehim Ewropew tas-27 ta’ Jannar 1977 dwar it-Trażmissjoni ta’ Rikorsi għall-Għajnuna Legali bir-responsabbiltà li jirċievu u jibagħtu r-rikorsi.
Jekk inti ċittadin ta’ Stat Membru tal-UE, bl-eċċezzjoni tad-Danimarka, u inti residenti fi Franza jew il-kawża tiegħek qed tinstema’ f’qorti Franċiża, tista’ tkun eliġibbli għal għajnuna legali transfruntiera f’kawżi ċivili u kummerċjali skont id-Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE tas-27 ta’ Jannar 2003. L-uffiċċju responsabbli għall-ipproċessar ta’ dawk ir-rikorsi fi Franza huwa il-:
Bureau de l’aide juridictionnelle
Service de l’accès au droit et à la justice et de l’aide aux victimes (SADJAV)
Ministère de la Justice
13 place Vendôme, 75042 Paris Cedex 01.
N.B.: Dalwaqt ikun possibbli li tapplika għall-għajnuna legali permezz tad-dipartiment ta’ appoġġ tas-Sistema tal-Informazzjoni tal-Għajnuna Legali (Système d’information de l’aide juridictionnelle), li bħalissa qiegħed jiġi ppruvat f’xi qrati.
Is-Sistema tal-Informazzjoni tal-Għajnuna Legali se tippermetti lill-individwi li japplikaw għall-għajnuna legali permezz tal-internet, u se tippermetti lill-Uffiċċju tal-Għajnuna Legali jirċievi l-imsemmija rikors, u b’hekk jiġu ssimplifikati l-proċeduri għall-individwi u jitqassar iż-żmien meħud għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet.
Il-formola tal-applikazzjoni għall-għajnuna legali trid tiġi kkompletata u akkumpanjata minn dokumenti ta’ sostenn (avviż tal-valutazzjoni tat-taxxa, evidenza dwar ċirkustanzi familjari jew ċittadinanza, eċċ.), skont id-Digriet tat-30 ta’ Diċembru 2020 dwar il-kontenut tal-formola tal-applikazzjoni għall-għajnuna legali u dwar il-lista ta’ dokumenti li għandhom jiġu inklużi (arrêté du 30 décembre 2020 relatif au contenu du formulaire de demande d’aide juridictionnelle et à la liste des pièces à y joindre). Id-dokumenti ta’ sostenn huma relatati partikolarment mar-riżorsi finanzjarji (tiegħek stess u tal-persuni li normalment jgħixu miegħek), is-suġġett tat-talba tiegħek u l-qorti li qed tittratta l-kawża.
Inti tista’ tippreżenta jew tibgħat ir-rikors tiegħek lill-uffiċċju tal-għajnuna legali tal-post ta’ residenza tiegħek jew lill-uffiċċju tad-distrett li fih tinsab il-qorti li qed tisma’ l-kawża.
Jeżisti uffiċċju uniku ta’ għajnuna legali f’kull Qorti Kkombinata (Tribunal judiciaire) (li qabel kienet il-Qorti Reġjonali (Tribunal de grande instance)), li jipproċessa r-rikorsi għall-għajnuna legali għall-kawżi li għandhom jinstemgħu f’dik il-qorti jew fid-distrett tagħha: Il-Qorti Kkombinata (Tribunal judiciaire), il-Qorti Amministrattiva (Tribunal administratif), it-Tribunal Industrijali (Conseil de prud’hommes), il-Qorti tal-Appell (Cour d’appel) u l-Qorti Amministrattiva tal-Appell (Cour administrative d’appel).
Bħala eċċezzjoni għar-regola tal-uffiċċju uniku, kull waħda mill-qrati li ġejjin ukoll għandha uffiċċju:
Inti tiġi nnotifikat bid-deċiżjoni mill-uffiċċju tal-għajnuna legali fil-post ta’ residenza tiegħek.
Jeżisti simulatur online li jista’ jintuża sabiex tinkiseb stima ta’ dak li għandek dritt għalih f’termini ta’ għajnuna legali:
https://www.justice.fr/simulateurs/aide-juridictionnelle
Is-simulazzjoni tipprovdilek ħarsa lejn id-drittijiet tiegħek marbuta mal-għajnuna legali. Madankollu, din is-simulazzjoni ma tissostitwix investigazzjoni korretta tal-applikazzjoni tiegħek, u għalhekk ma tippreġudikax id-deċiżjoni li tittieħed mill-Uffiċċju tal-Għajnuna Legali.
Jenħtieġ li tikkuntattja lill-avukat tiegħek (jew uffiċjal ġudizzjarju, eż. uffiċjal ġudizzjarju (bailiff), espert jew avukat (solicitor), eċċ.) jew lill-persuna nnominata għalik sabiex tispjegalha l-każ tiegħek u tagħtiha l-informazzjoni u d-dokumenti kollha meħtieġa għall-ħidma tagħhom.
Jekk inti ngħatajt għajnuna legali parzjali, jenħtieġ li tiftiehem magħhom dwar it-tariffa addizzjonali li jkollok tħallashom. Dak l-ammont irid jintwera fil-ftehim li jenħtieġ li tiffirma.
Kull individwu jista’ jaħtar avukat tal-għażla tiegħu.
Jekk qed taħtar l-avukat tiegħek stess, trid tipprovdi ismu fuq ir-rikors għall-għajnuna legali.
Madankollu, jekk inti ma taf lil ebda avukat, jiġi maħtur wieħed għalik jew mill-President tal-Kamra tal-Avukati tal-Qorti Kkombinata (Tribunal judiciaire) (li qabel kienet il-Qorti Reġjonali (Tribunal de grande instance)) jew mill-President tal-qorti adita bil-kawża.
Għajnuna legali sħiħa tkopri l-ispejjeż kollha tal-qorti, inkluż il-ħlas dirett lill-avukat jew lill-uffiċjali ġudizzjarji oħra (bailiffs, esperti, solicitors, eċċ.). Dak il-pagament jiġi kkalkulat skont skala jew rata skont it-tip tal-proċedimenti.
Abbażi tal-assi tiegħek, inti tista’ tingħata għajnuna legali parzjali b’żewġ rati, 55 % u 25 %, pagabbli mill-Istat. Inti tibqa’ responsabbli għal tariffa addizzjonali mhux fissa, iddeterminata bi ftehim bejnek u bejn l-avukat, taħt is-superviżjoni tal-President tal-Kamra tal-Avukati li tista’ tirreferilu kwalunkwe tilwima.
Bħal fil-każ tal-għajnuna legali sħiħa, l-eliġibbiltà għall-għajnuna legali parzjali teżenta lill-benefiċjarju mill-ispejjeż l-oħra kollha meħtieġa tal-qorti.
Id-dritt għall-għajnuna legali jista’ jiġi rtirat kompletament jew parzjalment (l-Artikolu 50 tal-Liġi tal-1991 u l-Artikoli 65 sa 68 tad-Digriet 2020-1717 tat-28 ta’ Diċembru 2020 dwar l-għajnuna legali) matul jew wara l-proċedimenti, f’konformità mal-kundizzjonijiet li ġejjin:
Deċiżjonijiet li jirtiraw l-għajnuna legali jinkludu l-obbligu impost fuq ir-riċevitur sabiex iħallas lura l-ammont tal-kontribuzzjoni mħallsa mill-Istat.
Jekk tiġi rrifjutat l-għajnuna legali, inti tista’ tappella minn dik id-deċiżjoni.
Tista’ tappella inti stess jew permezz ta’ avukat.
Jista’ jiġi ppreżentat appell kontra deċiżjoni li tirrifjuta l-għajnuna legali b’mod totali jew kontra deċiżjoni li tikkonċedi biss għajnuna legali parzjali, jekk inti applikajt għal għajnuna sħiħa.
L-appell għandu jiġi ppreżentat fi żmien 15-il jum min-notifika tad-deċiżjoni.
Jenħtieġ li inti tindika fl-appell ir-raġunijiet għaliex inti qiegħed tikkontesta d-deċiżjoni li ttieħdet. Pereżempju: żball fin-numru ta’ persuni fl-unità domestika tiegħek jew fl-ammont tar-riżorsi tiegħek.
L-appell irid jintbagħat lill-Uffiċċju tal-Għajnuna Legali li jkun ħareġ id-deċiżjoni b’ittra reġistrata b’konferma tar-riċevuta.
Jenħtieġ li inti tinkludi kopja tad-deċiżjoni kkontestata.
Id-dipartiment li ħareġ id-deċiżjoni jgħaddi t-talba tiegħek lil-awtorità kompetenti sabiex teżamina l-appell. L-awtorità kompetenti sabiex teżamina l-appell tiddependi mil-qorti li hija responsabbli sabiex teżamina l-każ li fir-rigward tiegħu inti applikajt għall-għajnuna legali.
L-Awtorità kompetenti sabiex teżamina l-appell tiddependi mill-qorti |
|
Qorti |
L-Awtorità kompetenti sabiex teżamina l-appell |
Proċedura abitwali |
L-ewwel President tal-Qorti tal-Appell li taqa’ taħtu l-qorti adita bil-kawża jew tal-qorti tal-appell adita bil-kawża |
Il-Qorti Nazzjonali tad-Dritt tal-Ażil (Cour nationale du droit d’asile - CNDA). |
Il-President tal-Qorti Nazzjonali tad-Dritt tal-Ażil |
Il-Qorti Amministrattiva |
Il-President tal-qorti tal-appell amministrattiva li taqa’ taħtu l-qorti |
Il-Qorti tal-Appell Amministrattiva |
Il-President tal-qorti tal-appell amministrattiva adita bil-kawża |
Il-Kunsill tal-Istat |
Il-President tat-Taqsima Legali tal-Kunsill tal-Istat |
Il-Qorti tal-Kassazzjoni |
L-Ewwel President tal-Qorti tal-Kassazzjoni |
Il-Qorti tal-Kunflitti tal-Ġuriżdizzjoni |
Il-President tal-Qorti tal-Kunflitti tal-Ġuriżdizzjoni |
Malli jiġi eżaminat l-appell, inti tiġi innotifikat bid-deċiżjoni bil-posta.
Jekk ma taqbilx ma’ din id-deċiżjoni l-ġdida, ma tkunx tista’ tikkontestaha, din it-tieni deċiżjoni hija finali.
N.B.:
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.