- 1 Il-proċedimenti legali xi spejjeż jinvolvu, u normalment min irid iħallashom?
- 2 X’inhija eżattament l-għajnuna legali?
- 3 Għandi dritt għal għajnuna legali?
- 4 L-għajnuna legali tingħata għal kull tip ta’ proċediment?
- 5 Jeżistu proċeduri speċjali f’każijiet ta’ bżonn?
- 6 Minn fejn nista’ nikseb formola ta’ applikazzjoni għal għajnuna legali?
- 7 X’dokumenti jridu jiġu ppreżentati mal-formola tal-applikazzjoni għal għajnuna legali?
- 8 Fejn irrid nibgħat l-applikazzjoni tiegħi għal għajnuna legali?
- 9 Kif nista’ nsir naf jekk jiniex intitolat għal għajnuna legali?
- 10 X’għandi nagħmel jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?
- 11 Min jagħżilli l-avukat, jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?
- 12 L-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti?
- 13 Min għandu jħallas l-ispejjeż l-oħra jekk jien inkun intitolat biss għal għajnuna legali limitata?
- 14 L-għajnuna legali tkopri l-appelli wkoll?
- 15 L-għajnuna legali tista’ tiġi rtirata qabel il-konklużjoni tal-proċedimenti (jew saħansitra tiġi revokata wara t-terminazzjoni tal-proċedimenti)?
- 16 Nista’ nikkontesta r-rifjut li ningħata għajnuna legali?
Sib informazzjoni għal kull reġjun
1 Il-proċedimenti legali xi spejjeż jinvolvu, u normalment min irid iħallashom?
L-ispejjeż involuti fi proċess ivarjaw skont il-Qorti, il-proċedimenti involuti u l-kumplessità tal-kawża.
2 X’inhija eżattament l-għajnuna legali?
L-għajnuna legali tfisser rappreżentazzjoni minn solicitor jew barrister fi proċedimenti ċivili fil-Qorti Distrettwali, fis-Circuit Court, fil-Qorti Għolja, fil-Qorti tal-Appell u fil-Qorti Suprema u, f’ċerti każijiet, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Tapplika wkoll għal appelli quddiem it-Tribunal tal-Appelli għall-Protezzjoni Internazzjonali. Hija disponibbli wkoll għal ċerti inkjesti fejn tkun saret talba lill-Bord mill-koroner.
B’mod ġenerali, l-għajnuna legali tiġi pprovduta minn solicitors impjegati mill-Bord fiċ-ċentri legali tiegħu. Madankollu, l-għajnuna legali tista’ tiġi pprovduta wkoll minn solicitor fil-prattika privata minn bord ta’ solicitors li jkun twaqqaf mill-Bord. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet relatati mal-liġi tal-familja u għal każijiet ta’ protezzjoni internazzjonali.
3 Għandi dritt għal għajnuna legali?
Eliġibbiltà finanzjarja u kontribuzzjonijiet
Sabiex jinkisbu pariri dwar l-għajnuna legali ċivili, il-Bord tal-Għajnuna Legali iwettaq test tal-mezzi taċ-ċirkostanzi finanzjarji tiegħek sabiex jara jekk tikkwalifikax għas-servizzi tiegħu. Sabiex tingħata għajnuna legali ċivili u pariri, jeħtieġ ikollok introjtu nett annwali ta’ anqas minn EUR 18 000 u assi disponibbli ta’ anqas minn EUR 100 000. Fiż-żewġ każijiet, il-Bord tal-Għajnuna Legali japplika ċerti kwoti meta jikkalkulahom. Id-dar li tgħix fiha ma tiġix inkluża meta jiġu kkalkolati l-assi tiegħek.
F’ħafna mill-każijiet, ikollok tagħmel ħlas imsejjaħ “kontribuzzjoni”. L-ammont tal-kontribuzzjoni(jiet) jiddependi mill-introjtu nett u mill-assi disponibbli tiegħek.
Meta tara solicitor għall-ewwel darba, trid tħallas kontribuzzjoni għall-pariri. Il-kontribuzzjoni minima għall-pariri hija EUR 30. Skont l-introjtu tiegħek, jista’ jkollok tħallas sa EUR 150.
Jekk il-Bord tal-Għajnuna Legali jaqbel li jirrappreżentak quddiem il-Qorti, trid tħallas kontribuzzjoni għall-għajnuna. Il-kontribuzzjoni minima għall-għajnuna hija EUR 130. Skont l-introjtu u l-assi tiegħek, jista’ jkollok tħallas aktar. L-ammont tal-kontribuzzjoni għall-għajnuna jinkludi l-kontribuzzjoni għall-pariri, u għalhekk, f’każ li l-kontribuzzjoni tiegħek tiġi kkalkolata għal EUR 130, ikollok bżonn tħallas EUR 100 oħra biss.
Ma jkollokx bżonn tħallas kontribuzzjoni jekk:
- Tusla titlob lill-Qorti sabiex tippermettilha tieħu t-tfal tiegħek fil-kustodja tal-Istat jew tħalli lill-persunal tagħha jissorvelja lit-tfal tiegħek f’darek stess.
- Qed tiftaħ jew tiddefendi proċedimenti fil-Qorti Distrettwali għal ordni ta’ projbizzjoni, għal ordni ta’ sikurezza, għal ordni ta’ protezzjoni jew għal ordni ta’ projbizzjoni interim
Hemm għadd żgħir ta’ ċirkostanzi oħrajn li fihom il-Bord tal-Għajnuna Legali ma jitlobx kontribuzzjoni. Dawn jinkludu każijiet li fihom jagħti pariri legali lil persuna li tallega li sfat vittma ta’ stupru jew ta’ attentat vjolenti għall-pudur jew jirrappreżentaha fil-proċess tal-persuna li tkun ġiet akkużata li wettqet l-istupru jew l-attentat vjolenti għall-pudur.
Protezzjoni internazzjonali (ażil)
Jekk qed tapplika għal għajnuna legali sabiex tgħinek f’talba għal protezzjoni internazzjonali fl-Irlanda, għandek tħallas biss EUR 10.
Kif jiġi vvalutat l-introjtu tiegħi?
L-ewwel pass huwa li timla dikjarazzjoni tal-mezzi fil-formola għall-applikazzjoni għal servizzi legali. Fil-formola tintalab tagħti l-informazzjoni li ġejja:
Introjtu- dan huwa l-introjtu totali tiegħek, pereżempju l-pagi, is-salarju, il-ħlasijiet tal-benefiċċji soċjali (għalkemm xi ħlasijiet tal-benefiċċji soċjali bħall-benefiċċji tat-tfal u l-benefiċċji tal-indokraturi ma humiex inklużi) (l-ebda miżura ta’ sostenn għall-akkomodazzjoni, ipprovduta minn xi korp pubbliku, ma tiġi ttrattata bħala introjtu), il-pensjoni u ċerti ċirkostanzi personali kif ukoll ċerti partiti ta’ nefqa sabiex jiġi deċiż liema benefiċċji jistgħu jiġu paċuti bl-introjtu tiegħek għall-fini tal-kalkolu tal-introjtu nett tiegħek.
Il-benefiċċji huma kif ġej:
Benefiċċju |
Ammont Massimu |
Konjugi/Sieħeb jew Sieħba |
EUR 3 500 |
Adulti u Tfal Dipendenti |
EUR 1 600 għal kull dipendent |
Spejjeż tal-Akkomodazzjoni |
EUR 8 000 |
Kura tat-Tfal |
EUR 6 000 għal kull tifel u tifla |
Taxxa fuq l-Introjtu |
Ammont Sħiħ |
PRSI |
Ammont Sħiħ |
Universal social charge |
Ammont Sħiħ |
Ħlasijiet ex-gratia riċevuti |
Tnaqqis ta’ EUR 20 għal kull ħlas riċevut kull ġimgħa. |
Il-Bord tal-Għajnuna Legali jikkalkula l-introjtu nett tiegħek u jinformak dwar il-kontribuzzjoni li trid tħallas. Tista’ timla l-formola tad-dikjarazzjoni tal-mezzi int stess, jew il-persunal fiċ-ċentru legali jgħinek timla l-formola jekk ma tkunx tista’ tagħmel dan. https://www.legalaidboard.ie/en/ għandu indikatur online li jassistik sabiex issir taf jekk aktarx tkunx finanzjarjament eliġibbli. L-indikatur ma jiggarantixxix l-eliġibbiltà finanzjarja għas-servizzi legali. Jaġixxi biss bħala gwida.
Kif nikkonferma s-sors ewlieni tal-introjtu u l-benefiċċji tiegħi?
Tista’ tkun meħtieġ tipprovdi konferma tas-sors ewlieni tal-introjtu tiegħek billi tipprovdi, pereżempju:
- Kopja tal-aħħar payslip tiegħek
- Kopja tal-irċevuta tal-benefiċċji soċjali tiegħek
- Ktieb tal-kera/rendikont tas-self ipotekarju
Il-Bord tal-Għajnuna Legali jista’ jitlob lid-Dipartiment għall-Affarijiet tal-Impjiegi u l-Protezzjoni Soċjali sabiex jinvestiga l-mezzi ta’ kwalunkwe persuna li tapplika għas-servizzi legali jew li tirċivihom. F’xi ċirkostanzi, il-Bord tal-Għajnuna Legali jista’ jitolbok tipprovdi aktar dokumentazzjoni b’rabta mal-benefiċċji li titlob.
Kif jiġu kkalkolati r-riżorsi kapitali tiegħi?
Il-valur tad-dar tiegħek jiġi eskluż mill-valutazzjoni tar-riżorsi kapitali tiegħek. Jekk ir-riżorsi kapitali tiegħek ikunu ogħla minn EUR 4 000, trid timla d-dikjarazzjoni tal-kapital fil-formola tal-applikazzjoni. Hija meħtieġa l-informazzjoni li ġejja:
- Kapital - Il-kapital totali tiegħek ta’ kull xorta, kemm jekk fil-forma ta’ proprjetà, karozza, flus fl-idejn, fil-bank, investimenti jew riżorsi oħra u
- Dejn - Tista’ tingħata kwota għal ċerti djun li jistgħu jiġu paċuti bil-kapital għall-finijiet tal-kisba tal-kapital disponibbli, pereżempju, self minn unjoni tal-kreditu.
X’jiġri jekk nirbaħ il-kawża bl-ispejjeż favurija?
Jekk tirbaħ il-kawża bl-ispejjeż favurik, dawn iridu jitħallsu lill-Fond tal-Għajnuna Legali u jintużaw sabiex jitħallsu l-ispejjeż li l-Bord tal-Għajnuna Legali jkun nefaq sabiex jipprovdilek servizzi legali. Normalment dan ma jiġrix f’kawżi tal-liġi tal-familja. F’kawżi mhux tal-liġi tal-familja, jekk tirbaħ il-kawża, normalment l-ispejjeż ikunu favurik. Min-naħa l-oħra, jekk titlef il-kawża, l-ispejjeż tal-parti l-oħra jistgħu jiġu kontrik. Jekk dan iseħħ, il-Bord tal-Għajnuna Legali ma jkunx responsabbli sabiex iħallas l-ispejjeż tal-parti l-oħra u int tinżamm personalment responsabbli.
X’jiġri jekk naqla’ jew inżomm flus jew proprjetà oħra bħala riżultat tal-kawża tiegħi?
Jekk taqla’ jew iżżomm flus jew proprjetà immobbli bħala riżultat tal-kawża tiegħek, il-Bord tal-Għajnuna Legali jkun jista’ - b’xi eċċezzjonijiet - juża dawk il-flus jew il-proprjetà immobbli sabiex iħallas għall-għajnuna legali tiegħek. Trid tħallas lill-Fond tal-Għajnuna Legali kwalunkwe flus li taqla’ jew iżżomm bħala riżultat tal-kawża tiegħek li ma jkunux eżentati. Inaqqaslek l-ispejjeż tiegħu u jagħtik lura dak li jifdal. Jekk tkun proprjetà immobbli (pereżempju dar jew art) li taqla’ jew iżżomm, ikun intitolat jagħmel dik li tissejjaħ “charge” fuq dik il-proprjetà, b’tali mod li ma tkunx tista’ tinbiegħ sakemm jitħallas lura.
X’għandi nagħmel jekk jinbidlu ċ-ċirkostanzi finanzjarji tiegħi?
Jekk tkun qed tirċievi servizzi legali, trid tinforma lill-Bord tal-Għajnuna Legali (permezz tas-solicitor tiegħek) bi kwalunkwe bidla fl-introjtu jew fil-kapital tiegħek, pereżempju, jekk tkun ingħatajt żieda fil-paga, jekk ikun inbidel il-valur tal-benefiċċju soċjali tiegħek, jew jekk tkun se tixtri karozza jew dar ġdida. Ir-raġuni għaliex għandek tagħmel hekk huwa peress li trid tibqa’ eliġibbli għas-servizzi legali waqt li tkun qed tirċievi s-servizzi legali, sakemm tingħalaq il-kawża. Billi ċ-ċirkostanzi finanzjarji tiegħek jitjiebu mhux bilfors ifisser li l-Bord se jwaqqaflek l-għajnuna legali, għalkemm jista’ jitolbok tħallas kontribuzzjoni ogħla.
X’jiġri jekk nonqos milli ninnotifika liċ-ċentru legali b’bidla fiċ-ċirkostanzi tiegħi?
Jekk ma tinfurmax lill-Bord tal-Għajnuna Legali li l-introjtu jew il-kapital tiegħek inbidel, u jiskopri li seħħ hekk, il-Bord jista’ jiddeċiedi li jwaqqaflek l-għajnuna legali.
4 L-għajnuna legali tingħata għal kull tip ta’ proċediment?
Dment li l-proċedimenti jkunu fil-ġuriżdizzjoni Irlandiża, l-applikanti minn barra l-pajjiż li jissodisfaw it-test tal-eliġibbiltà finanzjarja u tal-merti stabbilit fl-Att u fir-Regolamenti, jikkwalifikaw għal għajnuna legali fl-Irlanda.
Minkejja li ħafna mill-applikanti għall-għajnuna legali huma residenti fl-Irlanda, huwa possibbli li persuna li tirrisjedi barra l-Irlanda, kemm jekk ċittadin Irlandiż kif ukoll jekk le, tapplika għal għajnuna legali u/jew għal pariri legali fl-Irlanda, dment li l-persuna tfittex għajnuna jew pariri legali dwar kwistjoni legali regolata bid-dritt Irlandiż u jekk normalment l-għajnuna legali tingħata lil persuna li tirrisjedi barra mill-Irlanda meta l-proprjetà reali jew personali involuta fit-tilwima tkun tinsab fl-Irlanda. Bl-istess mod li l-applikanti Irlandiżi jsirilhom test tal-mezzi sabiex tiġi ddeterminata l-eliġibbiltà għall-għajnuna legali, il-persuni li jirrisjedu barra mill-Irlanda huma wkoll meħtieġa jagħmlu l-istess valutazzjoni tal-eliġibbiltà finanzjarja.
L-assistenza legali tingħata mingħajr l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà għat-test tal-mezzi fi proċeduri tal-qorti li jaqgħu taħt iċ-Child Abduction and Enforcement of Custody Orders Act 1991 u taħt il-Maintenance Orders Act 1994 (meta l-każ ikun jinvolvi l-irkupru tal-manteniment f’ġuriżdizzjoni reċiprokanti).
B’mod ġenerali, ma jingħatawx pariri legali meta jkun possibbli li l-applikant jikseb pariri legali barra mill-Att mingħajr tbatija. Ġeneralment, dan ikun il-każ meta s-servizzi jkunu disponibbli minn sors ieħor, eż. aġenziji għall-għoti ta’ pariri jew korp statali ieħor.
Pariri dwar kwistjonijiet relatati mad-dritt penali jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Att, ħlief għal pariri lil ilmentaturi f’każijiet ta’ “stupru”.
Qabel ma jawtorizza l-għajnuna legali, il-Bord irid ikun sodisfatt li jkun raġonevoli li jinfetħu jew jiġu difiżi l-proċedimenti, fir-rigward, pereżempju, tal-merti legali tal-kawża u tal-eżitu probabbli. Il-kriterji jinkludu: il-prospetti ta’ suċċess; il-motivazzjonijiet raġonevoli għall-ftuħ jew għad-difiża tal-proċedimenti; id-disponibbiltà ta’ kwalunkwe metodu, għajr il-proċedimenti tal-qorti, għall-indirizzar tal-problema b’mod sodisfaċenti (eż. medjazzjoni jew negozjar ta’ soluzzjoni); il-ħila tal-persuna mogħtija għajnuna legali li tikseb rappreżentanza legali barra mill-Att (eż. il-possibbiltà li l-ispejjeż jiġu koperti minn kumpanija tal-assigurazzjoni, eċċ.).
5 Jeżistu proċeduri speċjali f’każijiet ta’ bżonn?
Tingħata kunsiderazzjoni dwar jekk l-applikanti għandhomx jiġu ttrattati b’mod mhux konformi mar-regola ġenerali li tistipula li l-applikanti jingħataw appuntamenti sabiex jiltaqgħu ma’ solicitors; jiġifieri, fl-ordni strett tad-data meta l-ismijiet tal-applikanti jiddaħħlu fil-lista ta’ stennija għas-servizzi legali. Il-prijorità tingħata lil applikanti ġodda li jitolbu servizzi legali fil-kategoriji li ġejjin ta’ kawżi:
- proċedimenti dwar il-ħtif ta’ tfal
- meta jkun hemm periklu reali li t-tfal jinħarġu barra mill-ġuriżdizzjoni mingħajr il-kunsens tal-applikant
- proċedimenti dwar il-kura tat-tfal
- vjolenza domestika
- meta, skont il-Liġi tal-Preskrizzjoni, ikun hemm periklu li t-termini għall-ftuħ ta’ proċedimenti jistgħu jiskadu ħlief jekk tittieħed azzjoni immedjata
- meta jkun hemm periklu li jiskadu t-termini f’leġiżlazzjoni oħra
- meta jkun hemm periklu li sseħħ dissipazzjoni tal-assi b’tali mod li ma jibqgħux disponibbli sabiex ikopru t-talbiet tal-applikant.
6 Minn fejn nista’ nikseb formola ta’ applikazzjoni għal għajnuna legali?
Persuna li tfittex servizzi legali tista’ tapplika fi kwalunkwe wieħed miċ-Ċentri Legali billi tmur personalment, iċċempel jew tikteb liċ-Ċentru Legali li jkun l-eqreb għall-post fejn jirrisjedi l-Applikant.
Lista ta’ ċentri legali tinsab fis-sit web tal-Bord tal-Għajnuna Legali.
Jekk issir xi mistoqsija bit-telefown, l-applikant jintalab imur f’dak iċ-Ċentru Legali sabiex japplika personalment ħalli tkun tista’ timtela formola ta’ applikazzjoni bil-miktub, u ssir valutazzjoni tal-mezzi sabiex jiġi ddeterminat jekk l-applikant ikunx finanzjarjament eliġibbli għall-għajnuna legali. Applikazzjoni postali tista’ ssir u normalment tkun adattata jekk l-applikant ma jkunx jista’ faċilment imur huwa stess f’Ċentru Legali.
L-assistenza legali tingħata mingħajr l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà għat-test tal-mezzi fi proċeduri tal-qorti li jaqgħu taħt iċ-Child Abduction and Enforcement of Custody Orders Act 1991 u taħt il-Maintenance Orders Act 1994 (meta l-każ ikun jinvolvi l-irkupru tal-manteniment f’ġuriżdizzjoni reċiprokanti).
Barra minn hekk, il-Bord tal-Għajnuna Legali jippermetti li applikazzjoni ssir online mis-sit web tiegħu.
7 X’dokumenti jridu jiġu ppreżentati mal-formola tal-applikazzjoni għal għajnuna legali?
- Payslip/P60, irċevuta ta’ benefiċċju soċjali, jew Avviż ta’ Valutazzjoni minn Kontijiet tad-Dħul/Awditjati
- Id-dettalji ta’ kwalunkwe introjtu ieħor li tirċievi (eż. ħlasijiet tal-manteniment)
- Id-dettalji tal-ħlasijiet tiegħek tat-taxxa fuq l-introjtu, tal-PRSI, u tal-USC (dawn ikunu fuq il-payslip tiegħek jew fl-Avviż ta’ Valutazzjoni).
- Id-dettalji tal-ħlasijiet tiegħek tas-self ipotekarju/tal-kirja ta’ kull xahar
- Il-valuri approssimati tal-assi kapitali kollha tiegħek minbarra d-dar li tgħix fiha
- Il-valuri ta’ kwalunkwe flus imfaddla li għandek
- L-ammonti pendenti fuq kwalunkwe self/djun li jkollok
8 Fejn irrid nibgħat l-applikazzjoni tiegħi għal għajnuna legali?
Lista ta’ indirizzi u numri tat-telefown taċ-Ċentri Legali kollha, full-time u part-time, hija disponibbli fis-Sit Web tal-Bord.
Il-formola online tiġi ppreżentata wkoll permezz tas-sit web tal-Bord tal-Għajnuna Legali.
9 Kif nista’ nsir naf jekk jiniex intitolat għal għajnuna legali?
L-applikanti finanzjarjament eliġibbli jiġu offruti appuntament ma’ solicitor f’konformità mal-proċedura tal-lista ta’ stennija, jew skont il-kategoriji stabbiliti ta’ suġġetti ta’ prijorità. Normalment, l-applikant jiġi offrut appuntament ma’ wieħed mis-solicitors impjegati mill-Bord tal-Għajnuna Legali u bbażat f’wieħed mill-uffiċċji tiegħu.
L-applikant iħallas il-kontribuzzjoni għall-pariri legali qabel ma jattendi għall-ewwel appuntament u jirċievi rċevuta għaliha.
Fl-ewwel appuntament, is-solicitor jispjega li jekk l-applikant jeħtieġ rappreżentanza minn solicitor sabiex jiftaħ jew jiddefendi proċedimenti, kontribuzzjoni għall-għajnuna legali ssir pagabbli malli jingħata ċertifikat tal-għajnuna legali.
L-applikazzjonijiet għal ċertifikati tal-għajnuna legali jistgħu jkunu jeħtieġu informazzjoni addizzjonali. Skont in-natura tal-każ, din l-informazzjoni addizzjonali tista’ tinkludi dawn li ġejjin:
- Rekords/rapporti mediċi
- Kopji ta’ dikjarazzjonijiet u/jew ta’ rapporti miksuba jew imħejjija mill-Gardai
- Kopji ta’ kwalunkwe kuntratt.
Jekk, mar-riċevuta tal-informazzjoni neċessarja kollha, jitqies li applikazzjoni għall-għajnuna legali ma tissodisfax id-dispożizzjonijiet tas-Civil Legal Aid Act tal-1995 u tar-Regulations tal-1996, is-solicitor jibgħat ittra ta’ rifjut.
Din l-ittra tiddikjara r-raġunijiet li fuq il-bażi tagħhom tiġi rrifjutata l-applikazzjoni u l-Artikolu/i rilevanti tas-Civil Legal Aid Act u/jew tar-Regulations. L-ittra tinforma wkoll lill-applikant bid-dritt li jitlob ir-rieżami u/jew l-appell tad-deċiżjoni quddiem Kumitat ta’ Appell tal-Bord.
10 X’għandi nagħmel jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?
Meta applikant għall-għajnuna legali jissodisfa r-rekwiżiti tal-Att u tar-Regolamenti, jinħareġ Ċertifikat tal-Għajnuna Legali sabiex tiġi pprovduta rappreżentanza minn solicitor u, jekk ikun hemm bżonn, minn barrister f’ċerti proċedimenti ċivili fil-Qorti Distrettwali, fis-Circuit Court, fil-Qorti Għolja u fil-Qorti Suprema.
Ċertifikat tal-għajnuna legali jawtorizza biss servizzi legali għall-proċedimenti jew għas-suġġett iddikjarat fih. Il-ħruġ ta’ ċertifikat tal-għajnuna legali għal applikant ma jfissirx li l-applikant jingħata għajnuna legali fi kwistjonijiet oħrajn. Jekk applikant jeħtieġ għajnuna legali għal aktar minn suġġett wieħed, irid jagħmel applikazzjoni separata.
L-applikazzjonijiet għal ċertifikat tal-għajnuna legali jsiru minn solicitor f’ċentru legali wara konsultazzjoni ma’ applikant.
L-Artikolu 29(1) tal-Att jistipula li persuna ma għandhiex tikkwalifika għal għajnuna legali jew għal pariri legali qabel ma tħallas kontribuzzjoni. Din il-kontribuzzjoni tiġi ddeterminata b’valutazzjoni finanzjarja bbażata fuq l-informazzjoni pprovduta mill-applikant fid-Dikjarazzjonijiet tal-Mezzi u tal-Kapital tiegħu. Meta persuna ma jkollhiex assi kapitali, l-ammont minimu pagabbli għall-għajnuna legali huwa EUR 35 u l-ammont massimu huwa EUR 1 210.
Il-kontribuzzjoni sħiħa għandha titħallas malli jiġi rritornat iċ-ċertifikat tal-għajnuna legali u qabel ma jiġu pprovduti s-servizzi legali. F’ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Bord jista’ jippermetti li l-applikant iħallas b’pagamenti parzjali. Madankollu, l-ammont sħiħ irid jitħallas fi żmien 12-il xahar u qabel ma jintemmu l-proċedimenti.
11 Min jagħżilli l-avukat, jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?
Jekk, fl-applikazzjoni, l-applikant jesprimi preferenza li jkun rappreżentat minn solicitor partikolari fiċ-Ċentru Legali, il-Managing Solicitor iqis ix-xewqat tal-applikant meta jiddeċiedi liema solicitor jalloka lil dak l-applikant. Il-Managing Solicitor iqis ċirkostanzi oħrajn ukoll meta jiddeċiedi liema solicitor għandu jalloka, pereżempju jekk is-solicitor mitlub mill-applikant ikunx disponibbli sabiex jirrappreżenta lill-klijent f’data partikolari tal-qorti. Jekk is-solicitor mitlub mill-applikant diġà jkollu impenn ma’ klijent ieħor f’post ieħor fid-data tal-kawża tal-applikant, ikun neċessarju li l-Managing Solicitor jalloka lill-applikant solicitor li jkun differenti mis-solicitor tal-għażla tiegħu sabiex jirrappreżentah.
Jekk l-applikant qabel ikun ġie rrappreżentat minn solicitor taċ-Ċentru Legali, normalment il-Managing Solicitor jalloka l-istess solicitor sabiex jipprovdi servizzi legali lill-istess klijent għas-suġġett il-ġdid. Applikant ma għandux dritt assolut li jikkonsulta jew ikun rappreżentat mis-solicitor tal-għażla tiegħu iżda x-xewqat ta’ applikant normalment jiġu kkunsidrati minn Managing Solicitor meta tittieħed deċiżjoni dwar liema solicitor għandu jiġi allokat lil applikant. Jekk applikant ikollu preferenza li jkun rappreżentat minn solicitor tal-istess sess, sa fejn possibbli l-Managing Solicitor jagħmel ħiltu sabiex jiżgura li preferenza tal-applikant f’dan ir-rigward tingħata kunsiderazzjoni.
12 L-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti?
Il-ħlas tal-kontribuzzjoni għall-għajnuna legali speċifikata fiċ-ċertifikat ikopri l-ispejjeż kollha involuti fil-proċedimenti. Madankollu, l-ispejjeż u d-danni ġenerali mogħtija lilek bħala riżultat tal-proċedimenti tal-qorti jew soluzzjoni barra mill-qorti huma pagabbli lill-Bord tal-Għajnuna Legali. Il-Bord ikun intitolat inaqqas l-ispejjeż li jkun ġarrab minn kwalunkwe flus li inti tirċievi, soġġett għal ċerti eċċezzjonijiet limitati. Dan japplika wkoll għal soluzzjonijiet favur persuna mogħtija għajnuna legali bħala riżultat ta’ proċedimenti matrimonjali, ta’ ftehimiet ta’ separazzjoni jew ta’ separazzjoni legali. Jekk l-ispiża totali mġarrba mill-Bord sabiex jipprovdi servizzi legali tkun anqas mill-ammont totali mħallas minnek, jew f’ismek, permezz ta’ kontribuzzjoni u permezz tal-irkupru tal-ispejjeż jew tad-danni jew wara li jittieħed kont taċ-charge fuq proprjetà, inti tingħata rimborż tal-bilanċ.
13 Min għandu jħallas l-ispejjeż l-oħra jekk jien inkun intitolat biss għal għajnuna legali limitata?
N/A
14 L-għajnuna legali tkopri l-appelli wkoll?
Ċertifikat tal-għajnuna legali jipprovdi servizzi legali għall-proċedimenti jew għas-suġġett iddikjarat fih. Meta l-proċedimenti jew is-suġġett iddikjarat jintemm, iċ-ċertifikat jiskadi. Applikant li jeħtieġ servizzi addizzjonali li jistgħu jkunu relatati mas-suġġett oriġinali jista’ japplika għal emenda taċ-ċertifikat tal-għajnuna legali jew għal ċertifikat ġdid. Iċ-ċirkostanzi individwali tal-każ jiddeterminaw jekk tkunx meħtieġa emenda jew ċertifikat ġdid u s-solicitor jipprovdi parir dwar dan.
15 L-għajnuna legali tista’ tiġi rtirata qabel il-konklużjoni tal-proċedimenti (jew saħansitra tiġi revokata wara t-terminazzjoni tal-proċedimenti)?
Jekk inti tipprovdi informazzjoni żbaljata jew tonqos milli tiżvela xi fatt materjali (pereżempju, rigward bidla fiċ-ċirkostanzi finanzjarji tiegħek), jew jekk iġġib ruħek b’mod irraġonevoli, il-pariri legali jew l-għajnuna legali jew it-tnejn jistgħu jiġu rtirati u tista’ tkun responsabbli tħallas l-ispejjeż sħaħ imġarrba f’ismek.
16 Nista’ nikkontesta r-rifjut li ningħata għajnuna legali?
Applikant aggravat minn kwalunkwe deċiżjoni tal-Bord jista’ jitlob rieżami tad-deċiżjoni. Jekk l-applikant jixtieq ir-rieżami tad-deċiżjoni, trid tiġi ppreżentata aktar informazzjoni bil-miktub għall-kunsiderazzjoni flimkien ma’ opinjoni tas-solicitor tal-applikant dwar jekk id-deċiżjoni għandhiex tiġi kkonfermata. L-applikanti jistgħu jitolbu rieżami ta’ deċiżjoni permezz taċ-Ċentru Legali.
Applikant aggravat minn kwalunkwe deċiżjoni tal-Bord jew minn rieżami ta’ kwalunkwe deċiżjoni tal-Bord jista’ jappella dik id-deċiżjoni quddiem kumitat tal-Bord. Jekk l-applikant jixtieq jappella d-deċiżjoni, appell irid jiġi ppreżentat quddiem Kumitat ta’ Appell tal-Bord. L-applikati jistgħu jitolbu appell ta’ deċiżjoni permezz taċ-Ċentru Legali jew direttament mal-Bord.
Il-preżentazzjoni ta’ informazzjoni ulterjuri għall-fini tar-rieżami jew tal-preżentata ta’ appell trid issir fi żmien xahar mid-data li fiha applikant jiġi informat li ma jkunx intitolat għas-servizz li japplika għalih.
Il-Kumitat ta’ Appell jinkludi President u erba’ membri oħrajn, li tnejn minnhom, qabel ma jkunu nħatru mill-Bord, ikunu ħadmu bħala barristers prattikanti jew solicitors prattikanti. Il-kumitat għandu jkun magħmul minn persuni li ma kinux involuti fid-deċiżjoni oriġinali.
Aktar informazzjoni
Aktar informazzjoni, li tinkludi lista ta’ indirizzi u ta’ numri tat-telefown taċ-Ċentri Legali kollha, hija disponibbli fis-Sit Web tal-Bord.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.