Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Franċiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Għajnuna legali

Lussemburgu
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Il-proċedimenti legali xi spejjeż jinvolvu, u normalment min irid iħallashom?

L-ispejjeż ta’ proċess li ġejjin jistgħu jitħallsu permezz tal-għajnuna legali:

  • it-taxxa tal-boll u tar-reġistrazzjoni
  • it-tariffi tar-reġistru tal-qorti
  • it-tariffi u l-ispejjeż tal-uffiċjali ġudizzjarji
  • it-tariffi u l-ispejjeż tal-periti
  • it-tariffi tat-tradutturi u tal-interpreti
  • it-tariffi u l-ispejjeż tan-nutara
  • il-gratifiki għax-xhieda
  • l-ispejjeż tal-ivvjaġġar
  • l-ispejjeż tal-pubblikazzjoni
  • it-tariffi u l-ispejjeż tal-avukati
  • it-taxxi u t-tariffi relatati mar-reġistrazzjoni, l-ipoteka u r-rahan
  • tariffi għal ċertifikati ta’ liġi barranija (certificats de coutume).

2 X’inhija eżattament l-għajnuna legali?

Permezz ta’ għajnuna legali, persuna fiżika li m’għandhiex mezzi suffiċjenti tista’ tikseb assistenza legali jew parir legali mingħand avukat għal kawża speċifika.

3 X’inhuma r-rekwiżiti biex tingħata l-għajnuna legali?

Persuni b’mezzi insuffiċjenti huma eliġibbli għall-għajnuna legali biex jiddefendu l-interessi tagħhom, sakemm dawn ikunu:

  • ċittadini tal-Lussemburgu, jew
  • ċittadini barranin awtorizzati li jibdew jgħixu l-Lussemburgu, jew
  • ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, jew
  • ċittadini barranin meqjusa bħala ekwivalenti għaċ-ċittadini tal-Lussemburgu għall-finijiet tal-għajnuna legali bis-saħħa ta’ trattat internazzjonali, jew
  • ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali, bl-għan li tiġi rrimborżata r-rimunerazzjoni dovuta skont l-Artikolu 572-7 tal-Kodiċi tax-Xogħol (Code du Travail).

L-għajnuna legali tista’ tingħata wkoll lil kwalunkwe ċittadin barrani ieħor b’mezzi insuffiċjenti fi proċedimenti relatati mad-dritt tiegħu għall-ażil, id-dħul fit-territorju, id-dritt tar-residenza jew it-tneħħija ta’ ċittadini barranin.

Il-valutazzjoni ta’ jekk il-mezzi tal-applikant humiex insuffiċjenti ssir abbażi tal-introjtu u l-kapital gross totali tagħhom u dak ta’ kwalunkwe membru ieħor tal-unità domestika.

L-għajnuna legali tiġi miċħuda lil persuni li jressqu azzjoni li tidher a priori irraġonevoli, li x’aktarx ma tirnexxix jew li l-għan tagħha jidher sproporzjonat meta mqabbel mal-ispejjeż potenzjali.

4 L-għajnuna legali tingħata għal kull tip ta’ proċediment?

L-għajnuna legali tista’ tingħata jew lill-attur jew lill-konvenut f’materji kontenzjużi jew mhux kontenzjużi, kemm jekk ikunu ttrattati fil-qorti kif ukoll jekk le. Tista’ tintalab għal kwalunkwe azzjoni mressqa quddiem il-qrati ordinarji jew il-qrati amministrattivi.

L-għajnuna legali tista’ tingħata wkoll fil-każ ta’ miżuri u proċeduri kawtelatorji biex jiġu eżegwiti deċiżjonijiet ta’ qorti jew kwalunkwe strument ieħor li jista’ jiġi eżegwit.

Madankollu, ma tistax tingħata lis-sidien ta’ vetturi bil-mutur għal tilwim li jirriżulta mill-użu ta’ tali vetturi. Bl-istess mod, ma tistax tingħata lil tal-ħwienet, lill-manifatturi, lill-artiġjani jew lill-professjonisti fir-rigward ta’ tilwim li jikkonċerna n-negozju jew l-attività professjonali tagħhom, ħlief f’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati; lanqas ma jista’ jingħata, b’mod ġenerali, għal tilwim li jirriżulta minn attività spekulattiva mill-persuna li titlob l-għajnuna legali.

5 Jeżistu proċeduri speċjali f’każijiet ta’ bżonn?

F’emerġenza, l-għajnuna legali tista’ tingħata proviżorjament, mingħajr formalità ulterjuri, mill-President tal-Kamra tal-Avukati (Bâtonnier de l'Ordre des Avocats) kompetenti għall-passi li jiddeċiedi l-President.

6 Minn fejn nista’ nikseb formola ta’ applikazzjoni għal għajnuna legali?

Il-formola tal-applikazzjoni nazzjonali għall-għajnuna legali fil-Lussemburgu tista’ tinkiseb mis-Servizz Ċentrali tal-Assistenza Soċjali (Service Central d’Assistance Sociale) (tel. 00 352 475821-1).

Tista’ titniżżel ukoll mis-sit web tal-Kamra tal-Avukati tal-Lussemburgu jew mis-sit web tal-Kamra tal-Avukati ta’ Diekirch.

7 X’dokumenti jridu jiġu ppreżentati mal-formola tal-applikazzjoni għal għajnuna legali?

Kull talba għal għajnuna legali trid tkun akkumpanjata minn:

  • b’kopja tad-dokument tal-identità ta’ min qed jitlobha;
  • iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tal-applikant maċ-Ċentru Konġunt tas-Sigurtà Soċjali (certificat d’affiliation au Centre Commun de la Sécurité Sociale - CCSS) u dak ta’ kull membru tal-unità domestika tiegħu;
  • għal min jitlobha u kull membru tal-unità domestika tiegħu: rendikonti tal-paga (jew ċertifikat tal-introjtu tas-CCSS (certificat de revenu), prova tal-pagament tal-introjtu mill-inklużjoni soċjali (attestations de paiement du revenu d'inclusion sociale - REVIS), benefiċċju tal-qgħad jew pensjoni jew pagamenti oħrajn li jkopru l-aħħar 3 xhur u li jindikaw l-ammonti grossi (ir-rendikonti bankarji mhumiex biżżejjed);
  • ċertifikat ta’ bilanċ żero mill-Fond Nazzjonali ta’ Solidarjetà (Fonds national de solidarité) għal kull membru tal-unità domestika, jekk l-unità domestika ma tirċievi xejn mill-Fond;
  • jekk l-unità domestika tirċievi jew tħallas allowance tal-manteniment, dokument li jindika l-ammont imħallas jew irċevut (pereżempju, dikjarazzjonijiet bankarji għall-aħħar 3 xhur);
  • ċertifikat ta’ sjieda jew nuqqas ta’ sjieda ta’ proprjetà immobbli maħruġ mill-Amministrazzjoni tat-Taxxa fil-Lussemburgu (Administration des contributions directes) għal kull membru tal-unità domestika;
  • fejn applikabbli, dokumenti ta’ sostenn għas-sjieda ta’ proprjetà immobbli li tinsab barra mill-pajjiż;
  • evidenza dokumentata ta’ assi mobbli (flus, tfaddil, ishma, bonds, eċċ.);
  • jekk l-unità domestika tkun tikri l-akkomodazzjoni tagħha, kopja tal-kuntratt tal-kera u l-irċevuti tal-kera għall-aħħar 3 xhur;
  • jekk l-unità domestika qiegħda tħallas lura self b’ipoteka, prova tal-ħlas tal-ammont ta’ kull xahar;
  • evidenza dokumentata tad-dħul minn proprjetà immobbli u mobbli;
  • dokumenti relatati mal-kawża inkwistjoni.

8 Fejn irrid nibgħat l-applikazzjoni tiegħi għal għajnuna legali?

Il-President tal-Kamra tal-Avukati fil-post tar-residenza ta’ min jitlob l-għajnuna legali, jew id-delegat tiegħu, jiddeċiedi jaċċettax li tingħata l-għajnuna legali. Għall-persuni mhux residenti d-deċiżjoni tittieħed mill-President tal-Kunsill tal-Kamra tal-Avukati tal-Lussemburgu jew mid-delegat tiegħu.

9 Kif nista’ nsir naf jekk jiniex intitolat għal għajnuna legali?

Id-deċiżjoni tal-President tintbagħatlek bil-posta.

10 X’għandi nagħmel jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?

Fid-deċiżjoni tiegħu, il-President jagħti l-isem tal-avukat assenjat biex jipprovdi l-assistenza legali u jitolbok tikkuntattja lil dak l-avukat.

11 Min jagħżilli l-avukat, jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?

Il-President jaħtar l-avukat li jkun għażel liberament min talab l-għajnuna legali jew, jekk ma jkunx għażel avukat jew jekk il-President iqis li l-għażla tiegħu ma tkunx xierqa, il-President jagħżel avukat hu stess. Ħlief għal raġunijiet ta’ impediment jew kunflitt ta’ interess, l-avukati għandhom jaċċettaw l-istruzzjonijiet fdati lilhom b’dan il-mod.

12 L-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti?

Bħala regola, l-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż kollha relatati mal-proċedimenti, il-proċeduri jew il-miżuri li tkun ingħatat għalihom (ara l-punt 1).

Madankollu, l-għajnuna legali ma tkoprix il-kumpens għall-ispejjeż proċedurali (indemnités de procédure) jew kumpens għal abbuż ta’ proċeduri u proċedimenti vessatorji.

13 Min għandu jħallas l-ispejjeż l-oħra jekk jien inkun intitolat biss għal għajnuna legali limitata?

L-għajnuna legali parzjali ma teżistix fil-Lussemburgu.

14 L-għajnuna legali tkopri l-appelli wkoll?

Le, għandha tiġi ppreżentata talba ġdida għal għajnuna legali għal dak l-għan.

15 L-għajnuna legali tista’ tiġi rtirata qabel il-konklużjoni tal-proċedimenti (jew saħansitra tiġi revokata wara t-terminazzjoni tal-proċedimenti)?

Il-President tal-Kamra tal-Avukati jista’ jirtira d-dritt għall-għajnuna legali ta’ min talabha, anki wara l-proċedimenti jew il-miżuri li tkun ingħatat għalihom, jekk jinstab li l-intitolament għaliha kien ibbażat fuq dikjarazzjonijiet foloz jew dokumenti impreċiżi. Id-dritt għall-għajnuna legali jista’ jiġi rtirat ukoll jekk il-benefiċjarju jakkwista mezzi finanzjarji matul il-proċedimenti jew matul it-tlestija ta’ dawn il-miżuri jew bħala riżultat ta’ tali proċediment jew miżuri li, kieku kienu jeżistu fil-jum li fih intalbet l-għajnuna legali, kienu jipprekludu tali dritt. Il-benefiċjarji tal-għajnuna legali jew l-avukat maħtur għandhom l-obbligu li jinnotifikaw lill-President bi kwalunkwe tibdil bħal dan fis-sitwazzjoni tagħhom.

Id-deċiżjoni tal-President li jirtira d-dritt għall-għajnuna legali tiġi kkomunikata immedjatament lill-Ministeru għall-Ġustizzja (Ministère de la Justice). L-Awtorità tar-Reġistrazzjoni u tal-Artijiet u tal-Proprjetà (Administration de l’Enregistrement et des Domaines) hija responsabbli għall-irkupru tal-ammonti diġà mħallsa bħala għajnuna legali.

16 Nista’ nikkontesta r-rifjut li ningħata għajnuna legali?

Min jitlob l-għajnuna legali jista’ jappella d-deċiżjoni tal-President li jiċħad jew jirtira l-għajnuna legali quddiem il-Kunsill Dixxiplinari u Amministrattiv (Conseil disciplinaire et administratif), li jieħu d-deċiżjoni finali. L-appelli jridu jiġu ppreżentati lill-President tal-Kunsill Dixxiplinari u Amministrattiv permezz ta’ ittra rreġistrata fi żmien 10 ijiem minn meta tasal in-notifika tad-deċiżjoni tal-President tal-Kamra tal-Avukati. Min jagħmel it-talba mbagħad jingħata smigħ quddiem il-Kunsill jew wieħed mill-membri delegati tiegħu.

17 It-talba għal għajnuna legali għandha l-effett li tissospendi l-perjodu ta’ preskrizzjoni?

Talba għal għajnuna legali ma tissospendix it-terminu ta’ preskrizzjoni.

Links relatati

Il-Kamra tal-Avukati tal-Lussemburgu

Guichet.lu

L-aħħar aġġornament: 07/03/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.