- 1 Il-proċedimenti legali xi spejjeż jinvolvu, u normalment min irid iħallashom?
- 2 X’inhija eżattament l-għajnuna legali?
- 3 X’inhuma r-rekwiżiti biex tingħata l-għajnuna legali?
- 4 L-għajnuna legali tingħata għal kull tip ta’ proċediment?
- 5 Jeżistu proċeduri speċjali f’każijiet ta’ bżonn?
- 6 Minn fejn nista’ nikseb formola ta’ applikazzjoni għal għajnuna legali?
- 7 X’dokumenti jridu jiġu ppreżentati mal-formola tal-applikazzjoni għal għajnuna legali?
- 8 Fejn irrid nibgħat l-applikazzjoni tiegħi għal għajnuna legali?
- 9 Kif nista’ nsir naf jekk jiniex intitolat għal għajnuna legali?
- 10 X’għandi nagħmel jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?
- 11 Min jagħżilli l-avukat, jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?
- 12 L-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti?
- 13 Min għandu jħallas l-ispejjeż l-oħra jekk jien inkun intitolat biss għal għajnuna legali limitata?
- 14 L-għajnuna legali tkopri l-appelli wkoll?
- 15 L-għajnuna legali tista’ tiġi rtirata qabel il-konklużjoni tal-proċedimenti (jew saħansitra tiġi revokata wara t-terminazzjoni tal-proċedimenti)?
- 16 Nista’ nikkontesta r-rifjut li ningħata għajnuna legali?
- 17 It-talba għal għajnuna legali għandha l-effett li tissospendi l-perjodu ta’ preskrizzjoni?
Sib informazzjoni għal kull reġjun
1 Il-proċedimenti legali xi spejjeż jinvolvu, u normalment min irid iħallashom?
It-tariffi tal-proċedimenti ġudizzjarji huma ffissati mil-liġi. Hemm ħlasijiet li jridu jsiru mal-bidu tal-proċedimenti fil-qorti u oħrajn meta l-proċedimenti fil-qorti jintemmu. Ġeneralment, dawn ikunu tariffi fissi li jinkludu s-servizzi tal-qorti. Is-servizzi tal-qorti jinvolvu it-tariffi tar-reġistrazzjoni, l-ispejjeż tat-taħrikiet għall-eżami tax-xhieda, spejjeż oħra relatati mal-proċedimenti fil-kawżi, u l-ispejjeż tal-kopji tas-sentenzi. Ħlief għal ċerti eċċezzjonijiet, it-tariffi dovuti lill-avukati f’kawżi huma stabbiliti bil-liġi. Madankollu, il-partijiet jistgħu jaqblu mod ieħor bil-miktub.
It-tariffi msemmija hawn fuq ma jinkludux it-tariffi ġudizzjarji addizzjonali li, madankollu, jekk jiġu kkontestati, jistgħu jiġu stabbiliti mill-Qorti.
Fir-rigward ta’ min għandu jħallas l-ispejjeż, meta tingħata s-sentenza, hija l-Qorti li tiddetermina l-parti li għandha tħallas l-ispejjeż. Bħala regola ġenerali, il-parti li titlef il-kawża tkun obbligata wkoll li tħallas l-ispejjeż, iżda l-Qorti tista’ tiddeċiedi mod ieħor skont il-każ.
2 X’inhija eżattament l-għajnuna legali?
L-għajnuna legali hija forma ta’ għajnuna li tingħata bl-ispejjeż għall-Istat lill-persuna li fuq it-talba tagħha, wara valutazzjoni tal-qagħda finanzjarja mill-uffiċjali tal-Aġenzija tal-Għajnuna Legali u tal-mertu tat-talba tagħha mill-Avukat tal-Għajnuna Legali skont it-tip ta’ kawża, issir dikjarazzjoni dwar jekk dik il-persuna għandhiex każ tajjeb biex tressaq kawża jew tiddefendi ruħha, jew biex tkompli tkun parti fi proċedimenti biex ikollha aċċess għall-qrati tal-ġustizzja.
Għalhekk, l-għajnuna legali hija l-provvista tal-assistenza legali lin-nies bi dħul baxx, li ma jistgħux iħallsu sabiex ikunu rappreżentati u biex ikollhom aċċess għas-sistema ġudizzjarja. L-għajnuna legali hija importanti biex tipprovdi aċċess għall-ġustizzja sabiex jiġu żgurati l-ugwaljanza quddiem il-liġi, id-dritt għal avukat u d-dritt ta’ smigħ xieraq għan-nies li m’għandhomx mezzi finanzjarji biżżejjed. Huwa fundamentali li jkun hemm ugwaljanza f’soċjetà demokratika.
L-għajnuna legali tingħata fil-kawżi kriminali kollha u kważi f’kull kawża ċivili. Fil-kawżi ċivili, persuna trid tkun eliġibbli kemm skont it-test tal-mezzi kif ukoll skont test tal-merti.
3 X’inhuma r-rekwiżiti biex tingħata l-għajnuna legali?
F’kawżi ċivili: L-għajnuna legali tingħata biss lil persuni wara li jkunu ġew issodisfati kemm il-kriterji tat-test tal-mezzi kif ukoll dawk tat-test tal-merti.
Test tal-mezzi: Sabiex applikant jikkwalifika skont il-kriterji tal-mezzi, il-persuna kkonċernata ma jridx ikollha xi tip ta’ proprjetà, inkluż flus disponibbli, li l-valur nett tagħhom jaqbeż it-€13,000 (jew kif stabbilit mil-liġi) tul l-aħħar 12-il xahar. Barra minn hekk, id-dħul tal-applikant fl-aħħar 12-il xahar ta’ qabel l-applikazzjoni għall-għajnuna legali ma jridx ikun qabeż il-paga minima nazzjonali ta’ persuni ’l fuq mit-18-il sena.
Fit-test tal-mezzi ma jiġux ikkunsidrati l-oġġetti meħtieġa kuljum fid-dar mill-applikant u l-familja tiegħu, jew ir-residenza jew il-proprjetà prinċipali tal-applikant (kemm mobbli u immobbli) meta dan ikun is-suġġett tal-proċedimenti fil-Qorti.
Test tal-merti: Sabiex l-applikant jikkwalifika skont il-kriterji tal-merti, l-Avukat tal-Għajnuna Legali, wara li jeżamina n-natura tal-każ, irid jikkonkludi jekk l-applikant għandux jedd validu biex iressaq kawża jew jiddefendi ruħu, jew biex ikompli jkun parti, jew biex ikun parti, fi proċedimenti quddiem il-Qorti, jiġifieri jekk l-applikant għandux probabilis causa litigandi. Kull każ huwa eżaminat skont il-merti tiegħu. Il-valutazzjoni tal-merti ssir mill-Avukat tal-Għajnuna Legali. Din tinkludi eżami tal-kawża, il-possibilità tal-eżitu tal-proċedimenti u l-prospett ta’ suċċess.
Persuna li tkun eliġibbli u li l-Qorti tkun assenjatilha avukat u prokuratur legali għall-għajnuna legali f’kawżi ċivili tibqa’ tiġi assistita sakemm il-proċedimenti jiġu konklużi b’mod definittiv.
F’kawżi kriminali: L-għajnuna legali ma hijiex suġġetta għat-test tal-mezzi. F’kawżi sommarji fil-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali, il-Qorti taħtar avukat tal-għassa. F’kawżi kriminali oħra, l-akkużat irid jinforma lill-Qorti li jixtieq jagħmel użu mill-għajnuna legali u din it-talba trid tiġi rreġistrata fl-atti tal-kawża. Il-Qorti tibgħat it-talba flimkien mad-dettalji tal-akkużat lill-Aġenzija tal-Għajnuna Legali li trid tippreżenta risposta dwar jekk it-talba ġietx aċċettata u tagħti l-isem tal-avukat.
Appelli kriminali: Jekk persuna tkun tixtieq tappella bl-assistenza ta’ avukat tal-għajnuna legali minn sentenza deċiża fil-Qorti tal-Maġistrati, din trid tinforma b’dan lill-Aġenzija tal-Għajnuna Legali b’mod immedjat dakinhar stess jew il-ġurnata ta’ wara li tingħata s-sentenza sabiex isiru l-arranġamenti meħtieġa. Għandhom jingħataw id-dettalji tas-sentenza sabiex l-Avukat tal-Għajnuna Legali assenjat ikun jista’ jiddetermina jekk hemmx raġunijiet suffiċjenti għal appell.
Persuna li tkun qed tiġi interrogata u/jew taħt arrest: Jekk persuna tkun ġiet imsejħa għall-interrogazzjoni mill-pulizija jew tkun ġiet arrestata, hija għandha d-dritt li tkellem lill-avukat tal-għajnuna legali tal-għassa.
Il-proċedura
Fi proċedimenti ċivili, biex tagħmel appuntament mal-Avukat tal-Għajnuna Legali residenti, persuna trid l-ewwel tipproduċi dawn id-dokumenti msemmija hawn taħt (jew dawk id-dokumenti li japplikaw għall-persuna, skont il-każ) biex isir it-test tal-mezzi u jiġi stabbilit jekk il-persuna hijiex eliġibbli għall-għajnuna legali:
- Dokument mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali li juri l-ammont ta’ flus li l-persuna irċeviet tul l-aħħar 12-il xahar;
- FS3 tax-xogħol/Payslips tal-paga tal-aħħar 12-il xahar;
- Rendikont (statement) tal-aħħar 12-il xahar ta’ kull kont bankarju li l-persuna jkollha f’isimha;
- Dokument mill-Aġenzija tal-Impjieg li juri l-istorja tal-impjieg (job history) tal-persuna;
- Il-karta tal-identità jew il-passaport;
- Dokumenti li l-persuna tkun irċeviet mill-Qorti f’każ li tixtieq li tiġi assistita bl-għajnuna legali;
- Dokumenti oħra relatati, pereżempju:
- Għas-separazzjoni personali: iċ-ċertifikat taż-żwieġ u ċ-ċertifikati tat-twelid tal-ulied;
- Għal annullament taż-żwieġ jew divorzju: kopja tal-kuntratt ta’ separazzjoni;
- Għal bidliet fid-dettalji taċ-ċertifikati tar-Reġistru Pubbliku: iċ-ċertifikat tat-twelid/tal-mewt/taż-żwieġ tal-persuna;
- Kwistjonijiet ta’ wirt: kopja tat-testment, eċċ.
Fil-laqgħa ma’ uffiċjal tal-Aġenzija jiġi stabbilit jekk il-persuna hijiex eliġibbli skont it-test tal-mezzi għas-servizz tal-għajnuna legali. Jekk persuna tkun eliġibbli, tingħata appuntament mal-Avukat tal-Għajnuna Legali residenti sabiex tiddiskuti l-problema tagħha u/jew il-kawża inkwistjoni. L-Avukat tal-Għajnuna Legali residenti jinforma lill-persuna kkonċernata, skont it-test tal-merti li jsir, jekk għandhiex raġuni tajba biex tibda l-proċedimenti jew biex tressaq id-difiża tagħha skont il-każ.
Persuna tkun eliġibbli għall-għajnuna legali wara li tgħaddi kemm mit-test tal-mezzi u anke dak tal-merti. Ladarba tkun eliġibbli, persuna tingħata l-assistenza sabiex timla’ l-formola tal-applikazzjoni għall-għajnuna legali meħtieġa skont il-liġi u tieħu ġurament dwar il-mezzi finanzjarji tagħha u l-merti tal-kawża.
Persuna li ma tkunx eliġibbli, skont wieħed mit-testijiet jew skont it-tnejn li huma, tinħarġilha ittra li t-talba ġiet miċħuda u r-raġunijiet għaċ-ċaħda tat-talba.
4 L-għajnuna legali tingħata għal kull tip ta’ proċediment?
L-għajnuna legali tingħata lill-individwi, fil-kawżi kollha kriminali u kważi f’kull kawża ċivili. Fil-kawżi ċivili, persuna trid tkun eliġibbli kemm skont it-test tal-mezzi u kif ukoll skont dak tal-merti.
Iżda, f’każijiet li jirrigwardaw korrezzjoni jew kanċellament ta’ reġistrazzjoni, jew dwar ir-reġistrazzjoni ta’ xi ċertifikat tat-twelid, taż-żwieġ jew tal-mewt, il-kriterji tal-valutazzjoni tal-mezzi ma japplikawx.
Il-kumpaniji reġistrati taħt l-Att dwar il-Kumpaniji ma humiex intitolati għall-benefiċċju tal-għajnuna legali skont l-Artiklu 926 tal-Kapitolu 12 tal-Liġijiet ta’ Malta.
5 Jeżistu proċeduri speċjali f’każijiet ta’ bżonn?
F’sitwazzjonijiet urġenti (bħal pereżempju l-ħruġ ta’ mandat) il-liġi tippermetti li l-Avukat tal-Għajnuna Legali jikseb awtorizzazzjoni provviżorja mill-Qorti kompetenti sabiex jippreżenta atti ġudizzjarji speċifiċi f’isem il-persuna li tkun qed titlob l-għajnuna legali, u wara jridu jsiru t-test tal-mezzi u dak tal-merti.
Jekk sussegwentement il-Qorti kompetenti tneħħi l-benefiċċju tal-għajnuna legali, l-atti ġudizzjarji ppreżentati mill-Avukat tal-Għajnuna Legali ma jsirux nulli, iżda kwalunkwe benefiċċju futur jitneħħa u l-Qorti tista’ tordna li l-ispejjeż mġarrba matul l-awtorizzazzjoni provviżorja jitħallsu mill-applikant.
6 Minn fejn nista’ nikseb formola ta’ applikazzjoni għal għajnuna legali?
Il-formola tal-applikazzjoni tista’ timtela fl-uffiċċju tal-Malta Legal Aid bl-assistenza ta’ uffiċjal fl-Aġenzija tal-Għajnuna Legali. Il-kontenut tal-applikazzjoni irid jiġi maħluf mill-applikant. It-talba għall-għajnuna legali tista’ ssir ukoll b’rikors quddiem il-Qorti Ċivili.
7 X’dokumenti jridu jiġu ppreżentati mal-formola tal-applikazzjoni għal għajnuna legali?
L-applikazzjoni sabiex jinbdew il-proċedimenti għall-għajnuna legali għandha tinkludi d-dokumenti mitluba fit-taqsima intitolata “Il-proċedura” fir-risposta numru 3 hawn fuq.
Id-dokumenti annessi mal-applikazzjoni għandhom jirriflettu l-materja tal-kwistjoni li fir-rigward tagħhom il-persuna tkun qed titlob li jinfetħu proċedimenti. Pereżempju, jekk ikun hemm talba għall-annullament ta’ żwieġ, għandha tiġi mehmuża kopja taċ-ċertifikat taż-żwieġ. Id-dokumenti li l-Avukat tal-Għajnuna Legali jkollu bżonn sabiex ikunu jistgħu jiġu ddeterminati r-raġunijiet biex tintlaqa’ jew tiġi rrifjutata t-talba għall-għajnuna legali, iridu jingħataw lill-Avukat tal-Għajnuna Legali meta dan jitlobhom.
8 Fejn irrid nibgħat l-applikazzjoni tiegħi għal għajnuna legali?
Għandek tibgħatha lill-uffiċċji tal-Malta Legal Aid: https://legalaidmalta.gov.mt/
9 Kif nista’ nsir naf jekk jiniex intitolat għal għajnuna legali?
L-applikant għas-servizz tal-għajnuna legali jiġi infurmat formalment permezz ta’ notifika b’SMS, bit-telefown, b’ittra jew bil-posta elettronika jekk l-applikazzjoni għall-benefiċċju tal-għajnuna legali ġietx approvata skont il-ħtiġijiet ta’ kull applikant. L-applikant jiġi infurmat b’isem l-avukat u l-prokuratur legali u bin-numru tal-mobile tagħhom.
10 X’għandi nagħmel jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?
Jekk l-applikant jikkwalifika għall-għajnuna legali, huwa jiġi nfurmat b’isem l-avukat u l-prokuratur legali li jkun ġie assenjat sabiex jassisti fil-proċedimenti. Huwa d-dmir tal-applikant li jikkomunika mal-avukat assenjat lilu sabiex jagħmel appuntament ħalli jiddiskuti l-kawża u jsegwi l-proċedimenti mibdija.
11 Min jagħżilli l-avukat, jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?
Ladarba l-applikazzjoni tkun ġiet approvata, l-applikant jiġi assenjat avukat u prokuratur legali li isimhom jidher fuq il-lista disponibbli lill-Qorti u li jkunu tal-għassa. Jekk l-applikant, għal raġuni valida, ikun jixtieq jibdel l-avukat bl-avukat tal-għassa li jmiss, dan ikollu jressaq rikors quddiem il-Qorti. Huwa biss permezz ta’ digriet tal-Qorti li avukat tal-għajnuna legali jista’ jinbidel.
12 L-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti?
L-għajnuna legali lill-applikant tkopri l-ispejjeż tal-Qorti. Għaldaqstant, l-applikant huwa eżentat mill-ħlas tat-tariffi jew milli jagħti garanzija għall-ispejjeż.
Jekk l-applikant jirbaħ l-azzjoni fil-kawża tiegħu, ikollu jħallas l-ispejjeż tal-avukat, tal-prokuratur legali, tal-kuraturi, tal-arbitri u tal-periti (jekk ikun hemm) mill-ammont li jkun daħħal jew mid-dħul tal-bejgħ bis-subbasta tal-proprjetà immobbli jew mobbli skont is-sentenza mingħajr preġudizzju għad-dritt tiegħu li jiġi rrimborżat minn kwalunkwe terza persuna li tista’ tkun ġiet ordnata tħallas tali spejjeż.
13 Min għandu jħallas l-ispejjeż l-oħra jekk jien inkun intitolat biss għal għajnuna legali limitata?
F’Malta, ma japplikax il-kunċett tas-servizz tal-għajnuna legali parzjali. Dan ifisser li l-applikant jew ikollu s-servizz tal-għajnuna legali kollu jew inkella t-talba għall-għajnuna legali tiġi miċħuda. Jekk il-parti li qed tingħata s-servizz tal-għajnuna legali tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti, ir-Reġistratur tal-Qrati Ċivili u Tribunali ma jkunx jista’ jitlob li jitħallsu lura l-ispejjeż tar-reġistru mill-parti rebbieħa.
14 L-għajnuna legali tkopri l-appelli wkoll?
Jekk l-applikant jikkwalifika għall-għajnuna legali, jkun intitolat għall-assistenza tal-għajnuna legali fil-livelli kollha, inkluża assistenza legali quddiem il-qrati tal-appell.
15 L-għajnuna legali tista’ tiġi rtirata qabel il-konklużjoni tal-proċedimenti (jew saħansitra tiġi revokata wara t-terminazzjoni tal-proċedimenti)?
Jekk jiġi ppruvat lill-Qorti li tul iż-żmien li l-applikant kien qed jibbenefika mill-għajnuna legali, kien konxju li kellu fil-pussess tiegħu kapital jew dħul aktar minn dak stabbilit mil-liġi sabiex jibbenefika mill-għajnuna legali, jew li matul is-smigħ tal-kawża l-applikant kien konxju li żdiedlu d-dħul tiegħu aktar minn dak li tistabbilixxi l-liġi, u ma rrapportax dan, il-Qorti tista’ tikkundanna lill-applikant għal disprezz tal-Qorti. Jistgħu jinbdew ukoll proċedimenti ta’ sperġur kontra l-applikant.
Fiż-żewġ każijiet, l-applikant ikun responsabbli għall-ispejjeż kollha tal-kawża bl-istess mod daqslikieku ma kienx qed jibbenefika mill-għajnuna legali.
16 Nista’ nikkontesta r-rifjut li ningħata għajnuna legali?
M’hemmx appell mid-deċiżjoni li tirrifjuta t-talba għall-għajnuna legali. Madankollu, jekk ir-rapport magħmul mill-Avukat tal-Għajnuna Legali ma jkunx favur l-applikant, il-Qorti Ċivili għandha teżamina ir-rapport, u tagħti opportunità lill-partijiet sabiex jagħmlu sottomissjonijiet qabel tiddeċiedi jekk għandiex taċċetta r-rapport negattiv jew jekk tirrifjutax ir-rapport u tammetti lill-parti għat-talba.
17 It-talba għal għajnuna legali għandha l-effett li tissospendi l-perjodu ta’ preskrizzjoni?
It-talba għal għajnuna legali ma għandhiex l-effett li tissospendi l-perjodu ta’ preskrizzjoni.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.