- 1 Il-proċedimenti legali xi spejjeż jinvolvu, u normalment min irid iħallashom?
- 2 X’inhija eżattament l-għajnuna legali?
- 3 X’inhuma r-rekwiżiti biex tingħata l-għajnuna legali?
- 4 L-għajnuna legali tingħata għal kull tip ta’ proċediment?
- 5 Jeżistu proċeduri speċjali f’każijiet ta’ bżonn?
- 6 Minn fejn nista’ nikseb formola ta’ applikazzjoni għal għajnuna legali?
- 7 X’dokumenti jridu jiġu ppreżentati mal-formola tal-applikazzjoni għal għajnuna legali?
- 8 Fejn irrid nibgħat l-applikazzjoni tiegħi għal għajnuna legali?
- 9 Kif nista’ nsir naf jekk jiniex intitolat għal għajnuna legali?
- 10 X’għandi nagħmel jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?
- 11 Min jagħżilli l-avukat, jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?
- 12 L-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti?
- 13 Min għandu jħallas l-ispejjeż l-oħra jekk jien inkun intitolat biss għal għajnuna legali limitata?
- 14 L-għajnuna legali tkopri l-appelli wkoll?
- 15 L-għajnuna legali tista’ tiġi rtirata qabel il-konklużjoni tal-proċedimenti (jew saħansitra tiġi revokata wara t-terminazzjoni tal-proċedimenti)?
- 16 Nista’ nikkontesta r-rifjut li ningħata għajnuna legali?
- 17 It-talba għal għajnuna legali għandha l-effett li tissospendi l-perjodu ta’ preskrizzjoni?
Sib informazzjoni għal kull reġjun
1 Il-proċedimenti legali xi spejjeż jinvolvu, u normalment min irid iħallashom?
Skont it-termini tal-Artikolu 529 tal- Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż (Código de Processo Civil), l-ispejjeż involuti fi proċedimenti tal-qorti jikkonsistu minn:
i. mit-tariffi tal-qorti (taxa de justiça);
ii. mill-ispejjeż relatati mal-kawża (encargos);
iii. mill-ispejjeż tal-partijiet (custas de parte).
Għaldaqstant:
i. It-tariffi tal-qorti jridu jitħallsu minn kull waħda mill-partijiet involuti, għall-proċedimenti legali rispettivi li jkollhom jinbdew. L-ispejjeż tal-qorti jiġu kkalkulati skont il-valur jew il-kumplessità tat-talba, skont it-termini tar- Regolamenti Portugiżi dwar l-Ispejjeż tal-Qorti (Regulamento das Custas Processuais) u tat-tabelli annessi ma’ dawk ir-Regolamenti. It-tariffi tal-qorti huma espressi f’“unitajiet ta’ kont” (unidades de conta – UC), kif stipulat fl-Artikolu 5 tar-Regolamenti dwar l-Ispejjeż tal-Qorti. Fl-2023, il-valur ta’ UC 1 se jibqa’ l-istess, jiġifieri EUR 102,00. Dan l-ammont jista’ jinbidel maż-żmien.
ii. L-ispejjeż relatati mal-kawża huma dawk imġarrba bħala riżultat tal-proċedimenti tal-qorti (bħall-ħlasijiet lill-esperti, is-servizzi ta’ interpretazzjoni, eċċ.) meta jintalbu mill-partijiet jew jiġu ordnati mill-imħallef – ara l-Artikolu 16 tar-Regolamenti dwar l-Ispejjeż tal-Qorti.
iii. L-ispejjeż tal-partijiet huma l-ammonti minfuqa minn kull waħda mill-partijiet fit-trattament tal-kawża, somma li huma jitħallsu lura jekk il-kontroparti titlef il-kawża, skont it-termini tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti dwar l-Ispejjeż tal-Qorti (eż. l-ispejjeż tal-ħlasijiet lil avukat; spejjeż tal-uffiċjali eżekuttivi maħtura mill-qorti, eċċ.).
2 X’inhija eżattament l-għajnuna legali?
L-aċċess għal-liġi u għall-Qrati huwa previst fil-Liġi Nru 34/2004 tad-29 ta’ Lulju 2004.
Skont it-termini tal-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 34/2004, il-protezzjoni legali hija disponibbli f’żewġ forom:
i. konsulenza legali
ii. għajnuna legali.
Għaldaqstant:
i. Skont it-termini tal-Artikoli 14 u 15 tal-Liġi Nru 34/2004, il-konsulenza legali tikkonsisti fi kjarifika teknika dwar il-liġi applikabbli għal kwistjonijiet jew każijiet speċifiċi u tista’ tingħata minn avukati.
ii. Skont l-Artikolu 16 tal-Liġi Nru 34/2004, l-għajnuna legali teżisti fil-forom li ġejjin:
- eżenzjoni mit-tariffi tal-qorti u spejjeż oħra relatati mal-kawża;
- il-ħatra ta’ konsulent legali (bħal avukati u solicitors) u l-ħlas tat-tariffi tagħhom u spejjeż oħra (bħall-ispejjeż tal-ivvjaġġar);
- il-ħlas tat-tariffi tal-konsulent legali maħtur mill-qorti (bħal avukat fi proċedimenti kriminali);
- il-ħlas tat-tariffi tal-qorti u spejjeż oħra relatati mal-kawża, f’pagamenti parzjali;
- il-ħatra ta’ konsulent legali u l-ħlas tat-tariffi u l-ispejjeż rilevanti, f’pagamenti parzjali;
- il-ħlas tat-tariffi u tal-ispejjeż dovuti lill-konsulent legali maħtur mill-qorti, f’pagamenti parzjali;
- l-attribuzzjoni ta’ uffiċjal eżekuttiv maħtur mill-qorti u l-ħlas tat-tariffa korrispondenti (pereżempju għan-notifika ta’ taħrika, għall-miżuri neċessarji biex jitwettaq il-qbid ta’ assi, u proċeduri oħra ta’ eżekuzzjoni).
3 X’inhuma r-rekwiżiti biex tingħata l-għajnuna legali?
Bis-saħħa tal-Artikolu 7 tal-Liġi Nru 34/2004, il-kategoriji ta’ persuni li ġejjin huma intitolati għall-protezzjoni legali, jekk ikunu jistgħu jagħtu prova ta’ diffikultajiet finanzjarji:
- iċ-ċittadini Portugiżi;
- iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea;
- persuni barranin u persuni apolidi li jkollhom permess ta’ residenza validu fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;
- barranin mingħajr permessi ta’ residenza validi fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea meta r-residenza tiġi attribwita lil ċittadini Portugiżi fl-istess sitwazzjoni skont il-liġijiet ta’ dawk l-Istati;
- l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ huma intitolati biss għal protezzjoni legali fil-forma ta’ għajnuna legali.
NB: l-entitajiet li jagħmlu qligħ u l-kumpaniji limitati individwali mhumiex intitolati għal protezzjoni legali.
4 L-għajnuna legali tingħata għal kull tip ta’ proċediment?
Skont l-Artikolu 17 tal-Liġi Nru 34/2004 u l-Artikolu 7 tal-Ordni Ministerjali ta’ Implimentazzjoni Nru 46/2015 tat-23 ta’ Frar 2015 (Portaria n.º 46/2015), l-iskema ta’ għajnuna legali hija applikabbli:
- għall-qrati kollha, irrispettivament mit-tip ta’ kawża;
- għall-Imħallfin tal-Paċi;
- għas-sistemi ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim bħall-medjazzjoni mmexxija mill-Istat (mediação pública), eż. medjazzjoni tal-familja jew tax-xogħol;
- għal każijiet immexxija minn uffiċċji tar-reġistru;
- għal inventarji li jkunu qed jiġu ttrattati f’uffiċċji notarili;
- fi proċedimenti ta’ reati amministrattivi.
Links utli:
Sistema ta’ Medjazzjoni tal-Familja mmexxija mill-Istat (bil-Portugiż)
Sistema ta’ Medjazzjoni tax-Xogħol immexxija mill-Istat (bil-Portugiż)
5 Jeżistu proċeduri speċjali f’każijiet ta’ bżonn?
F’każijiet urġenti, meta ma tkun ittieħdet l-ebda deċiżjoni finali dwar l-għajnuna legali mitluba fiż-żmien meta jkun dovut il-ħlas tat-tariffi tal-qorti u spejjeż oħra relatati mal-kawża, ir-rikorrent irid jippreżenta d-dokument li jipprova li huwa għamel rikors għall-għajnuna legali u mbagħad jipproċedi kif ġej (ara l-Artikolu 29(5) tal-Liġi Nru 34/2004):
- Meta d-deċiżjoni tad-dipartiment tas-sigurtà soċjali kompetenti tkun għadha mhijiex magħrufa, l-iskadenza għall-ħlas rilevanti tiġi sospiża sakemm id-deċiżjoni tiġi kkomunikata lir-rikorrent.
- Meta tkun diġà ttieħdet deċiżjoni mid-dipartiment tas-sigurtà soċjali biex tingħata għajnuna legali fil-forma ta’ ħlas bin-nifs, il-ħlas tal-ewwel pagament parzjali jkun dovut 10 ijiem mid-data li fiha d-deċiżjoni tiġi kkomunikata lir-rikorrent, mingħajr preġudizzju għall-ħlas lura aktar tard tal-flus imħallsa f’każijiet fejn id-deċiżjoni tiġi rrevokata.
- Meta tkun diġà nħarġet deċiżjoni negattiva mid-dipartiment tas-sigurtà soċjali, il-ħlas ikun dovut 10 ijiem mid-data meta d-deċiżjoni tiġi kkomunikata lir-rikorrent, mingħajr preġudizzju għall-ħlas lura aktar tard tal-flus imħallsa f’każijiet fejn id-deċiżjoni tiġi rrevokata.
Jekk jgħaddi perjodu ta’ 30 jum mingħajr ma tkun ittieħdet l-ebda deċiżjoni dwar it-talba għal protezzjoni legali (konsulenza legali jew għajnuna legali), it-talba titqies li tkun ingħatat b’mod taċitu, u l-parti interessata tista’ tinvoka dan il-kunsens taċitu quddiem il-Qorti jew il-Kamra tal-Avukati Portugiża, skont il-forma ta’ protezzjoni legali mitluba – ara l-Artikolu 25 tal-Liġi Nru 34/2004.
6 Minn fejn nista’ nikseb formola ta’ applikazzjoni għal għajnuna legali?
Il-formoli meħtieġa biex wieħed japplika għal protezzjoni legali fil-forma ta’ konsulenza legali jew kwalunkwe forma oħra ta’ għajnuna legali, inkluża l-formola biex wieħed japplika għall-għajnuna legali fi Stat Membru ieħor, jistgħu jitniżżlu mis-sit web tas-Sigurtà Soċjali Portugiża hawnhekk (bil-Portugiż).
7 X’dokumenti jridu jiġu ppreżentati mal-formola tal-applikazzjoni għal għajnuna legali?
Il-lista tad-dokumenti li jridu jiġu mehmuża mar-rikors tista’ tinstab f’“Il-Protezzjoni Legali – Gwida Prattika” (Guia Prático Protecção Jurídica), maħruġa mill-Istitut Portugiż għas-Sigurtà Soċjali (Instituto da Segurança Social, I.P.), u ppubblikata fuq il-paġna tal-“Gwidi Prattiċi” (Guias Práticos) tas-sit web tiegħu, aċċessibbli permezz ta’ kwalunkwe waħda mil-links li ġejjin:
Is-sit web tas-Sigurtà Soċjali Portugiża
Il-Protezzjoni Legali – Gwida Prattika (bil-Portugiż)
8 Fejn irrid nibgħat l-applikazzjoni tiegħi għal għajnuna legali?
Ir-rikors u d-dokumenti mehmuża miegħu jistgħu jiġu ppreżentati personalment jew jintbagħtu bil-posta, faks jew email lil kwalunkwe dipartiment tal-Istitut tas-Sigurtà Soċjali li jittratta direttament mal-pubbliku.
Il-lista tal-uffiċċji ċentrali tas-sigurtà soċjali għal kull distrett u l-indirizzi, in-numri tal-faks u l-indirizzi tal-posta elettronika rispettivi tagħhom tista’ tiġi kkonsultata hawnhekk (bil-Portugiż).
9 Kif nista’ nsir naf jekk jiniex intitolat għal għajnuna legali?
Id-deċiżjoni li tingħata l-għajnuna legali trid tispeċifika liema forom ta’ għajnuna legali ġew approvati, u din id-deċiżjoni hija r-responsabbiltà tal-maniġer superjuri tad-dipartiment tas-sigurtà soċjali għaż-żona li fiha jkun residenti jew ibbażat ir-rikorrent. Meta r-rikorrent ma jkunx residenti fil-Portugall, din id-deċiżjoni tittieħed mill-maniġer superjuri tad-dipartiment tas-sigurtà soċjali li lilu jkun ġie ppreżentat ir-rikors – ara l-Artikoli 20 u 29 tal-Liġi Nru 34/2004.
Skont it-termini tal-Artikolu 26 tal-Liġi Nru 34/2004, ir-rikorrenti jridu jiġu nnotifikati bid-deċiżjonijiet li japprovaw rikors għall-għajnuna legali. Bħala regola, tali notifika tintbagħat fl-indirizz li r-rikorrent ikun ta fuq il-formola bħala l-indirizz tal-korrispondenza tiegħu.
10 X’għandi nagħmel jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?
Meta jinħatar konsulent legali f’ismu, ir-rikorrent jiġi nnotifikat bl-indirizz tal-uffiċċju tal-konsulent legali inkwistjoni, u jiġi infurmat ukoll li huwa d-dmir tar-rikorrent li jikkoopera b’mod sħiħ miegħu, bir-riskju li l-għajnuna legali titneħħa jekk din il-kollaborazzjoni ma sseħħx.
Sabiex l-għajnuna legali fil-forma ta’ eżenzjoni totali jew parzjali mit-tariffi tal-qorti u mill-ispejjeż relatati mal-kawża mġarrba mill-qorti tidħol fis-seħħ, ir-rikorrent irid jippreżenta d-dokument li juri li din l-għajnuna ngħatat fil-perjodu mogħti għall-pagament tat-tariffi tal-qorti.
11 Min jagħżilli l-avukat, jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?
Il-konsulent legali jinħatar mill-Kamra tal-Avukati Portugiża, li mbagħad tinnotifika lir-rikorrent skont it-termini tal-Artikoli 30 u 31 tal-Liġi Nru 34/2004.
12 L-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti?
L-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż deskritti fl-Artikolu 16 tal-Liġi Nru 34/2004, li huma:
- it-tariffi tal-qorti u spejjeż oħra relatati mal-kawża;
- il-ħlas tat-tariffi għall-konsulent legali;
- il-ħlas tat-tariffi għall-konsulent legali maħtur mill-qorti;
- il-ħlas tat-tariffi tal-qorti u spejjeż oħra relatati mal-kawża, f’pagamenti parzjali;
- il-ħlas tat-tariffi għall-konsulent legali, f’pagamenti parzjali;
- il-ħlas tat-tariffi għall-konsulent legali maħtur mill-qorti, f’pagamenti parzjali;
- l-ispejjeż tal-uffiċjal eżekuttiv maħtur mill-qorti;
- il-ħlas tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-fatt li l-kawża tkun ta’ natura transfruntiera, f’każijiet fejn ir-rikorrent ikun jirrisjedi fi Stat Membru ieħor.
13 Min għandu jħallas l-ispejjeż l-oħra jekk jien inkun intitolat biss għal għajnuna legali limitata?
Skont l-Artikolu 29(4) u (5) tal-Liġi Nru 34/2004, kwalunkwe spiża li jifdal għandha titħallas mir-rikorrent. Dan huwa mingħajr preġudizzju għar-rikorrent li jiġi kkumpensat għall-ispejjeż tal-partijiet, skont it-termini tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti dwar l-Ispejjeż tal-Qorti, jekk ir-rikorrent jirbaħ il-kawża tiegħu.
14 L-għajnuna legali tkopri l-appelli wkoll?
Iva, l-għajnuna legali tibqa’ fis-seħħ għall-appelli u tkopri l-proċedimenti sussegwenti kollha marbuta mal-kawża li għaliha tkun ingħatat l-għajnuna legali. L-għajnuna legali tapplika wkoll għall-kawża prinċipali fil-qorti, meta tingħata f’xi wieħed mill-proċedimenti relatati. L-għajnuna legali tibqa’ fis-seħħ ukoll għal kwalunkwe proċedura ta’ eżekuzzjoni li tirriżulta minn deċiżjonijiet ġudizzjarji meħuda fi proċedimenti li fihom tkun ingħatat l-għajnuna legali – ara l-Artikolu 18 tal-Liġi Nru 34/2004.
15 L-għajnuna legali tista’ tiġi rtirata qabel il-konklużjoni tal-proċedimenti (jew saħansitra tiġi revokata wara t-terminazzjoni tal-proċedimenti)?
Iva, l-għajnuna legali tista’ tiġi kkanċellata b’mod sħiħ jew parzjali, qabel it-tmiem tal-proċedimenti, f’dawk il-każijiet previsti fl-Artikolu 10 tal-Liġi Nru 34/2004. Dan japplika għal każijiet fejn ir-rikorrent jew membri tal-familja tiegħu sussegwentement jiksbu mezzi finanzjarji suffiċjenti. F’dan il-każ, huwa d-dmir tar-rikorrent li jiddikjara li jista’ jgħaddi mingħajr protezzjoni legali, b’mod sħiħ jew parzjali, jew jirriskja li jkun soġġett għall-penali rilevanti.
16 Nista’ nikkontesta r-rifjut li ningħata għajnuna legali?
Jekk id-dipartiment tas-sigurtà soċjali jiddeċiedi li jiċħad ir-rikors, b’mod sħiħ jew parzjali, huwa jrid jinnotifika lir-rikorrent bil-miktub dwar l-intenzjoni tiegħu, u jagħti lir-rikorrent għaxart ijiem biex iwieġeb. Ir-rikorrent jista’, mar-risposta tiegħu, jissottometti dokumenti li kienu neqsin, jew li jservu biex jikkonfermaw l-argumenti tiegħu. Jekk ir-rikorrent ma jweġibx fi żmien 10 ijiem tax-xogħol, id-deċiżjoni mbagħad issir definittiva, mingħajr ma tintbagħat ittra oħra lir-rikorrent – ara l-Artikolu 37 tal-Liġi Nru 34/2004, li jirreferi għall-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva Portugiż (Código do Procedimento Administrativo).
Ir-rikorrent jista’ jikkontesta d-deċiżjoni meħuda mid-dipartiment tas-sigurtà soċjali quddiem il-qorti. F’dan il-każ, ir-rikorrent irid jissottometti talba bil-miktub li tikkontesta d-deċiżjoni fi żmien 15-il jum lid-dipartiment tas-sigurtà soċjali li jkun ħa dik id-deċiżjoni. Id-dipartiment tas-sigurtà soċjali jista’ jirrevoka d-deċiżjoni. Jekk id-deċiżjoni ma tiġix irrevokata, id-dipartiment tas-sigurtà soċjali jrid jirreferi l-każ lill-qorti – ara l-Artikoli 26 sa 28 tal-Liġi Nru 34/2004.
17 It-talba għal għajnuna legali għandha l-effett li tissospendi l-perjodu ta’ preskrizzjoni?
Iva, it-talba għal għajnuna legali jista’ jkollha l-effett li tissospendi l-perjodu ta’ preskrizzjoni.
Meta tiġi ppreżentata talba għal għajnuna legali, fil-forma ta’ ħatra ta’ avukat, u d-dokument li jikkonferma din it-talba jiġi inkluż mal-proċedimenti, il-perjodu ta’ preskrizzjoni li jkun għaddej jiġi interrott, ħamest ijiem wara d-data li fiha tkun ġiet ippreżentata t-talba għal għajnuna legali (l-Artikolu 33(4) tal-Liġi 23/2004 tad-29 ta’ Lulju 2004 u l-Artikolu 323(1) u (2) tal-Kodiċi Ċivili).
Ikkonsulta xi ġurisprudenza ppubblikata dwar din il-kwistjoni hawnhekk:
- Il-Qorti tal-Appell ta’ Liżbona (Tribunal da Relação de Lisboa)
- Il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja (Supremo Tribunal de Justiça)
Avviż:
Il-Punt ta’ Kuntatt tan-NĠE-Ċivili, il-qrati, u korpi u awtoritajiet oħra mhumiex marbuta bl-informazzjoni stabbilita f’din l-iskeda informattiva. Huwa wkoll neċessarju li jinqraw it-testi legali fis-seħħ. Dawn huma soġġetti għal aġġornamenti regolari u għal interpretazzjoni li tevolvi tal-ġurisprudenza.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.