Għajnuna legali

Portugall
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Il-proċedimenti legali xi spejjeż jinvolvu, u normalment min irid iħallashom?

Skont it-termini tal-Artikolu 529 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż (Código de Processo Civil), l-ispejjeż involuti fi proċedimenti tal-qorti jikkonsistu:

i. mit-tariffi tal-qorti (taxa de justiça);

ii. mill-ispejjeż relatati mal-kawża (encargos);

iii. mill-ispejjeż tal-partijiet (custas de parte).

Għaldaqstant:

i. It-tariffi tal-qorti jridu jitħallsu minn kull waħda mill-partijiet involuti, għall-proċedimenti legali rispettivi li jkollhom jinbdew. L-ispejjeż tal-qorti jiġu kkalkulati skont il-valur jew il-kumplessità tat-talba, skont it-termini tar-Regolamenti Portugiżi dwar l-Ispejjeż tal-Qorti (Regulamento das Custas Processuais) u tat-tabelli annessi ma’ dawk ir-Regolamenti. It-tariffi tal-qorti huma espressi f’“unitajiet ta’ kont” (unidades de conta - UC), kif stipulat fl-Artikolu 5 tar-Regolamenti dwar l-Ispejjeż tal-Qorti. Sal-aħħar tal-2021, il-valur ta’ unità (waħda) ta’ kont huwa stabbilit għal EUR 102.00. Dan l-ammont jista’ jinbidel maż-żmien.

ii. L-ispejjeż relatati mal-kawża huma dawk imġarrba bħala riżultat tal-proċedimenti tal-qorti (bħall-ħlasijiet lill-esperti, is-servizzi ta’ interpretazzjoni, eċċ.) meta jintalbu mill-partijiet jew jiġu ordnati mill-imħallef – ara l-Artikolu 16 tar-Regolamenti dwar l-Ispejjeż tal-Qorti.

iii. L-ispejjeż tal-partijiet huma l-ammonti minfuqa minn kull waħda mill-partijiet fit-trattament tal-kawża, somma li huma jitħallsu lura jekk il-kontroparti titlef il-kawża, skont it-termini tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti dwar l-Ispejjeż tal-Qorti (eż. l-ispejjeż tal-ħlasijiet lil avukat; l-ispejjeż ta’ uffiċjali eżekuttivi maħtura mill-qorti, eċċ.).

Links utli:

Ir-Regolamenti dwar l-Ispejjeż tal-Qorti (bil-Portugiż)

Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (bil-Portugiż)

2 X’inhija eżattament l-għajnuna legali?

L-aċċess għal-liġi u għall-qrati huwa previst fil-Liġi 34/2004 tad-29 ta’ Lulju 2004.

Skont it-termini tal-Artikolu 6 tal-Liġi 34/2004, il-protezzjoni legali hija disponibbli f’żewġ forom:

i. konsulenza legali

ii. għajnuna legali.

Għaldaqstant:

i. Skont it-termini tal-Artikoli 14 u 15 tal-Liġi 34/2004, il-konsulenza legali tikkonsisti fi kjarifika teknika dwar il-liġi applikabbli għal kwistjonijiet jew każijiet speċifiċi u tista’ tingħata minn avukati.

Skont l-Artikolu 16 tal-Liġi 34/2004, l-għajnuna legali teżisti fil-forom li ġejjin:

  • eżenzjoni mit-tariffi tal-qorti u spejjeż oħra relatati mal-kawża;
  • il-ħatra ta’ konsulent legali (bħal avukati u solicitors) u l-ħlas tat-tariffi tagħhom u spejjeż oħra (bħall-ispejjeż tal-ivvjaġġar);
  • il-ħlas tat-tariffi tal-konsulent legali maħtur mill-qorti (bħal avukat fi proċedimenti kriminali);
  • il-ħlas tat-tariffi tal-qorti u spejjeż oħra relatati mal-kawża, f’pagamenti parzjali;
  • il-ħatra ta’ konsulent legali u l-ħlas tat-tariffi u l-ispejjeż rilevanti, f’pagamenti parzjali;
  • il-ħlas tat-tariffi u tal-ispejjeż dovuti lill-konsulent legali maħtur mill-qorti, f’pagamenti parzjali;
  • l-attribuzzjoni ta’ uffiċjal eżekuttiv maħtur mill-qorti u l-ħlas tat-tariffi korrispondenti (pereżempju għan-notifika ta’ ċitazzjoni, għall-miżuri neċessarji biex jitwettaq is-sekwestru tal-assi, u proċeduri oħra ta’ infurzar).

Link utli:

Il-Liġi 34/2004 tad-29 ta’ Lulju 2004 dwar l-aċċess għal-liġi u għall-qrati (bil-Portugiż)

3 Għandi dritt għal għajnuna legali?

Bis-saħħa tal-Artikolu 7 tal-Liġi 34/2004, il-kategoriji ta’ persuni li ġejjin huma intitolati għal protezzjoni legali, jekk ikunu jistgħu jagħtu prova ta’ diffikultajiet finanzjarji:

  • iċ-ċittadini Portugiżi;
  • iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea;
  • persuni barranin u persuni apolidi li jkollhom permess ta’ residenza validu fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;
  • barranin mingħajr permessi ta’ residenza validi fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea meta r-residenza tiġi attribwita lil ċittadini Portugiżi fl-istess sitwazzjoni skont il-liġijiet ta’ dawk l-Istati;
  • l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ huma intitolati biss għal protezzjoni legali fil-forma ta’ għajnuna legali.

NB: l-entitajiet li jagħmlu qligħ u l-kumpaniji limitati individwali mhumiex intitolati għal protezzjoni legali.

4 L-għajnuna legali tingħata għal kull tip ta’ proċediment?

Skont l-Artikolu 17 tal-Liġi 34/2004 u l-Artikolu 7 tal-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali 46/2015, l-iskema ta’ għajnuna legali hija applikabbli:

  • għall-qrati kollha, irrispettivament mit-tip ta’ kawża;
  • għall-Imħallfin tal-Paċi;
  • għas-sistemi ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim bħall-medjazzjoni mmexxija mill-Istat (mediação pública), eż. medjazzjoni tal-familja jew tax-xogħol;
  • għal każijiet immexxija minn uffiċċji tar-reġistru;
  • għal inventarji li jkunu qed jiġu ttrattati f’uffiċċji notarili;
  • għal każijiet ta’ ksur ta’ liġi.

Links utli:

Sistema ta’ Medjazzjoni tal-Familja mmexxija mill-Istat (bil-Portugiż)

Sistema ta’ Medjazzjoni tax-Xogħol immexxija mill-Istat (bil-Portugiż)

L-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali 46/2015 tat-23 ta’ Frar 2015 (bil-Portugiż)

5 Jeżistu proċeduri speċjali f’każijiet ta’ bżonn?

F’każijiet urġenti, meta ma tkun ittieħdet l-ebda deċiżjoni finali dwar l-għajnuna legali mitluba fiż-żmien meta jkun dovut il-ħlas tat-tariffi tal-qorti u spejjeż oħra relatati mal-kawża, ir-rikorrent irid jippreżenta d-dokument li jipprova li huwa għamel rikors għall-għajnuna legali u mbagħad jipproċedi kif ġej (ara l-Artikolu 29(5) tal-Liġi 34/2004).

  1. Meta d-deċiżjoni tad-dipartiment tas-sigurtà soċjali kompetenti tkun għadha mhijiex magħrufa, l-iskadenza għall-ħlas rilevanti tiġi sospiża sakemm id-deċiżjoni tiġi kkomunikata lir-rikorrent.
  2. Meta tkun diġà ttieħdet deċiżjoni mid-dipartiment tas-sigurtà soċjali biex tingħata għajnuna legali fil-forma ta’ ħlas bin-nifs, il-ħlas tal-ewwel pagament parzjali jkun dovut għaxart ijiem mid-data meta d-deċiżjoni tiġi kkomunikata lir-rikorrent, mingħajr preġudizzju għall-ħlas lura aktar tard tal-flus imħallsa f’każijiet fejn id-deċiżjoni tiġi revokata.
  3. Meta tkun diġà nħarġet deċiżjoni negattiva mid-dipartiment tas-sigurtà soċjali, il-ħlas ikun dovut għaxart ijiem mid-data meta d-deċiżjoni tiġi kkomunikata lir-rikorrent, mingħajr preġudizzju għall-ħlas lura aktar tard tal-flus imħallsa f’każijiet fejn id-deċiżjoni tiġi revokata.

Jekk jgħaddi perjodu ta’ 30 jum mingħajr ma tkun ittieħdet l-ebda deċiżjoni dwar it-talba għal protezzjoni legali (konsulenza legali jew għajnuna legali), it-talba titqies li tkun ingħatat b’mod taċitu, u l-parti interessata tista’ tinvoka dan il-kunsens taċitu quddiem il-Qorti jew il-Kamra tal-Avukati Portugiża, skont il-forma ta’ protezzjoni legali mitluba – ara l-Artikolu 25 tal-Liġi 34/2004.

6 Minn fejn nista’ nikseb formola ta’ applikazzjoni għal għajnuna legali?

Il-formoli meħtieġa biex wieħed japplika għal protezzjoni legali fil-forma ta’ konsulenza legali jew kwalunkwe forma oħra ta’ għajnuna legali, inkluża l-formola biex wieħed japplika għall-għajnuna legali fi Stat Membru ieħor, jistgħu jitniżżlu mis-sit web tas-Sigurtà Soċjali Portugiża hawnhekk (bil-Portugiż).

7 X’dokumenti jridu jiġu ppreżentati mal-formola tal-applikazzjoni għal għajnuna legali?

Il-lista tad-dokumenti li jridu jiġu mehmuża mar-rikors tinsab f’“Il-Protezzjoni Legali – Gwida Prattika” (Guia Prático Protecção Jurídica), maħruġa mill-Istitut Portugiż għas-Sigurtà Soċjali (Guia Prático Protecção Jurídica), u ppubblikata fil-paġna tal-“Gwidi Prattiċi” (Guias Práticos) tas-sit web tiegħu, aċċessibbli permezz ta’ kwalunkwe waħda mil-links li ġejjin:

Is-sit web tas-Sigurtà Soċjali Portugiża

Il-Protezzjoni Legali – Gwida Prattika (bil-Portugiż)

8 Fejn irrid nibgħat l-applikazzjoni tiegħi għal għajnuna legali?

Ir-rikors u d-dokumenti mehmuża miegħu jistgħu jiġu ppreżentati personalment jew jintbagħtu bil-posta, faks jew email lil kwalunkwe dipartiment tal-Istitut tas-Sigurtà Soċjali li jittratta direttament mal-pubbliku.

Il-lista tal-uffiċċji ċentrali tas-sigurtà soċjali għal kull distrett u l-indirizzi, in-numri tal-faks u l-indirizzi tal-email rispettivi tagħhom tista’ tiġi kkonsultata hawnhekk (bil-Portugiż)

9 Kif nista’ nsir naf jekk jiniex intitolat għal għajnuna legali?

Id-deċiżjoni li tingħata l-għajnuna legali trid tispeċifika liema forom ta’ għajnuna legali ġew approvati, u din id-deċiżjoni hija r-responsabbiltà tal-maniġer superjuri tad-dipartiment tas-sigurtà soċjali għaż-żona li fiha jkun residenti jew ibbażat ir-rikorrent. Meta r-rikorrent ma jkunx residenti fil-Portugall, din id-deċiżjoni tittieħed mill-maniġer superjuri tad-dipartiment tas-sigurtà soċjali li lilu jkun ġie ppreżentat ir-rikors – ara l-Artikoli 20 u 29 tal-Liġi 34/2004.

Skont it-termini tal-Artikolu 26 tal-Liġi 34/2004, ir-rikorrenti jridu jiġu nnotifikati bid-deċiżjonijiet li japprovaw rikors għall-għajnuna legali. Bħala regola, tali notifika tintbagħat fl-indirizz li r-rikorrent ikun ta fuq il-formola bħala l-indirizz tal-korrispondenza tiegħu.

10 X’għandi nagħmel jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?

Meta jinħatar konsulent legali f’ismu, ir-rikorrent jiġi nnotifikat bl-indirizz tal-uffiċċju tal-konsulent legali inkwistjoni, u jiġi infurmat ukoll li huwa d-dmir tar-rikorrent li jikkoopera b’mod sħiħ miegħu, bir-riskju li l-għajnuna legali titneħħa jekk din il-kollaborazzjoni ma sseħħx.

Sabiex l-għajnuna legali fil-forma ta’ eżenzjoni totali jew parzjali mit-tariffi tal-qorti u mill-ispejjeż relatati mal-kawża mġarrba mill-qorti tidħol fis-seħħ, ir-rikorrent irid jippreżenta d-dokument li juri li din l-għajnuna ngħatat fil-perjodu mogħti għall-pagament tat-tariffi tal-qorti.

11 Min jagħżilli l-avukat, jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?

Il-konsulent legali jinħatar mill-Kamra tal-Avukati Portugiża, li mbagħad tinnotifika lir-rikorrent skont it-termini tal-Artikoli 30 u 31 tal-Liġi 34/2004.

12 L-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti?

L-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż deskritti fl-Artikolu 16 tal-Liġi 34/2004, li huma:

  • it-tariffi tal-qorti u spejjeż oħra relatati mal-kawża;
  • il-ħlas tat-tariffi għall-konsulent legali;
  • il-ħlas tat-tariffi għall-konsulent legali maħtur mill-qorti;
  • il-ħlas tat-tariffi tal-qorti u spejjeż oħra relatati mal-kawża, f’pagamenti parzjali;
  • il-ħlas tat-tariffi għall-konsulent legali, f’pagamenti parzjali;
  • il-ħlas tat-tariffi għall-konsulent legali maħtur mill-qorti, f’pagamenti parzjali;
  • l-ispejjeż tal-uffiċjal eżekuttiv maħtur mill-qorti;
  • il-ħlas tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-fatt li l-kawża tkun ta’ natura transfruntiera, f’każijiet fejn ir-rikorrent ikun jirrisjedi fi Stat Membru ieħor.

13 Min għandu jħallas l-ispejjeż l-oħra jekk jien inkun intitolat biss għal għajnuna legali limitata?

Skont l-Artikolu 29(4) u (5) tal-Liġi 34/2004, kwalunkwe spiża li jifdal għandha titħallas mir-rikorrent. Dan huwa mingħajr preġudizzju għar-rikorrent li jiġi kkumpensat għall-ispejjeż tal-partijiet, skont it-termini tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti dwar l-Ispejjeż tal-Qorti, jekk ir-rikorrent jirbaħ il-kawża tiegħu.

14 L-għajnuna legali tkopri l-appelli wkoll?

Iva, l-għajnuna legali tibqa’ fis-seħħ għall-appelli u tkopri l-proċedimenti sussegwenti kollha marbuta mal-kawża li għaliha tkun ingħatat l-għajnuna legali. L-għajnuna legali tapplika wkoll għall-kawża prinċipali fil-qorti, meta tingħata f’xi wieħed mill-proċedimenti relatati. L-għajnuna legali tibqa’ fis-seħħ ukoll għal kwalunkwe proċedura ta’ eżekuzzjoni li tirriżulta minn deċiżjonijiet ġudizzjarji meħuda fi proċedimenti li fihom tkun ingħatat l-għajnuna legali – ara l-Artikolu 18 tal-Liġi 34/2004.

15 L-għajnuna legali tista’ tiġi rtirata qabel il-konklużjoni tal-proċedimenti (jew saħansitra tiġi revokata wara t-terminazzjoni tal-proċedimenti)?

Iva, l-għajnuna legali tista’ tiġi kkanċellata b’mod sħiħ jew parzjali, qabel it-tmiem tal-proċedimenti, f’dawk il-każijiet previsti fl-Artikolu 10 tal-Liġi 34/2004. Dan japplika għal każijiet fejn ir-rikorrent jew membri tal-familja tiegħu sussegwentement jiksbu mezzi finanzjarji suffiċjenti. F’dan il-każ, huwa d-dmir tar-rikorrent li jiddikjara li jista’ jgħaddi mingħajr protezzjoni legali, b’mod sħiħ jew parzjali, jew jirriskja li jkun soġġett għall-penali rilevanti.

16 Nista’ nikkontesta r-rifjut li ningħata għajnuna legali?

Jekk id-dipartiment tas-sigurtà soċjali jiddeċiedi li jiċħad ir-rikors, b’mod sħiħ jew parzjali, huwa jrid jinnotifika lir-rikorrent bil-miktub dwar l-intenzjoni tiegħu, u jagħti lir-rikorrent għaxart ijiem biex iwieġeb. Ir-rikorrent jista’, mar-risposta tiegħu, jissottometti dokumenti li kienu neqsin, jew li jservu biex jikkonfermaw l-argumenti tiegħu. Jekk ir-rikorrent ma jweġibx fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol, id-deċiżjoni mbagħad issir definittiva, mingħajr ma tintbagħat ittra oħra lir-rikorrent – ara l-Artikolu 37 tal-Liġi 34/2004, li jirreferi għall-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva Portugiż (Código do Procedimento Administrativo).

Ir-rikorrent jista’ jikkontesta d-deċiżjoni meħuda mid-dipartiment tas-sigurtà soċjali quddiem il-qorti. F’dan il-każ, ir-rikorrent irid jissottometti talba bil-miktub li tikkontesta d-deċiżjoni fi żmien 15-il jum lid-dipartiment tas-sigurtà soċjali li jkun ħa dik id-deċiżjoni. Id-dipartiment tas-sigurtà soċjali jista’ jirrevoka d-deċiżjoni. Jekk id-deċiżjoni ma tiġix irrevokata, id-dipartiment tas-sigurtà soċjali jrid jirreferi l-każ lill-Qorti – ara l-Artikoli 26 sa 28 tal-Liġi 34/2004.

L-aħħar aġġornament: 06/08/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.