Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna is-Slovakk ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Għajnuna legali

Slovakkja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Il-proċedimenti legali xi spejjeż jinvolvu, u normalment min irid iħallashom?

L-ispejjeż tal-proċedimenti huma, b’mod partikolari, l-ispejjeż tal-partijiet u tar-rappreżentanti tagħhom, inklużi t-tariffi tal-qorti, il-qligħ mitluf tal-partijiet u tar-rappreżentanti legali tagħhom, l-ispejjeż tal-ġbir tal-evidenza, l-ispejjeż notarili u t-tariffi għall-atti mwettqa bħala kummissarju tal-qorti, it-tariffi u l-ispejjeż tal-eżekutur fi proċedimenti tas-suċċessjoni, it-tariffi tal-interpretazzjoni u t-tariffi tar-rappreżentanza meta r-rappreżentanza tkun minn avukat.

Il-partijiet fil-proċedimenti jħallsu l-ispejjeż tal-proċedimenti li huma personalment iġarrbu u dawk tar-rappreżentanti tagħhom. L-ispejjeż komuni jitħallsu mill-partijiet b’mod proporzjonali mal-involviment tagħhom fil-kawża u l-proċedimenti.

Meta l-partijiet jiġu assenjati avukat biex jirrappreżentahom, l-Istat ikopri l-ispejjeż tal-avukat u t-tariffa tar-rappreżentanza.

Fi proċedimenti tas-suċċessjoni, it-tariffi notarili u l-ispejjeż jitħallsu mill-werriet, bil-kundizzjoni li l-patrimonju ma jkunx insolventi. Jekk ikun hemm diversi werrieta, huma jħallsu dawn l-ispejjeż b’mod proporzjonali mal-valur nett tas-sehem tagħhom mill-patrimonju. F’każijiet oħra dawn l-ispejjeż jitħallsu mill-Istat.

2 X’inhija eżattament l-għajnuna legali?

It-terminu “għajnuna legali” huwa definit fl-Att Nru 327/2005 dwar l-għoti ta’ għajnuna legali lil persuni fi bżonn materjali u li jemenda l-Att Nru 586/2003 dwar il-professjoni legali u li jemenda l-Att Nru 455/1991 dwar l-attività kummerċjali (l-Att dwar in-Negozju), kif emendat bl-Att Nru 8/2005, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2006 (l-“Att dwar l-Għajnuna Legali”). It-Taqsima 4(a) tal-Att dwar l-Għajnuna Legali taqra kif ġej: “Għajnuna legali tfisser l-għoti ta’ servizzi legali lil persuni intitolati skont dan l-Att fir-rigward tal-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom, inkluż, b’mod partikolari, konsulenza legali, assistenza fi proċedimenti straġudizzjarji, it-tfassil ta’ sottomissjonijiet għall-qrati, ir-rappreżentanza fi proċedimenti tal-qorti u t-twettiq ta’ atti b’rabta magħhom, kif ukoll il-ħlas sħiħ jew parzjali tal-ispejjeż assoċjati.”

3 Għandi dritt għal għajnuna legali?

Skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Att dwar l-Għajnuna Legali, fil-każ ta’ tilwim fil-pajjiż, l-għajnuna legali tista’ tingħata lil kwalunkwe persuna fiżika, filwaqt li fil-każ ta’ tilwim transfruntiera din tista’ tingħata biss lil persuni fiżiċi domiċiljati jew abitwalment residenti fi Stat Membru (dan jinkludi l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea ħlief id-Danimarka).

“Persuni eliġibbli” huma persuni fiżiċi li jingħataw intitolament għall-għajnuna legali permezz ta’ deċiżjoni finali taċ-Ċentru tal-Għajnuna Legali wara li jiġi ppruvat li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 6 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali.

“Persuni eliġibbli barranin” huma persuni fiżiċi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Att dwar l-Għajnuna Legali għall-intitolament għall-għajnuna legali f’tilwima transfruntiera u li l-intitolament tagħhom ikun ingħata permezz ta’ deċiżjoni finali taċ-Ċentru tal-Għajnuna Legali.

“Persuni eliġibbli fil-pajjiż” huma persuni fiżiċi residenti b’mod permanenti jew temporanju fir-Repubblika Slovakka u li jfittxu għajnuna legali fi Stat Membru ieħor li fih il-qorti kompetenti tkun qiegħda tittratta t-tilwima transfruntiera.

4 L-għajnuna legali tingħata għal kull tip ta’ proċediment?

Skont l-Att dwar l-Għajnuna Legali, tista’ tingħata għajnuna legali f’kawżi tal-liġi ċivili, tal-liġi tax-xogħol u tal-liġi tal-familja, proċedimenti ta’ ħelsien mid-dejn taħt leġiżlazzjoni speċjali, fi proċedimenti quddiem qorti amministrattiva u, f’każijiet bħal dawn, anki fi proċedimenti quddiem il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka (“tilwim fil-pajjiż”). F’tilwim transfruntiera, tista’ tingħata għajnuna legali skont l-Att dwar l-Għajnuna Legali f’kawżi tal-liġi ċivili, tal-liġi tal-familja, tal-liġi kummerċjali u tal-ażil, fi proċedimenti amministrattivi ta’ tkeċċija, fi proċedimenti relatati mad-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, fi proċedimenti relatati mad-detenzjoni ta’ rikorrent, fi proċedimenti relatati mal-għoti tal-ażil u, f’każijiet bħal dawn, anki fi proċedimenti quddiem qorti amministrattiva u proċedimenti quddiem il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka, u lil persuni li fir-rigward tagħhom tkun ġiet sospiża l-validità ta’ att dwar il-liġi tax-xogħol taħt leġiżlazzjoni speċjali fi proċedimenti li jikkonċernaw is-sottomissjoni ta’ rikors għal miżura ta’ emerġenza.

5 Jeżistu proċeduri speċjali f’każijiet ta’ bżonn?

Iva, meta r-rikorrenti jkunu f’riskju li ma jilħqux skadenza, huma jistgħu jitolbu liċ-Ċentru tal-Għajnuna Legali għajnuna legali provviżorja fl-istess ħin li jissottomettu r-rikors tagħhom. Iċ-Ċentru tal-Għajnuna Legali mbagħad jieħu deċiżjoni mingħajr dewmien bla bżonn dwar l-għoti ta’ għajnuna legali provviżorja, qabel ma jieħu d-deċiżjoni tiegħu dwar l-għoti tal-intitolament għall-għajnuna legali.

6 Minn fejn nista’ nikseb formola ta’ applikazzjoni għal għajnuna legali?

Ir-rikorsi huma disponibbli fuq is-sit web taċ-Ċentru tal-Għajnuna Legali

7 X’dokumenti jridu jiġu ppreżentati mal-formola tal-applikazzjoni għal għajnuna legali?

Dawn iridu jkunu dokumenti li jissostanzjaw l-informazzjoni mogħtija fil-formola tar-rikors u jagħtu prova tal-ħtieġa materjali tar-rikorrent (id-dokumenti li jagħtu prova tal-ħtieġa materjali ma jistgħux ikunu eqdem minn tliet xhur).

8 Fejn irrid nibgħat l-applikazzjoni tiegħi għal għajnuna legali?

Fl-uffiċċju taċ-Ċentru tal-Għajnuna Legali l-eqreb ta’ fejn ir-rikorrent ikun residenti b’mod permanenti jew temporanju.

9 Kif nista’ nsir naf jekk jiniex intitolat għal għajnuna legali?

Iċ-Ċentru tal-Għajnuna Legali jiddeċiedi jekk jagħtix għajnuna legali fi żmien 30 jum minn meta jirċievi r-rikors.

10 X’għandi nagħmel jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?

Fuq stedina miċ-Ċentru tal-Għajnuna Legali, ir-rikorrenti jridu jikkonkludu kuntratt ta’ għajnuna legali direttament maċ-Ċentru jew ma’ avukat maħtur u jagħtu prokura liċ-Ċentru jew lill-avukat maħtur għall-atti assoċjati mal-għoti tal-għajnuna legali.

11 Min jagħżilli l-avukat, jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?

Fid-deċiżjoni li tagħti l-intitolament għall-għajnuna legali, iċ-Ċentru tal-Għajnuna Legali jaħtar avukat biex jirrappreżenta lill-persuna eliġibbli fil-qorti, fejn dan ikun meħtieġ biex jiġu salvagwardjati l-interessi tagħha.

12 L-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti?

Id-deċiżjoni taċ-Ċentru tal-Għajnuna Legali jew tagħti intitolament sħiħ għall-għajnuna legali jew tirrifjuta l-intitolament.

13 Min għandu jħallas l-ispejjeż l-oħra jekk jien inkun intitolat biss għal għajnuna legali limitata?

Mhux applikabbli.

14 L-għajnuna legali tkopri l-appelli wkoll?

Iva, l-għajnuna legali tingħata wkoll għall-proċedimenti tal-appell u għall-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni.

15 L-għajnuna legali tista’ tiġi rtirata qabel il-konklużjoni tal-proċedimenti (jew saħansitra tiġi revokata wara t-terminazzjoni tal-proċedimenti)?

Iċ-ċirkostanzi li fihom tista’ tiġi rtirata l-għajnuna legali huma rregolati mit-Taqsima 14 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali. Iċ-Ċentru tal-Għajnuna Legali jista’ jiddeċiedi li jirtira l-għajnuna legali fiċ-ċirkostanzi li ġejjin: jekk il-persuna eliġibbli tonqos milli tikkoopera maċ-Ċentru jew mal-avukat maħtur kif meħtieġ; jekk, matul l-għoti tal-għajnuna legali, ikun hemm tibdil fid-dħul u ċ-ċirkostanzi finanzjarji tal-persuna eliġibbli u ma tibqax tissodisfa l-kundizzjoni stabbilita fit-Taqsima 6(1)(a) biex l-intitolament għall-għajnuna legali jissokta; jekk il-persuna eliġibbli tonqos milli tikkonkludi kuntratt mal-avukat maħtur jew tonqos milli tagħti prokura liċ-Ċentru jew lill-avukat maħtur fi żmien tliet xhur mid-deċiżjoni finali li tingħata l-għajnuna legali; jekk jirriżulta li r-rikorrent ingħata l-intitolament għall-għajnuna legali fuq il-bażi ta’ informazzjoni falza jew mhux kompluta; jew jekk il-persuna eliġibbli tonqos milli taġixxi fuq it-talba msemmija fit-Taqsima 13(3) (jiġifieri t-talba taċ-Ċentru biex fi żmien tmint ijiem tinġieb prova li turi li l-persuna eliġibbli tkun għadha tikkwalifika għall-għajnuna legali).

16 Nista’ nikkontesta r-rifjut li ningħata għajnuna legali?

Deċiżjoni li tirrifjuta l-għajnuna legali trid tinkludi d-dettalji stipulati f’leġiżlazzjoni speċjali (jiġifieri l-Att dwar il-Proċedura Amministrattiva Nru 71/1967 (il-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva), kif emendat), u trid tinforma lir-rikorrent li, sakemm ma jkunx hemm bidla fid-dħul jew fiċ-ċirkostanzi finanzjarji tiegħu, huwa ma jistax jerġa’ jippreżenta rikors għall-istess kawża sa sitt xhur wara li tinħareġ id-deċiżjoni.

L-aħħar aġġornament: 03/01/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.