Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ispanjol ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Għajnuna legali

Spanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Il-proċedimenti legali xi spejjeż jinvolvu, u normalment min irid iħallashom?

Fi Spanja, l-amministrazzjoni tal-ġustizzja hija servizz pubbliku pprovdut mingħajr ħlas. Ma hemm l-ebda tariffa jew imposta għall-użu tas-servizz. Madankollu, il-litigazzjoni normalment tiġġenera ċerti spejjeż, li jikkonsistu prinċipalment f’dawn li ġejjin:

  1. It-tariffi tal-avukati.
  2. L-ispejjeż li jirriżultaw mill-pubblikazzjoni ta’ avviżi fil-gazzetti uffiċjali.
  3. Id-depożiti meħtieġa għall-preżentazzjoni ta’ ċerti appelli.
  4. Il-ħlasijiet għall-periti.

B’mod ġenerali, dawn l-ispejjeż jeħtieġ li jitħallsu bil-quddiem mill-parti kkonċernata. Fi tmiem il-proċedimenti, il-qorti trid tiddeċiedi min fl-aħħar mill-aħħar għandu jħallas għal dawn l-ispejjeż permezz ta’ dik li fi Spanja hija magħruf bħala “ordni biex jitħallsu l-ispejjeż” (condena en costas), irregolata mill-prinċipju ta’ “min jitlef iħallas”.

2 X’inhija eżattament l-għajnuna legali?

Skont l-Artikolu 119 tal-Kostituzzjoni Spanjola, l-għajnuna legali hija proċedura li biha dawk li jistgħu juru nuqqas ta’ mezzi finanzjarji suffiċjenti jingħataw sensiela ta’ benefiċċji li jikkonsistu prinċipalment f’eżenzjoni mill-ħlas tat-tariffi tal-avukati u tal-ispejjeż li jirriżultaw minn perizji, garanziji, tariffi tal-qorti, eċċ.

B’mod aktar speċifiku, ħlasijiet bħal dawn jinkludu:

  1. Il-pariri legali ta’ qabel il-proċess.
  2. It-tariffi tal-avukati.
  3. L-ispejjeż li jirriżultaw mill-pubblikazzjoni ta’ avviżi fil-gazzetti uffiċjali.
  4. Id-depożiti meħtieġa għall-preżentazzjoni ta’ ċerti appelli.
  5. Il-ħlasijiet għall-periti.

Għat-tilwim transfruntier biss (wara r-riforma tal-Att dwar l-Għajnuna Legali bil-Liġi 16/2005 tat-18 ta’ Lulju 2005, li allinjatu mad-Direttiva 2002/8/KE), l-elementi li ġejjin ġew inklużi fid-drittijiet ta’ hawn fuq:

  1. Is-servizzi ta’ interpretazzjoni.
  2. It-traduzzjoni tad-dokumenti.
  3. L-ispejjeż tal-ivvjaġġar meta tkun meħtieġa dehra personali.
  4. Id-difiża u r-rappreżentanza minn avukati (abogado u procurador) anke meta ma jkunux neċessarji, jekk il-qorti tkun teħtieġhom sabiex tiggarantixxi l-ugwaljanza tal-partijiet.

3 Għandi dritt għal għajnuna legali?

Iċ-ċittadini kollha tal-UE li jistgħu juru li ma għandhomx mezzi suffiċjenti (għal tilwim transfruntier, dan japplika għal persuni fiżiċi biss).

  1. Anki ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma legalment residenti fi Spanja jew li għandhom id-dritt tagħhom rikonoxxut f’konvenzjonijiet internazzjonali jibbenefikaw minn dan id-dritt (eż. konvenzjonijiet dwar il-ħtif internazzjonali ta’ minuri), taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tal-UE.
  2. Fi kwistjonijiet ta’ impjieg, kwalunkwe persuna impjegata, irrispettivament min-nazzjonalità u mill-mezzi finanzjarji tagħha.
  3. Assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet ta’ interess pubbliku.

Fi proċedimenti kriminali, amministrattivi u amministrattivi preliminari, iċ-ċittadini barranin li jistgħu juru li ma jkollhomx mezzi suffiċjenti għal-litigazzjoni, anke fil-każ li ma jkunux residenti legalment fi Spanja.

Irrispettivament mill-eżistenza ta’ mezzi għal-litigazzjoni, id-dritt għal għajnuna legali jingħata lill-vittmi tar-reati abbażi ta’ sess, tat-terroriżmu u tat-traffikar tal-bnedmin, kif ukoll lill-minorenni u lill-persuni b’diżabilità mentali meta jkunu vittmi ta’ abbuż jew ta’ trattament ħażin, bid-dritt li jiġi estiż għall-membri tal-familja superstiti tagħhom fil-każ tal-mewt tal-vittma, dment li ma kinux l-awturi.

Bl-istess mod, irrispettivament mill-eżistenza ta’ mezzi għal-litigazzjoni, l-għajnuna legali tingħata lil persuni li jistgħu juru konsegwenzi permanenti, bħala riżultat ta’ aċċident, li jżommuhom kompletament milli jwettqu l-impjieg jew l-okkupazzjoni normali tagħhom u li jeħtieġu l-assistenza minn persuni oħrajn, meta s-suġġett tat-tilwima jkun talba għal kumpens għad-dannu mġarrab.

Fil-qrati tax-xogħol, għad-difiża fi proċedimenti legali, il-ħaddiema u l-benefiċjarji tas-sistema tas-sigurtà soċjali, mingħajr l-ebda ħtieġa li juru riżorsi insuffiċjenti.

Fil-każ ta’ tilwim transfruntier, id-dritt jista’ jinkiseb jekk il-persuna kkonċernata tkun tista’ turi li l-ispejjeż tal-proċedimenti ma jistgħux jiġu ssodisfati minħabba differenzi fl-għoli tal-ħajja bejn l-Istat Membru li fih dik il-persuna tkun residenti u Spanja.

4 L-għajnuna legali tingħata għal kull tip ta’ proċediment?

L-għajnuna legali tista’ tingħata fit-tipi kollha ta’ proċedimenti, kemm jekk kontenzjużi kif ukoll jekk le, li jinvolvu somom ta’ aktar minn EUR 2 000 ħlief meta s-suġġett ikun jeħtieġ l-assistenza ta’ avukat, u tkun tkopri l-proċeduri kollha, kwalunkwe appell li jista’ jiġi ppreżentat u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi.

Fi proċedimenti li jinvolvu somom ta’ anqas minn EUR 2 000, meta s-servizzi ta’ avukati ma jkunux meħtieġa, tista’ ssir applikazzjoni għall-għajnuna legali wkoll meta l-parti l-oħra jkollha rappreżentanza legali jew meta l-imħallef jew il-qorti espressament tordna li tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn il-partijiet.

5 Jeżistu proċeduri speċjali f’każijiet ta’ bżonn?

Hemm il-possibbiltà ta’ ħatra provviżorja, jew mill-Kamra tal-Avukati (Colegio de Abogados), fi żmien massimu ta’ 15-il jum ta’ xogħol mir-riċevuta tal-applikazzjoni, jew fuq il-bażi ta’ ordni mill-qorti.

6 Minn fejn nista’ nikseb formola ta’ applikazzjoni għal għajnuna legali?

Mis-Servizz tal-Pariri Legali (Servicio de orientación jurídica) tal-Kamra tal-Avukati, l-Uffiċċji tal-Iskrivan tal-Qorti (Decanatos de los Juzgados) u l-Kummissjonijiet provinċjali tal-Għajnuna Legali (Comisiones provinciales de Asistencia Jurídica Gratuita).

Il-Kunsill Ġenerali tal-Avukati (Consejo General de la Abogacía Española) jipprovdi liċ-ċittadini b’portal tal-web għall-għajnuna legali (Justicia Gratuita) fejn huwa possibbli, fost affarijiet oħrajn, li timtela l-formola ta’ applikazzjoni għal għajnuna legali jew li jiġi vverifikat jekk humiex issodisfati l-kundizzjonijiet finanzjarji meħtieġa biex wieħed jibbenefika minn għajnuna legali, għalkemm dejjem huwa neċessarju li jiġu ppreżentati d-dokumenti u l-applikazzjoni bil-mod stabbilit hawn taħt.

Fejn għandha tiġi sottomessa l-applikazzjoni

L-applikazzjonijiet għal għajnuna legali, flimkien mad-dokumentazzjoni rilevanti, iridu jiġu sottomessi lis-servizzi ta’ konsulenza legali tal-Kamra tal-Avukati fil-post fejn tinsab il-qorti li tittratta l-kawża prinċipali jew quddiem il-qorti tad-domiċilju tal-applikant, fil-każ li ma jkunux inbdew proċedimenti.

7 X’dokumenti jridu jiġu ppreżentati mal-formola tal-applikazzjoni għal għajnuna legali?

Dokumenti relatati ma’:

  1. Is-sitwazzjoni finanzjarja tal-persuna kkonċernata u tal-membri tal-unità domestika tagħha.
  2. Iċ-ċirkostanzi personali u tal-familja.
  3. Il-protezzjoni legali mitluba.

B’mod aktar speċifiku, id-dokumenti li ġejjin:

  • Konferma tal-ħlas tat-taxxa korporattiva (Certificado de liquidación del Impuesto sobre Sociedades) (fil-każ ta’ entitajiet legali).
  • Fotokopja tad-dikjarazzjoni tal-benefiċċju pubbliku jew tal-entrata fir-Reġistru tal-Fondazzjonijiet (Registro de Fundaciones) (fil-każ ta’ entitajiet legali).
  • Konferma tas-sjieda tal-proprjetà (Certificado de signos externos) maħruġa mill-awtoritajiet lokali tad-domiċilju tal-applikant.
  • Konferma tar-reġistrazzjoni tar-residenza (Certificado de empadronamiento).
  • Konferma tal-INEM tal-perjodu tal-qgħad u tar-riċevuta tal-benefiċċji.
  • Konferma tar-riċevuta tal-pensjoni tal-Istat (Certificado de cobro de pensiones publicas).
  • Ċertifikat mis-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi tal-Istat (Servicio Público de Empleo Estatal – SPEE) li juri r-riċevuta tal-benefiċċji tal-qgħad u l-perjodu li għalih jingħataw.
  • Oħrajn (kwalunkwe dokument użat sabiex jagħti prova tal-fatti ddikjarati).

Madankollu, sabiex jitħaffef il-proċess tal-applikazzjoni, il-Kmamar tal-Avukati jistgħu, jekk ikunu awtorizzati b’mod espliċitu, japplikaw għal diversi minn dawn iċ-ċertifikati f’isem il-litiganti.

8 Fejn irrid nibgħat l-applikazzjoni tiegħi għal għajnuna legali?

L-applikazzjonijiet għal għajnuna legali jridu jiġu sottomessi lis-servizzi ta’ konsulenza legali tal-Kamra tal-Avukati fil-post fejn tinsab il-qorti li tittratta l-kawża prinċipali jew quddiem il-qorti tad-domiċilju tal-applikant, fil-każ li ma jkunux inbdew proċedimenti. F’dan l-aħħar każ, il-qorti jeħtiġilha tibgħat minnufih l-applikazzjoni lill-Kamra tal-Avukati b’ġuriżdizzjoni territorjali.

Dawn il-Kmamar huma nnominati bħala l-awtorità riċeventi għall-applikazzjonijiet f’tilwim transfruntier. F’tilwimiet bħal dawn, l-awtorità li toħroġ l-applikazzjoni hija l-Kamra tal-Avukati għar-residenza abitwali jew għad-domiċilju tal-applikant.

Ċittadin Ewropew li l-Istat tiegħu jkun parti għall-Ftehim Ewropew dwar it-Trażmissjoni ta’ Applikazzjonijiet għal Għajnuna Legali jista’ japplika mal-awtorità ċentrali maħtura minn pajjiżu għall-implimentazzjoni tal-Ftehim.

L-applikazzjoni trid issir qabel ma jinbdew il-proċedimenti jew, jekk il-parti li tkun qed tapplika għal għajnuna legali tkun il-konvenut, qabel ma tikkontesta t-talba. Madankollu, kemm l-attur kif ukoll il-konvenut jistgħu sussegwentement japplikaw għall-għajnuna legali wara li jagħtu prova li jkunu nbidlu ċ-ċirkostanzi finanzjarji tagħhom.

9 Kif nista’ nsir naf jekk jiniex intitolat għal għajnuna legali?

Il-Kamra tal-Avukati tista’ tadotta d-deċiżjonijiet provviżorji li ġejjin:

  1. Tinnotifika lill-persuna kkonċernata li hemm nuqqasijiet fl-applikazzjoni li għandhom jiġu rrettifikati fi żmien 10 ijiem, u, jekk dan ma jsirx, l-applikazzjoni tingħalaq.
  2. Tiddikjara li l-applikazzjoni ma hijiex ammissibbli u hija bla bażi u tinnotifika lill-Kummissjoni tal-Għajnuna Legali kif xieraq.
  3. Tiddikjara li l-applikazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti legali, f’liema każ taħtar avukat fi żmien mhux aktar minn 15-il jum, filwaqt li tinnotifika lill-Kamra tal-Prokuraturi Legali (Colegio de Procuradores) sabiex din tal-aħħar taħtar rappreżentant legali fi żmien 3 ijiem. Il-Kamra tal-Avukati tgħaddi l-applikazzjoni lill-Kummissjoni tal-Għajnuna Legali għall-approvazzjoni finali.

Jekk il-Kamra tal-Avukati ma tkunx tista’ tasal għal deċiżjoni fi żmien 15-il jum, l-applikant jeħtieġlu jibgħat l-applikazzjoni tiegħu direttament lill-Kummissjoni tal-Għajnuna Legali, li jeħtiġilha tiddeċiedi minnufih li taħtar l-avukati b’mod provviżorju (abogado u procurador) filwaqt li tivverifika l-informazzjoni u d-dokumenti.

Id-deċiżjoni finali dwar jekk għandhiex tingħata għajnuna legali trid tiġi adottata mill-Kummissjoni tal-Għajnuna Legali fi żmien mhux aktar minn 30 jum mir-riċevuta tal-fajl. Jekk, wara 30 jum, tkun għadha ma ttiħditx deċiżjoni, id-deċiżjonijiet provviżorji adottati mill-Kamra tal-Avukati u mill-Kamra tal-Prokuraturi Legali jiġu rratifikati.

Fi żmien tlett ijiem, id-deċiżjoni trid tiġi nnotifikata lill-applikant, lill-Kamra tal-Avukati, lill-Kamra tal-Prokuraturi Legali u lill-qorti li tittratta l-proċedimenti, jew lill-imħallef li jippresjedi jekk il-proċedimenti ma jkunux bdew.

10 X’għandi nagħmel jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?

Jekk inti l-attur, jeħtieġlek tippreżenta l-applikazzjoni, qabel ma jibdew il-proċedimenti, lill-Kamra tal-Avukati tal-post fejn tinsab il-qorti li tittratta l-kawża prinċipali jew quddiem il-qorti superjuri tal-post fejn ikun domiċiljat l-applikant.

1. Jekk inti l-konvenut, jeħtieġlek tissottometti l-applikazzjoni qabel ma tikkontesta t-talba. Applikazzjoni ppreżentata minn konvenut ma tissospendix il-proċedimenti; madankollu, il-qorti tista’, fuq inizjattiva proprja jew fuq talba tal-persuna kkonċernata, tordna s-sospensjoni tal-proċedimenti sakemm tittieħed id-deċiżjoni li tagħti jew tiċħad l-għajnuna legali.

Fil-każ ta’ tilwim transfruntier li fihom tintalab għajnuna legali sabiex tittieħed azzjoni legali fi Stat Membru ieħor, l-applikazzjoni tista’ tiġi sottomessa wkoll lill-Kamra tal-Avukati (fil-każ ta’ residenti ta’ Spanja affettwati minn tilwima fi Stat ieħor) tal-post tar-residenza abitwali jew tad-domiċilju tal-applikant.

11 Min jagħżilli l-avukat, jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?

Ir-regola ġenerali hija li l-avukat jinħatar mill-Kamra tal-Avukati fuq il-bażi ta’ lista ta’ rotazzjoni. Madankollu, huwa possibbli li l-persuna kkonċernata tqabbad l-avukat tagħha stess, dment li l-avukat jirrinunzja d-dritt li jirċievi kwalunkwe ħlas għas-servizzi tiegħu.

12 L-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti?

Tkopri l-ispejjeż li ġejjin:

  1. Il-pariri legali ta’ qabel il-proċess.
  2. It-tariffi tal-avukati.
  3. L-ispejjeż li jirriżultaw mill-pubblikazzjoni ta’ avviżi fil-gazzetti uffiċjali.
  4. Id-depożiti meħtieġa għall-preżentazzjoni ta’ ċerti appelli.
  5. Il-ħlasijiet għall-periti.
  6. Tnaqqis ta’ 80 % fit-tariffi għal atti notarili u għal ċertifikati minn reġistri tal-proprjetà u kummerċjali.

Barra minn hekk, fil-każ ta’ tilwim transfruntier, is-servizzi ta’ interpretazzjoni u ta’ traduzzjoni tad-dokumenti u l-ivvjaġġar huma inklużi meta l-attendenza personali titqies neċessarja mill-qorti li tisma’ l-kawża.

13 Min għandu jħallas l-ispejjeż l-oħra jekk jien inkun intitolat biss għal għajnuna legali limitata?

Meta l-introjtu jkun aktar mid-doppju iżda mhux aktar minn ħames darbiet ogħla mill-paga minima nazzjonali, il-Kummissjoni tal-Għajnuna Legali tista’, b’mod eċċezzjonali, tagħti għajnuna legali fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi personali u familjari tal-applikant.

Jitqiesu ċ-ċirkostanzi familjali tal-applikant, in-numru ta’ tfal jew ta’ membri tal-familja dipendenti, it-tariffi tal-qorti u spejjeż oħrajn li jirriżultaw mill-ftuħ tal-proċedimenti, jew spejjeż oħrajn ta’ natura simili, ivvalutati b’mod oġġettiv u, fi kwalunkwe każ, li fihom l-applikant ikollu l-istatus ta’ qarib fil-linja axxendenti ta’ familja kbira ta’ kategorija speċjali.

Fl-istess kundizzjonijiet bħal dawk stabbiliti fil-paragrafu preċedenti, l-għajnuna legali tista’ tingħata fuq il-bażi tas-sitwazzjoni tas-saħħa tal-applikant u lil persuni b’diżabilità msemmija fl-Artikolu 1(2) tal-Liġi 51/2003 tat-2 ta’ Diċembru 2003 dwar opportunitajiet indaqs, in-nondiskriminazzjoni u l-aċċessibbiltà universali għal persuni b’diżabilità, kif ukoll għal persuni li huma dipendenti fuqhom meta tali persuni jkunu qegħdin jaġixxu fi proċedimenti f’isimhom stess u fl-interess tagħhom, dment li dawn il-proċedimenti jkunu relatati mas-sitwazzjoni tas-saħħa jew tad-diżabilità li twassal għal dan ir-rikonoxximent eċċezzjonali.

F’każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni tal-Għajnuna Legali kkonċernata jeħtiġilha tiddetermina b’mod espliċitu liema benefiċċji msemmijin fl-Artikolu 6 japplikaw għall-applikant.

L-ispejjeż tal-proċess mhux koperti jridu jitħallsu mill-persuna kkonċernata, sakemm tittieħed id-deċiżjoni mill-qorti dwar l-ispejjeż. Jekk il-parti l-oħra tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż, ikun mingħandha li l-benefiċjarju parzjali jirkupra kwalunkwe spiża relatata mal-proċess li jista’ jkun jġarrab.

Fil-każ ta’ ċittadini li jirrisjedu fi Stat ieħor tal-UE, ir-regola ta’ hawn fuq tiġi applikata b’mod prudenzjali, filwaqt li jitqies l-istandard tal-għajxien fl-Istat ta’ residenza, sabiex jiġi evitat li ssir ħsara lill-applikant.

14 L-għajnuna legali tkopri l-appelli wkoll?

Ladarba d-dritt għall-għajnuna legali jkun ġie rrikonoxxut għal tilwima, dan jestendi għall-proċeduri u għall-avvenimenti kollha assoċjati mat-tilwima, inkluża l-eżekuzzjoni jekk din isseħħ fi żmien sentejn mill-qtugħ tas-sentenza fil-Prim’Istanza, kif ukoll għall-appelli kollha kontra s-sentenzi fl-istess tilwima, mingħajr l-ebda ħtieġa li ssir applikazzjoni ulterjuri.

15 L-għajnuna legali tista’ tiġi rtirata qabel il-konklużjoni tal-proċedimenti (jew saħansitra tiġi revokata wara t-terminazzjoni tal-proċedimenti)?

Id-deċiżjoni li tagħti l-għajnuna legali tista’ tiġi rrevokata jekk tkun inkisbet permezz ta’ dikjarazzjoni żbaljata, permezz ta’ gidba jew permezz ta’ ommissjoni min-naħa tal-applikant.

L-għajnuna legali tista’ ma tibqax titħallas jekk is-sitwazzjoni finanzjarja tal-persuna li lilha tkun ingħatat titjieb fi żmien tliet snin.

Fi kwalunkwe wieħed minn dawn ix-xenarji, tapplika r-regola ġenerali: l-ispejjeż jitħallsu mill-parti li titlef il-kawża.

16 Nista’ nikkontesta r-rifjut li ningħata għajnuna legali?

Int tista’ tappella kontra deċiżjoni dwar l-għajnuna legali bil-miktub lill-Kummissjoni tal-Għajnuna Legali stess fi żmien 10 ijiem min-notifika tad-deċiżjoni. L-appell tiegħek jiġi deċiż mill-qorti kompetenti.

L-aħħar aġġornament: 14/03/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.