Tqegħid ta’ minuri f’pajjiż ieħor inkl. f’foster family

Repubblika Ċeka
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Hemm obbligu skont il-liġi nazzjonali tiegħek għal konsultazzjoni minn qabel u l-kisba ta’ kunsens qabel it-tqegħid ta’ minuri f’pajjiż ieħor? Jekk jogħġbok semmi l-eċċezzjonijiet possibbli.

Fil-prattika, l-awtorità ċentrali trid taċċerta mill-aġenzija lokali kompetenti għall-protezzjoni tat-tfal liema opportunitajiet jeżistu għat-tqegħid ta' minuri.

2 Jekk hemm bżonn ta’ konsultazzjoni u kunsens minn qabel, liema awtorità trid tiġi kkonsultata u tagħti l-kunsens tagħha?

L-awtorità ċentrali tagħti l-approvazzjoni tagħha wara li tikkonsulta mal-aġenzija lokali kompetenti għall-protezzjoni tat-tfal. L-approvazzjoni tingħata b’mod informali fil-forma ta’ opinjoni bil-miktub mill-awtorità ċentrali.

3 Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor il-proċedura għall-konsultazzjoni u l-ksib tal-kunsens (inklużi d-dokumenti meħtieġa, l-iskadenzi, il-modalitajiet tal-proċedura, u dettalji rilevanti oħrajn).

L-awtorità ċentrali tikkuntattja lill-aġenzija lokali kompetenti għall-protezzjoni tat-tfal (awtorità muniċipali b’setgħat estiżi), li mbagħad tidentifika jekk u fejn jista' jitqiegħed il-minuri (billi tistabbilixxi jekk il-foster carers u l-istituzzjonijiet għandhomx kapaċità żejda).

4 X’inhi “foster family” skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tiegħek?

Jekk l-ebda ġenitur ma jkun jista’ jieħu ħsieb il-minuri tiegħu huwa stess, il-qorti tista’ tqiegħed lill-minuri fil-kustodja ta’ kustodju legali (meta l-ġenituri tkun tneħħitilhom ir-responsabbiltà ta’ ġenituri tagħhom, ir-responsabbiltà ta’ ġenituri tagħhom tkun limitata jew l-ebda wieħed mill-ġenituri ma jkun ħaj) jew ta’ foster carer, jew il-minuri jista' jitqiegħed fil-kustodja ta’ “persuna oħra”. Il-foster carer u l-kustodju legali huma intitolati li jirċievu benefiċċji soċjali speċifiċi ħafna. “Persuna oħra” mhijiex intitolata għal tali benefiċċji.

Il-foster carer huwa obbligat u awtorizzat li jieħu ħsieb il-minuri personalment. Fit-trobbija tal-minuri, il-foster carer jeżerċita d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-ġenituri b’mod xieraq. Il-foster carer huwa obbligat u awtorizzat li jieħu deċiżjonijiet biss li jirrigwardaw l-affarijiet ta’ kuljum tal-minuri, jirrappreżenta lill-minuri f’dawk l-affarijiet u jimmaniġġja l-assi tal-minuri. Il-foster carer irid jinforma lill-ġenituri tal-minuri dwar kwistjonijiet essenzjali li jirrigwardaw il-minuri. Fejn iċ-ċirkostanzi jitolbu dan, il-qorti tistabbilixxi aktar drittijiet u responsabbiltajiet tal-foster carer.

Jekk il-minuri ma jkun jista' jitqiegħed fl-ebda waħda mill-forom ta’ kustodja deskritti hawn fuq, il-qorti tista’ tordna li l-minuri jitqiegħed f’kustodja istituzzjonali.

5 Il-kunċett ta’ “foster family” jinkludi l-qraba jew le? Jekk iva, liema?

Iva, għadd konsiderevoli ta’ foster carers fir-Repubblika Ċeka huma qraba tat-tfal. Il-grad ta’ parentela u restrizzjonijiet oħra ma huma definiti bl-ebda mod fil-leġiżlazzjoni Ċeka dwar il-fostering.

L-aħħar aġġornament: 28/07/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.