Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2022.

Tqegħid ta’ minuri f’pajjiż ieħor inkl. f’foster family

Skozja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Hemm obbligu skont il-liġi nazzjonali tiegħek għal konsultazzjoni minn qabel u l-kisba ta’ kunsens qabel it-tqegħid ta’ minuri f’pajjiż ieħor? Jekk jogħġbok semmi l-eċċezzjonijiet possibbli.

Il-liġi nazzjonali għal wild minuri taħt il-ħarsien ta’ Qarib (ħarsien minn parentela)

Hemm diversi modi legali kif wild minuri Skoċċiż jista’ jkun taħt il-ħarsien ta’ qraba. Dawn huma permezz ta’

a. Arranġament informali

Wild minuri jista’ jkun taħt il-ħarsien ta’ qarib jew ħabib (carer ta’ parentela) permezz ta’ ftehim bejn il-ġenitur u l-carer ta’ parentela mingħajr il-kunsens jew l-għarfien tal-Istat Membru. Il-qarib jista’ jkun fl-Iskozja jew xi mkien ieħor.

b. Permezz ta’ tqegħid mill-awtorità lokali responsabbli għall-wild minuri (skont l-Artikolu 25 tal-Att tal-1995 dwar it-Tfal (Skozja) (Children (Scotland) Act 1995).

Fejn ma jkun hemm ħadd li jista’ jieħu ħsieb wild minuri jew il-ġenitur jaqbel li l-wild minuri jkun taħt il-ħarsien tal-Istat Membru, l-awtorità lokali responsabbli mill-benessri tal-wild minuri hija meħtieġa tivvaluta l-ħtiġijiet tal-wild minuri u tqis il-fehmiet ta’ dawk involuti, inkluż il-qarib, jew ħabib (carer ta’ parentela) u l-wild minuri, qabel ma jsiru pjanijiet dwar il-wild minuri u jkun meħtieġ ftehim bil-miktub bejn il-carer u l-awtorità lokali. Bħala minimu, jitwettqu kontrolli tal-pulizija u kontrolli tas-saħħa.

c. Permezz ta’ ordni minn seduta tat-tfal (children’s hearing). (L-Att tal-2011 dwar is-Seduti tat-Tfal (Children’s Hearings (Scotland) Act 2011)).

Is-seduta tat-tfal (children’s hearing) tgħid liema awtorità lokali tkun responsabbli għall-wild minuri. Din ġeneralment tkun l-awtorità lokali fejn jgħix il-wild minuri. Il-ġenituri u persuni oħra b’responsabbiltajiet tal-ġenituri għandhom id-dritt li jattendu seduta. Jistgħu jattendu qraba stretti oħra.

Wild minuri jista’ jiġi riferut għal seduta tat-tfal (children’s hearing) li tiddeċiedi fejn għandu joqgħod il-wild minuri. Hemm id-dritt ta’ appell quddiem il-qorti tax-sheriff (sheriff court). Jekk id-deċiżjoni tkun li l-wild minuri jitqiegħed ma’ qarib, il-carer u l-proprjetà tiegħu jridu jitqiesu xierqa, u dan irid jaqbel li jieħu ħsieb il-wild minuri.

2 Jekk hemm bżonn ta’ konsultazzjoni u kunsens minn qabel, liema awtorità trid tiġi kkonsultata u tagħti l-kunsens tagħha?

L-awtorità lokali inkarigata mill-wild minuri hija responsabbli sabiex tipprovdi valutazzjoni tal-carer qarib. Jekk il-qarib ikun jgħix f’awtorità lokali differenti, f’dak il-każ din il-valutazzjoni tista’ ssir flimkien mal-awtorità lokali fejn ikun jgħix il-carer jekk l-awtoritajiet lokali jaqblu.

L-awtorità lokali responsabbli għall-wild minuri tivverifika u żżomm ir-responsabbiltà sabiex tiżgura l-idoneità tal-qarib. Dan jista’ jirrikjedi li l-awtorità lokali għall-wild minuri żżur lill-qarib aktar minn darba u/jew tista’ tibbaża fuq l-awtorità lokali fejn jgħix il-qarib għall-informazzjoni. Huwa essenzjali li ż-żewġ awtoritajiet lokali jikkomunikaw mill-qrib biex jiżguraw li l-valutazzjoni tkun b’saħħitha kif għandha tkun.

Hemm ir-riskju li jekk valutazzjoni titqassar, it-tqegħid jitkisser u ma jissodisfax il-ħtiġijiet tal-wild minuri. Hija meħtieġa valutazzjoni komprensiva wkoll biex jiġi żgurat li l-wild minuri u l-qarib ikollhom l-appoġġ korrett ladarba l-wild minuri jmur jgħix mal-qarib. Dan ikun ukoll il-każ jekk id-deċiżjoni tkun li l-wild minuri jintbagħat f’pajjiż ieħor.

3 Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor il-proċedura għall-konsultazzjoni u l-ksib tal-kunsens (inklużi d-dokumenti meħtieġa, l-iskadenzi, il-modalitajiet tal-proċedura, u dettalji rilevanti oħrajn).

Ir-Regolamenti tal-2009 dwar it-Tfal taħt Ħarsien (Skozja) (Looked after Children Regulations (Scotland) 2009), ir-Regolament 11 jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali li għandhom jiġu segwiti mill-awtoritajiet lokali.

Awtorità lokali ma tridx tqiegħed wild minuri ma’ carer ta’ parentela sakemm ma tkunx sodisfatta li–

  1. it-tqegħid ikun fl-aħjar interessi tal-wild minuri;
  2. it-tqegħid tal-wild minuri ma’ dak il-carer ta’ parentela jkun fl-aħjar interessi tal-wild minuri;
  3. wara l-valutazzjoni msemmija fir-Regolament 10(3), dak il-carer ta’ parentela jkun persuna xierqa biex tieħu ħsieb il-wild minuri;
  4. huwa jkun qies l-informazzjoni kollha disponibbli għalih li tkun rilevanti għat-twettiq tad-dmirijiet tiegħu skont l-Artikolu17(1) sa (5) tal-Att tal-1995;
  5. il-carer ta’ parentela jkun daħal fi ftehim bil-miktub mal-awtorità lokali skont ir-Regolament 12; u
  6. il-carer ta’ parentela jkun daħal fi ftehim bil-miktub mal-awtorità lokali dwar il-kwistjonijiet speċifikati fl-Iskeda 4.

Għall-proċedura ta’ valutazzjoni, bħala minimu jitwettqu kontrolli tal-pulizija u kontrolli tas-saħħa għad-deċiżjonijiet ta’ żmien qasir u titwettaq valutazzjoni sħiħa mill-awtorità lokali responsabbli għall-wild minuri għal deċiżjonijiet aktar fit-tul sa sena. Il-valutazzjoni tinkludi valutazzjoni tal-adegwatezza tal-carer biex jieħu ħsieb il-wild minuri - li huwa nnifsu jkun xieraq kif ukoll li l-akkomodazzjoni tiegħu tkun ukoll xierqa biex jieħu ħsieb il-wild minuri.

Il-mudell ta’ valutazzjoni fil-ħarsien minn parentela għandu jikkunsidra b’mod ċar il-ħtiġijiet tal-wild minuri flimkien mal-kapaċità tal-carer ta’ parentela li jissodisfahom. Bħala tali, din għandha tkun marbuta mar-rieżami tal-arranġamenti inizjali skont l-iskedi ta’ żmien li ġejjin:

  • Wara tlett ijiem;
  • Sitt ġimgħat;
  • Tlestija tal-valutazzjoni tal-parentela fil-ħin għar-rieżami tal-wild minuri wara 4.5 xhur.

4 X’inhi “foster family” skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tiegħek?

Foster family fl-Iskozja hija waħda li tinkludi mill-anqas adult wieħed li jkun ġie reklutat, approvat u rreġistrat bħala carer xieraq għal wild minuri taħt ħarsien ma’ awtorità lokali, aġenzija tal-fostering privata jew volontarja, li huma nfushom ikunu rreġistrati mal-Ispettorat tal-Ħarsien (Care Inspectorate) u spezzjonati kull sena mal-istandards nazzjonali tal-ħarsien.

5 Il-kunċett ta’ “foster family” jinkludi l-qraba jew le? Jekk iva, liema?

Le. Fl-Iskozja dan ikun definit bħala arranġament ta’ “Ħarsien minn Parentela” (“Kinship Care”). Carer ta’ Parentela fl-Iskozja huwa:

i) persuna relatata mal-wild minuri bid-demm, żwieġ jew sħubija ċivili - mingħajr l-ebda restrizzjonijiet fuq il-qrubija ta’ dak l-istatus relatat;

ii) persuna li l-wild minuri jkun jafha u li magħha l-wild minuri jkollu relazzjoni diġà eżistenti. Dan jista’ jinkludi ħbieb stretti jew persuni li jkunu jafu lill-wild minuri sewwa permezz ta’ kuntatt regolari u li jistgħu jitqiesu bħala parti min-network tal-wild minuri.

Qarib mhuwiex ristrett għal xi grupp jew kategorija.

L-aħħar aġġornament: 25/03/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.