Tqegħid ta’ minuri f’pajjiż ieħor inkl. f’foster family

Slovakkja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Hemm obbligu skont il-liġi nazzjonali tiegħek għal konsultazzjoni minn qabel u l-kisba ta’ kunsens qabel it-tqegħid ta’ minuri f’pajjiż ieħor? Jekk jogħġbok semmi l-eċċezzjonijiet possibbli.

Hemm bżonn ta’ kunsens qabel minuri jitqiegħed f’foster care. Bħala l-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 56, meta jintalab jagħti l-kunsens tiegħu għal tqegħid transfruntiera ta’ minuri, iċ-Ċentru għall-Protezzjoni Legali Internazzjonali tat-Tfal u ż-Żgħażagħ dejjem jikkonsulta l-Uffiċċju Ċentrali għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u l-Familja fil-kapaċità tiegħu bħala l-korp responsabbli għall-protezzjoni soċjali u legali tat-tfal u għat-tutela soċjali.

2 Jekk hemm bżonn ta’ konsultazzjoni u kunsens minn qabel, liema awtorità trid tiġi kkonsultata u tagħti l-kunsens tagħha?

Ir-rakkomandazzjoni esperta tal-Uffiċċju Ċentrali hija vinkolanti fuq iċ-Ċentru.

3 Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor il-proċedura għall-konsultazzjoni u l-ksib tal-kunsens (inklużi d-dokumenti meħtieġa, l-iskadenzi, il-modalitajiet tal-proċedura, u dettalji rilevanti oħrajn).

Iċ-Ċentru jitlob biżżejjed informazzjoni u dokumentazzjoni rilevanti dwar il-proċedura u mbagħad jikkonsulta lill-Uffiċċju Ċentrali dwar it-tqegħid. Meta minuri jkun se jitqiegħed f’faċilità għall-kura tat-tfal, il-kompitu speċifiku tal-Uffiċċju Ċentrali huwa li jiżgura post għat-tfal f’faċilità xierqa għall-kura tat-tfal fis-Slovakkja.

L-Uffiċċju Ċentrali mbagħad joħroġ rakkomandazzjoni liċ-Ċentru dwar il-każ u, jekk il-minuri jkun se jitqiegħed f’faċilità għall-kura tat-tfal, dwar il-faċilità speċifika fejn għandu jitqiegħed.

Bħala regola, iċ-Ċentru jitlob informazzjoni u dokumenti dwar il-proċedimenti tal-qorti u d-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu mill-qrati, dwar il-membri tal-familja tal-minuri, kif ukoll ir-raġunijiet għat-tqegħid, l-opinjonijiet ta’ psikologi jew ta’ assistenti soċjali, u kwalunkwe opinjoni esperta oħra.

4 X’inhi “foster family” skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tiegħek?

L-Att Nru 36/2005 dwar il-Familja jgħid li jekk il-ġenituri jonqsu milli jipprovdu jew ma jistgħux jipprovdu l-kura lil minuri u jekk dan ikun iġġustifikat fl-interess tal-minuri, il-qorti tista’ tiddeċiedi li tqiegħed lill-minuri f’foster care ma’ persuna fiżika li tkun interessata ssir foster parent u li tissodisfa r-rekwiżiti. Il-foster parent huwa obbligat li jipprovdi l-istess kura lill-minuri bħall-kura pprovduta mill-ġenituri. Il-foster parent għandu d-dritt li jirrappreżenta lill-minuri u jamministra l-assi tiegħu f’materji ordinarji biss. Matul il-perjodu ta’ foster care, il-ġenituri tal-minuri jeżerċitaw biss dawk id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri li mhumiex ir-responsabbiltà tal-foster parent. Meta foster parent jaħseb li deċiżjoni dwar kwistjoni fundamentali meħuda mit-tutur legali ta’ minuri ma tkunx kompatibbli mal-interess tiegħu, jista’ jitlob lill-qorti teżamina dik id-deċiżjoni. Il-ġenituri għandhom id-dritt li jinteraġixxu mal-minuri li jkunu tqiegħdu f’foster care. Meta l-ġenituri u l-foster parent ma jkunux jistgħu jaqblu dwar l-eżerċitar ta’ dak id-dritt, il-kwistjoni tiġi deċiża minn qorti fuq talba minn wieħed mill-ġenituri jew mill-foster parent. Meta tiddeċiedi dwar it-tqegħid ta’ minuri f’foster care, il-qorti tiddetermina l-iskala tal-obbligi ta’ manteniment tal-ġenituri jew ta’ persuni fiżiċi oħra obbligati li jipprovdu manteniment lill-minuri u teżiġi li jħallsu l-manteniment lill-korp responsabbli għall-benesseri u għall-protezzjoni legali tal-minuri.

Minbarra l-foster care, il-liġi Slovakka tirrikonoxxi forma oħra ta’ kura sostituttiva (imsejħa “kura personali sostituttiva”), li, madankollu, mhuwiex meqjus bħala foster care. Meta l-minuri jitqiegħdu taħt kura personali sostituttiva, il-qorti tagħti preċedenza lill-qraba tal-minuri, jekk huma jissodisfaw ir-rekwiżiti.

5 Il-kunċett ta’ “foster family” jinkludi l-qraba jew le? Jekk iva, liema?

Ir-relazzjoni familjari jew il-grad ta’ parentela mhuwiex rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ persuna bħala foster parent. Madankollu, jista’ jkun il-każ li minuri qarib jitqiegħed ukoll taħt foster care jekk il-foster parent jissodisfa r-rekwiżiti legali, u f’dan il-każ “foster family” tista’ tinkludi qraba.

L-aħħar aġġornament: 29/07/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.