Sib informazzjoni għal kull reġjun
L-użu u l-għarfien tal-Karta f’pajjiżek
Politiki tal-Gvern li jippromwovu l-użu u l-għarfien tal-Karta fost il-leġiżlatur, l-amministrazzjoni, il-korpi tal-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura
Il-Pjan Nazzjonali Kontra d-Diskriminazzjoni għall-2017–2022 (il-Pjan Nazzjonali) jirreferi għall-Karta tad-Drittijiet tal-Unjoni Ewropea fil-kapitli introduttorji tiegħu, b’enfasi speċjali fuq l-Artikolu 21 tal-Karta, li jipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess, tar-razza, tal-kulur, tal-oriġini etnika jew soċjali, tal-karatteristiċi ġenetiċi, tal-lingwa, tar-reliġjon jew tat-twemmin, tal-opinjoni politika jew ta’ kwalunkwe opinjoni oħra, tas-sħubija f’minoranza nazzjonali, tal-proprjetà, tat-twelid, tad-diżabilità, tal-età jew tal-orjentazzjoni sesswali. Fil-kapitlu tiegħu dwar l-aċċess għall-akkomodazzjoni, il-Pjan Nazzjonali jsemmi b’mod espliċitu l-Artikolu 34(3) tal-Karta, li jenfasizza li, sabiex tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u l-faqar, l-Unjoni Ewropea tagħraf u tirrispetta d-dritt għal assistenza soċjali u għal akkomodazzjoni sabiex tiżgura eżistenza diċenti għal dawk kollha li huma neqsin minn riżorsi suffiċjenti. L-oqsma ta’ prijorità tal-Pjan Nazzjonali huma ffokati, fost affarijiet oħrajn, fuq id-drittijiet spjegati b’mod ċar fil-Karta tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali, bħall-aċċess għall-akkomodazzjoni, il-kura soċjali, il-kura tas-saħħa, u s-servizzi u l-oġġetti.
L-applikazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE hija waħda mill-kundizzjonijiet orizzontali għall-implimentazzjoni tal-fondi strutturali Ewropej. Għaldaqstant, il-Pjan ta’ azzjoni għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet abilitanti (kundizzjonalitajiet ex ante), żviluppat mill-Ministeru tal-Iżvilupp Reġjonali u tal-Fondi tal-UE (Ministarstvo regionalnog razvoja i fondova Europske unije), jispeċifika kif se tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ dan il-kriterju. Il-Ministeru tal-Iżvilupp Reġjonali u tal-Fondi tal-UE għandu jorganizza taħriġ għall-impjegati kollha involuti fis-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għall-fondi tal-UE. Il-korsijiet ta’ taħriġ intitolati “Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilitajiet fil-Fondi SIE” ilhom isiru mill-2015. Sal-lum, ingħataw lil 1 500 persuna li jaħdmu fil-ġestjoni u fil-kontroll tal-Fondi SIE u qegħdin ikomplu jingħataw lil kull min jinħatar bħala membru ġdid fis-sistema. B’kollox, it-taħriġ jiġi pprovdut lil 22 istituzzjoni, li jinkludu l-ministeri rilevanti u l-aġenziji ta’ implimentazzjoni, u b’mod partikolari l-korpi tal-amministrazzjoni tal-istat bħall-Ministeru tal-Baħar, tat-Trasport u tal-Infrastruttura (Ministarstvo mora, prometa i infrastrukture), il-Ministeru tal-Ħarsien tal-Ambjent u tal-Enerġija (Ministarstvo zaštite okoliša i energetike), il-Ministeru tal-Kostruzzjoni u tal-Ippjanar Fiżiku (Ministarstvo graditeljstva i prostornog uređenja), il-Ministeru tat-Turiżmu (Ministarstvo turizma), il-Ministeru tas-Saħħa (Ministarstvo zdravstva), il-Ministeru tal-Ekonomija, tal-Intraprenditorija u tas-Snajja’ (Ministarstvo gospodarstva, poduzetništva i obrta), il-Ministeru tal-Kultura (Ministarstvo kulture), il-Ministeru tal-Agrikoltura (Ministarstvo poljoprivrede), il-Ministeru tal-Finanzi (Ministarstvo financija), il-Ministeru tax-Xjenza u tal-Edukazzjoni (Ministarstvo znanosti i obrazovanja), il-Ministeru tal-Iżvilupp Reġjonali u tal-Fondi tal-UE, il-Ministeru tax-Xogħol u tas-Sistema tal-Pensjonijiet (Ministarstvo rada i mirovinskog sustava), u l-Ministeru tad-Demografika, tal-Familja, taż-Żgħażagħ u tal-Politika Soċjali (Ministarstvo za demografiju, obitelj, mlade i socijalnu politiku). Il-korsijiet ta’ taħriġ jitwettqu f’kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Gvern tal-Kroazja għad-Drittijiet tal-Bniedem u għad-Drittijiet tal-Minoranzi Nazzjonali (Ured za ljudska prava i prava nacionalnih manjina), mal-Ministeru tad-Demografika, tal-Familja, taż-Żgħażagħ u tal-Politika Soċjali, mal-Uffiċċju tal-Ombudswoman u mal-Uffiċċju tal-Ombudswoman għall-Persuni b’Diżabilità (Ured pravobraniteljice za osobe s invaliditetom). Il-qafas legali kontra d-diskriminazzjoni fil-Kroazja, li jinkludi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, huwa spjegat bħala parti mit-taħriġ. Il-korsijiet ta’ taħriġ b’enfasi speċjali fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE huma ppjanati li se jkomplu jiġu implimentati mill-awtoritajiet ta’ ġestjoni futuri, bħala parti mill-ġestjoni tagħhom tal-Fondi SIE fil-perjodu ta’ finanzjament li jmiss.
Barra minn hekk, il-Pjan ta’ azzjoni għall-monitoraġġ tal-kundizzjonalitajiet ex ante, implimentat mill-Ministeru tal-Iżvilupp Reġjonali u tal-Fondi tal-UE, jenfasizza li l-Linji Gwida għall-Benefiċjarji tal-Fondi tal-UE (Il-Linji Gwida għall-Applikanti) jispeċifikaw ukoll il-qafas legali strateġiku li jirreferi għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Fil-perjodu li ġej, sabiex jiġi pprovdut għal mekkaniżmu għall-verifika tal-konformità tal-operazzjonijiet iffinanzjati mill-fondi tal-UE mal-Karta, l-obbligu li l-operazzjonijiet jikkonformaw mal-Karta se jiġi inkluż fil-Linji Gwida għall-Applikanti. L-awtoritajiet ta’ ġestjoni għandhom jiżviluppaw listi ta’ kontroll għall-korpi kollha li jippubblikaw sejħiet għall-applikanti, li se jkollhom jindikaw b’mod ċar fil-lista jekk is-sejħa maħruġa tkunx konsistenti mal-Karta.
Barra minn hekk, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE hija parti integrali mis-sistema ta’ ġestjoni tal-Fondi SIE, speċjalment għall-Programm Operazzjonali “Kompetittività u Koeżjoni 2014–2020” (OPCC). Għal dak l-għan, fil-31 ta’ Mejju 2016, il-Ministeru tal-Iżvilupp Reġjonali u tal-Fondi tal-UE (l-MRRFEU) ħareġ Deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji orizzontali, li jiddikjara li “Interventi li għandhom jiġu ffinanzjati skont l-OPCC ma jridux biss jikkonformaw mal-prinċipji tal-ugwaljanza, iżda għandhom jippromwovu l-applikazzjoni prattika tal-politika dwar l-opportunitajiet indaqs, in-nondiskriminazzjoni u l-aċċessibilità kull meta jkun possibbli.” Id-dispożizzjoni hija kompletament allinjata mat-Titolu III tal-Karta, intitolata “Ugwaljanza”, fl-Artikoli 21 sa 26. Wara din id-deċiżjoni, fil-31 ta’ Ġunju 2016, l-MRRFEU ħareġ dwar id-dħul fis-seħħ tal-Gwida għall-Applikanti u għall-Benefiċjarji tal-Programm Operazzjonali “Kompetittività u Koeżjoni” dwar l-Implimentazzjoni tal-Prinċipji Orizzontali. L-abbozzar ta’ dan id-dokument involva, fost l-oħrajn, lill-Uffiċċju tal-Gvern tal-Kroazja għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (Ured za ravnopravnost spolova), lill-Uffiċċju tal-Ombudswoman għall-Persuni b’Diżabilità, lill-Uffiċċju tal-Ombudswoman u lill-Uffiċċju tal-Ombudswoman għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (Ured pravobraniteljice za ravnopravnost spolova). Il-Gwida, li tipprovdi sommarju tal-kunċetti u tad-dispożizzjonijiet tal-Karta, hija disponibbli fuq: https://strukturnifondovi.hr/dokumenti/?doc_id=578&fondovi=esi_fondovi. Id-dispożizzjonijiet tal-Gwida għall-Applikanti u għall-Benefiċjarji tal-Programm Operazzjonali “Kompetittività u Koeżjoni” dwar l-Implimentazzjoni tal-Prinċipji Orizzontali huma inkorporati u jingħataw enfasi speċjali fil-fajl tal-offerta tal-OPCC sħiħ, kif jista’ jidher hawnhekk. Barra minn hekk, l-OPCC jippromwovi [l-Karta] permezz ta’ investiment infrastrutturali dirett li jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-Karta billi jinvesti fl-infrastruttura għall-aktar gruppi vulnerabbli fis-soċjetà sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tal-bniedem tagħhom. Fil-perjodu ta’ finanzjament kurrenti, l-OPCC qed jinvesti f’konformità mal-artikoli li ġejjin tal-Karta: l-Artikolu 35 – Il-protezzjoni tas-saħħa, l-Artikolu 14 – Id-dritt għall-edukazzjoni, l-Artikolu 24 – Id-drittijiet tat-tfal, l-Artikolu 25 – Id-drittijiet tal-anzjani, l-Artikolu 26 – L-integrazzjoni tal-persuni diżabbli, eċċ.
Bħala unità organizzazzjonali tal-MRRFEU, is-Servizz għall-Koordinazzjoni tat-Tħejjija u tal-Implimentazzjoni tal-Proġetti jikkoordina l-applikazzjoni tal-prinċipji orizzontali tan-nondiskriminazzjoni, tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità u tal-iżvilupp sostenibbli.
L-Uffiċċju tal-Gvern tal-Kroazja għad-Drittijiet tal-Bniedem u għad-Drittijiet tal-Minoranzi Nazzjonali qed jippjana li jinkludi l-ħtieġa li jiġu implimentati miżuri mmirati lejn is-sensibilizzazzjoni u l-viżibilità tal-Karta tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali, kif ukoll l-edukazzjoni dwar il-Karta, f’dokument strateġiku ppjanat fil-qasam tal-promozzjoni u tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem (il-Programm Nazzjonali għall-Protezzjoni u għall-Promozzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem 2019–2024).
Għodod li jgħinu biex wieħed jifhem aktar il-Karta u meta tapplika
- għall-prattikanti (il-leġiżlatur, l-amministrazzjoni, l-infurzar tal-liġi, il-ġudikatura, il-ġuristi)
- għaċ-ċittadini.
Kull sena, l-Akkademja Ġudizzjarja (Pravosudna akademija) tistinka sabiex tinkludi taħriġ dwar il-Karta tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali fil-Programm tagħha ta’ Żvilupp Professjonali Tul il-Ħajja għall-Uffiċjali Ġudizzjarji u għal Persunal Ġudizzjarju Ieħor. L-Akkademja tieħu sehem ukoll fi proġetti tal-UE ffinanzjati minn programmi tal-UE li huma ddedikati għat-tagħlim dwar il-Karta.
Bħala eżempju ta’ dan hemm il-proġett “Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fil-Prattika Legali” (Ġudizzju tal-Karta), li huwa implimentat fil-Kroazja mill-Uffiċċju tal-Ombudswoman, bl-Akkademja Ġudizzjarja li hija wieħed mis-sħab assoċjati. Bħala parti mill-proġett, erba’ mħallfin ħadu sehem f’żewġ konferenzi internazzjonali fl-2017, filwaqt li fl-2018 ġew organizzati sitt workshops maqsumin fuq ġurnata kull wieħed: tlieta ġenerali fuq is-suġġett tal-Karta (għal total ta’ 41 imħallef minn Zagreb, minn Split u minn Osijek) u tlieta speċjalizzati fl-ażil u fid-diskriminazzjoni, mogħtijin lil total ta’ 46 imħallef f’Zagreb.
Huwa importanti wkoll li jingħad li l-proġett tal-Faċilità ta’ Tranżizzjoni dwar “It-Titjib tal-Kwalità tat-Taħriġ fil-Ġudikatura – Id-Dritt tal-UE u l-Apprendiment Online”, li tlesta f’Marzu 2018. Minbarra l-organizzazzjoni ta’ workshops u ta’ korsijiet online, il-proġett inkluda l-iżvilupp ta’ kurrikulu għall-għoti ta’ taħriġ fil-qasam tad-dritt Ewropew, li l-Akkademja Ġudizzjarja tista’ tkompli tapplika fil-programmi tagħha. Wieħed mis-suġġetti koperti kien “Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE: Il-Kamp ta’ Applikazzjoni u l-Applikazzjoni fil-Livell Nazzjonali”, bil-materjal relatat li fforma l-bażi ta’ erba’ workshops li saru għal total ta’ 60 parteċipant bħala parti mill-programm regolari ta’ żvilupp professjonali tul il-ħajja fl-2019.
L-użu u l-promozzjoni tal-għodod tal-Karta żviluppati minn pajjiżi oħrajn tal-UE jew minn partijiet ikkonċernati oħrajn fl-UE
Bħala parti minn kors ta’ taħriġ għall-impjegati taċ-ċivil involuti fil-proċess leġiżlattiv, ġie ppreżentat manwal tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali tal-UE intitolat Applying the Charter of Fundamental Rights of the European Union in law and policymaking at national level. Il-kors ta’ taħriġ ingħata mill-Uffiċċju tal-Ombudswoman f’kooperazzjoni mal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali fit-30 ta’ Jannar 2019.
Barra minn hekk, wara l-pubblikazzjoni tar-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet Fundamentali mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, li fih kapitlu dwar l-użu tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fil-livell nazzjonali, l-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili Human Rights House Zagreb xerrdet ir-Rapport billi ppubblikatu fuq il-media soċjali tagħha.
Kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati għall-promozzjoni tal-użu u l-għarfien tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE
Eżempji ta’ kooperazzjoni bejn id-difensuri tad-drittijiet u l-awtoritajiet nazzjonali li jikkontribwixxu għal għarfien u użu mtejba tal-Karta
F’kooperazzjoni mal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, l-Uffiċċju tal-Ombudswoman organizza żewġ workshops immirati lejn is-sensibilizzazzjoni dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali:
- Fit-30 ta’ Jannar 2019, ġie organizzat taħriġ għall-impjegati taċ-ċivil fil-bini tal-Iskola Nazzjonali tal-Amministrazzjoni Pubblika (Državna škola za javnu upravu). L-għan tat-taħriġ kien li jżid l-għarfien dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fost l-impjegati taċ-ċivil involuti fil-proċess leġiżlattiv, b’enfasi partikolari fuq l-Artikolu 51 li jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta. Bħala parti mit-taħriġ ġie ppreżentat ukoll manwal tal-Aġenzija intitolat Applying the Charter of Fundamental Rights of the European Union in law and policymaking at national level.
- It-taħriġ għar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili ġie organizzat fil-bini tal-Human Rights House fil-31 ta’ Jannar 2019. It-taħriġ iffoka fuq il-possibbiltà li l-Karta tiġi applikata permezz ta’ kampanji u ta’ promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll sabiex jiġu appoġġati persuni li nkisrulhom drittijiethom, b’enfasi partikolari fuq il-litigazzjoni strateġika.
- Barra minn hekk, ir-Rapport tal-Ombudswoman għall-2018, ipprovdut lill-Parlament Kroat tard f’Marzu 2019, jikkwota l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.
Eżempji ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-akkademja li jikkontribwixxu għal għarfien u użu mtejba tal-Karta
Fil-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta’ Zagreb (Pravni fakultet Sveučilišta u Zagrebu), l-għarfien dwar il-Karta jiżdied permezz ta’ lezzjonijiet mogħtijin lill-istudenti fit-tieni u fil-ħames snin, kif ukoll fil-livell postgradwatorju.
Fit-tieni sena, żewġ lezzjonijiet ikunu ddedikati għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE, inkluża l-Karta, bħala parti mill-kors ewlieni fid-Dritt Pubbliku Ewropew. Fil-ħames sena, l-istudenti tal-liġi jiġu offruti l-għażla ta’ kors dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-UE mgħallem bl-Ingliż. Dan l-aħħar inkiteb ukoll ktieb għall-istudji universitarji dwar id-drittijiet fundamentali fl-UE, li jiffoka fuq il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni. Barra minn hekk, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tiġi mgħallma fil-kors dwar l-Istituzzjonijiet u l-Ordinament Ġuridiku tal-UE, bħala parti minn programm ta’ studju ta’ speċjalizzazzjoni fid-dritt tal-UE.
Eżempji ta’ inizjattivi mhux governattivi li jippromwovu l-użu u l-għarfien tal-Karta f’pajjiżek
Kull sena, il-Human Rights House Zagreb tieħu sehem fi stħarriġ imwettaq mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) sabiex tħejji r-Rapport Annwali tagħha dwar id-Drittijiet Fundamentali, li fih kapitlu dwar l-użu tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fil-livell nazzjonali. Ir-Rapport jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-ġurisprudenza tal-Istati Membri li tinvoka jew tirreferi għall-Karta, l-użu tal-Karta f’dibattiti parlamentari u l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida, kif ukoll ir-rappreżentazzjoni tal-Karta f’artikli akkademiċi. Kif diġà ntqal, wara l-pubblikazzjoni tar-Rapport mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, il-Human Rights House Zagreb qassmet ir-Rapport billi ppubblikatu fuq il-media soċjali tagħha.
Barra minn hekk, kif intqal aktar ’il fuq, fil-31 ta’ Jannar 2019, fil-bini tal-Human Rights House Zagreb sar seminar dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, organizzat mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali u mill-Uffiċċju tal-Kroazja tal-Ombudswoman. Is-seminar, li attendew għalih rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, istituzzjonijiet indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem u ġuristi interessati oħrajn, indirizza temi bħar-rilevanza u l-funzjoni tal-Karta filwaqt li inkluda wkoll eżerċizzji relatati mal-applikazzjoni prattika tagħha matul sessjoni ta’ taħriġ imqassma fuq ġurnata sħiħa.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.