L-aħjar prattiki tal-Istati Membri dwar il-Karta

Italja

L-użu u l-għarfien tal-Karta f’pajjiżek.

Il-kontenut ipprovdut minn
Italja

Politiki tal-gvern li jippromwovu l-użu u l-għarfien tal-Karta fost il-leġiżlatur, l-amministrazzjoni, il-korpi tal-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura

  1. Il-Kulleġġ Ġudizzjarju (Scuola Superiore della Magistratura)

Il-Kulleġġ Ġudizzjarju, stabbilit bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 26 tat-30 ta’ Jannar 2006, huwa assenjat rwol ċentrali fit-taħriġ ġudizzjarju, jiġifieri dak li jiżgura l-implimentazzjoni tal-liġi u l-infurzar tal-obbligu li l-membri tal-ġudikatura jitħarrġu b’mod professjonali. Madankollu, il-Kulleġġ jimmira wkoll l-iskemi ta’ taħriġ tiegħu għall-kmamar tal-avukati, billi jorganizza korsijiet kondiviżi.

L-għan tal-Kulleġġ huwa wieħed importanti, jiġifieri li jipprovdi taħriġ u tagħlim tul il-ħajja għall-maġistrati sabiex tittejjeb il-kooperazzjoni internazzjonali u tiżdied il-familjarità mas-sistemi legali.

Il-Kulleġġ għandu ġuriżdizzjoni esklużiva fil-qasam tat-tagħlim u t-taħriġ tul il-ħajja għall-maġistrati. Huwa responsabbli b’mod partikolari għal dan li ġej:

  • l-organizzazzjoni ta’ seminars ta’ tagħlim u taħriġ professjonali tul il-ħajja għall-maġistrati u għal prattikanti legali oħrajn (kif meħtieġ);
  • l-għoti ta’ taħriġ inizjali u tagħlim tul il-ħajja għal maġistrati onorarji;
  • l-organizzazzjoni ta’ korsijiet ta’ taħriġ għall-imħallfin u l-prosekuturi li jkunu qed ifittxu ħatra f’pożizzjonijiet superjuri fil-qrati tal-prim’istanza jew tat-tieni istanza;
  • l-għoti ta’ taħriġ lill-maġistrati li jkollhom pożizzjonijiet superjuri u semisuperjuri fl-uffiċċji ġudizzjarji;
  • l-għoti ta’ taħriġ għall-maġistrati fdati bi dmirijiet ta’ taħriġ;
  • it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ taħriġ deċentralizzati;
  • il-kollaborazzjoni f’attivitajiet assoċjati mal-internship għall-maġistrati ordinarji fil-qafas tal-linji gwida maħruġa mill-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura (Consiglio superiore della magistratura) u b’kont meħud tal-proposti mill-kunsilli ġudizzjarji;
  • l-organizzazzjoni, fuq talba tal-awtorità kompetenti tal-gvern, ta’ taħriġ għal maġistrati barranin fl-Italja jew għal parteċipanti f’attivitajiet ta’ taħriġ imwettqa fil-qafas tan-Network Ewropew għat-Taħriġ Ġudizzjarju jew fil-qafas ta’ proġetti tal-Unjoni Ewropea u ta’ Stati oħra jew ta’ istituzzjonijiet internazzjonali, jew programmi ta’ implimentazzjoni għall-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-koordinazzjoni ta’ attivitajiet ta’ taħriġ maħsuba għall-maġistrati Taljani u pprovduti minn Stati jew istituzzjonijiet internazzjonali oħra dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja;
  • il-kollaborazzjoni, fuq talba tal-awtorità kompetenti tal-gvern, f’attivitajiet li jikkonċernaw l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja f’pajjiżi oħrajn;
  • l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ taħriġ f’kooperazzjoni ma’ dipartimenti simili f’korpi istituzzjonali jew professjonali oħra;
  • il-pubblikazzjoni ta’ riċerka u studji relatati mas-suġġetti koperti mill-attivitajiet ta’ taħriġ;
  • l-organizzazzjoni ta’ inizjattivi u skambji kulturali, laqgħat ta’ studju u riċerka b’rabta mal-attivitajiet ta’ taħriġ;
  • l-organizzazzjoni ta’ seminars, inkluż abbażi ta’ ftehimiet jew konvenzjonijiet speċifiċi li jirregolaw it-tariffi assoċjati, għall-prattikanti legali jew għal dawk irreġistrati f’kulleġġi legali speċjalizzati.

Il-Kulleġġ jorganizza korsijiet annwali ta’ tagħlim “tul il-ħajja” dwar id-dritt Ewropew u, b’mod partikolari, dwar id-“drittijiet stabbiliti fil-Karta” li huma miftuħa għall-maġistrati kollha u, xi korsijiet, għall-avukati wkoll. Dawn huma relatati kemm ma’ aspetti sostantivi kif ukoll lingwistiċi.

Dan il-metodu huwa xieraq, sa fejn dak it-taħriġ dwar il-Karta u l-applikazzjoni tagħha fil-livell nazzjonali jiġi pprovdut kull meta jkun hemm titjib fil-protezzjoni ta’ dritt fundamentali previst fiha. Għalhekk, l-aħjar prattika hija speċifikament li tiġi enfasizzata r-referenza għad-dritt inkluż fil-Karta tal-UE, b’diskussjoni dwar kif din tintegra fid-dritt nazzjonali.

Il-Karta ta’ Nizza se tkun suġġett ta’ tagħlim tul il-ħajja għall-2022 b’rabta ma’ korsijiet dwar il-protezzjoni tad-data personali, dwar is-sistema tas-sorsi tal-liġi, dwar id-diġitalizzazzjoni, il-ġustizzja, id-drittijiet, dwar id-drittijiet fundamentali u d-dritt Ewropew, dwar il-malafama u d-diskors ta’ mibegħda, u dwar l-intelliġenza artifiċjali u d-dritt.

  1. Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali għall-Karta tal-UE

F’konformità max-xewqat tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, il-Ministru attwali għall-Ġustizzja, Marta Cartabia, ħatret lill-Professur Palmina Tanzarella bħala l-punt ta’ kuntatt tal-Italja għall-Karta. Wieħed mill-kompiti tagħha huwa li tippromwovi l-Karta, tqajjem sensibilizzazzjoni dwarha u, b’riżultat ta’ dan, tiżgura li tiġi applikata b’mod aktar effettiv. L-għażla kienet għal xi ħadd li jopera fl-amministrazzjoni pubblika li jibbenefika minn koordinazzjoni interna speċifika mal-Ministeru għall-Ġustizzja u mad-dinja akkademika.

Il-punt ta’ kuntatt huwa u se jkun dimensjoni ġdida għall-promozzjoni u t-titjib tal-għarfien tal-Karta permezz ta’ programm regolari ta’ inizjattivi. Għal dan il-għan, il-punt ta’ kuntatt huwa appoġġat mill-Unità tal-Persunal għall-koordinazzjoni tal-affarijiet internazzjonali relatati mad-drittijiet tal-bniedem (Coordinamento dell’attività internazionale in tema di diritti umani; AIDU), li ġiet stabbilita fid-Dipartiment tal-Ġustizzja (Dipartimento per gli affari di giustizia; DAG) tal-Ministeru għall-Ġustizzja f’Diċembru tal-2021. Din l-inizjattiva hija mingħajr preċedent u twettqet ukoll bil-għan li jiġu implimentati l-objettivi tal-Istrateġija Ewropea għat-tisħiħ tal-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-UE. L-unità se tiffoka – fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja – fuq oqsma Ewropej li jikkonċernaw id-drittijiet fundamentali, id-drittijiet taċ-ċittadini u l-moviment liberu tal-persuni.

  1. Korsijiet universitarji

Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali bħala forza għall-integrazzjoni Ewropea issa tifforma parti essenzjali mill-korsijiet legali fl-universitajiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-avvanzi fid-dritt kostituzzjonali u tal-UE. Sabiex tiġi żgurata protezzjoni f’diversi livelli għad-drittijiet, huwa importanti li l-prattikanti legali u ekonomiċi futuri jirċievu taħriġ dwar il-Karta ta’ Nizza u l-interpretazzjoni tagħha mill-qrati nazzjonali u mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għal din ir-raġuni, kien hemm żieda qawwija f’korsijiet speċjalizzati f’dawn l-aħħar snin.

B’mod partikolari, skont l-aħħar stħarriġ ipprovdut mill-Ministeru għall-Universitajiet u r-Riċerka (Ministero dell’Università e della Ricerca; MUR), kien hemm madwar 550 kors offruti mid-dipartimenti tal-liġi, tax-xjenza politika u tal-ekonomija kemm tal-universitajiet pubbliċi kif ukoll privati, inklużi xi wħud bl-Ingliż, f’Diċembru 2021.

Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-korsijiet jindirizzaw b’mod wiesa’ l-kwistjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, filwaqt li jenfasizzaw id-djalogu bejn il-qrati kostituzzjonali u sovranazzjonali Ewropej hekk kif jimplimentaw il-karti tagħhom stess. L-istudji tal-każ jipprovdu lill-istudenti bl-għodod li jeħtieġu sabiex jifhmu kif il-karti u l-ġurisprudenza jinkroċjaw. B’dan il-mod, tista’ tingħata kunsiderazzjoni serja lill-Karta ta’ Nizza tad-Drittijiet Fundamentali u lill-implikazzjonijiet tal-applikazzjoni tagħha.

Il-Karta hija studjata wkoll f’korsijiet dwar suġġetti bħal-liġi dwar l-immigrazzjoni, l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, il-liġi ambjentali, il-liġi kriminali u proċedurali Ewropea, il-liġi amministrattiva Ewropea, il-pluraliżmu reliġjuż, il-liġi Ewropea dwar it-taxxa u l-liġi Ewropea dwar ix-xogħol.

  1. L-aħjar prattiki għal kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet nazzjonali u s-soċjetà ċivili sabiex il-vittmi tad-diskriminazzjoni jiġu mħeġġa jitkellmu u sabiex jingħataw appoġġ

Billi pedament wieħed tal-Karta ta’ Nizza huwa l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, din hija promossa wkoll mill-ħidma tal-korpi nazzjonali li huma impenjati għal din il-kwistjoni.

Għandha tingħata attenzjoni lill-Uffiċċju Nazzjonali kontra d-Diskriminazzjoni Razzjali (Ufficio Nazionale Antidiscriminazioni RazzialiUNAR), stabbilit fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 215 tad-9 ta’ Lulju 2003 (li jimplimenta d-Direttiva 2000/43/KE li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika).

L-Uffiċċju għandu l-kompitu li jiggarantixxi d-dritt għal trattament ugwali għall-persuni kollha, irrispettivament mill-oriġini etnika jew razzjali tagħhom, l-età, it-twemmin reliġjuż, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru jew jekk għandhomx diżabilità jew le. Dan jopera b’mod awtonomu u imparzjali u issa ilu għal bosta snin jimmonitorja mill-qrib ukoll l-effetti tad-diskors ta’ mibegħda diskriminatorju, inkluż dak li jseħħ online, kif ukoll l-isforzi sabiex dan jiġi miġġieled.

Il-kompiti assenjati lill-Uffiċċju bil-liġi huma kif ġej:

  • li jipprovdi assistenza fi proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi lil persuni li jqisu li ġarrbu aġir diskriminatorju, u tali assistenza tieħu l-forom stabbiliti fl-Artikolu 425 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Taljan;
  • b’rispett dovut għall-prerogattivi u l-funzjonijiet tal-awtorità ġudizzjarja, li jwettaq investigazzjonijiet sabiex jiddetermina jekk teżistix diskriminazzjoni jew le;
  • li jħeġġeġ lill-korpi pubbliċi u privati, b’mod partikolari lill-assoċjazzjonijiet u lill-korpi attivi fil-qasam tal-indirizzar tad-diskriminazzjoni, jadottaw miżuri speċifiċi, inklużi proġetti għal azzjoni pożittiva, immirati lejn il-prevenzjoni jew il-kumpens għal diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini razzjali jew etnika;
  • li jżid is-sensibilizzazzjoni kemm jista’ jkun dwar l-istrumenti li jipprovdu protezzjoni fis-seħħ, inkluż billi joħloq sensibilizzazzjoni pubblika dwar il-prinċipju tat-trattament ugwali u jmexxi kampanji ta’ informazzjoni u komunikazzjoni;
  • li joħroġ rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mad-diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini razzjali jew etnika, kif ukoll proposti għal emendi għal-leġiżlazzjoni eżistenti;
  • li jħejji rapport annwali lill-Parlament dwar l-applikazzjoni effettiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali u l-effettività tal-mekkaniżmi ta’ protezzjoni, kif ukoll rapport annwali lill-Prim Ministru dwar il-ħidma mwettqa;
  • li jippromwovi studji, riċerka, korsijiet ta’ taħriġ u skambji ta’ esperjenza, inkluż f’kooperazzjoni ma’ assoċjazzjonijiet u korpi attivi fil-qasam tal-indirizzar tad-diskriminazzjoni, ma’ organizzazzjonijiet nongovernattivi oħrajn attivi fil-qasam u ma’ istituti speċjalizzati ta’ stħarriġ statistiku, inkluż bil-ħsieb li jiġu żviluppati linji gwida għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.

Ġie stabbilit ukoll reġistru ta’ assoċjazzjonijiet u korpi li jwettqu attivitajiet fil-qasam tal-indirizzar tad-diskriminazzjoni u l-promozzjoni tat-trattament ugwali fid-Dipartiment għal Opportunitajiet Ugwali fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru (l-Artikolu 6 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 215/2003).

Il-Ministeru għall-Ġustizzja pparteċipa u bħalissa qed jipparteċipa f’għadd ta’ proġetti analitiċi u operazzjonali, ikkoordinati mill-UNAR, bl-għan speċifiku li jaġġorna u jiżviluppa prattiki u għodod sabiex jiġu evitati u miġġielda b’mod effettiv ir-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta’ intolleranza mifruxa permezz ta’ diskors ta’ mibegħda, inkluż dak li jseħħ online. Dawn il-proġetti jinkludu dawn li ġejjin:

  • il-proġett CO.N.T.R.O. – “COunter Narratives againsT Racism Online” (2018-2020) – żviluppat u kkoordinat mill-UNAR bi sħubija mal-Istitut għar-Riċerka Soċjali (Istituto per la Ricerca Sociale; IRS) u appoġġat u ffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea, li ppromwova kampanja mmirata ta’ komunikazzjoni u ta’ ħolqien ta’ sensibilizzazzjoni kontra r-razziżmu online u stabbilixxa l-kundizzjonijiet sabiex jiġi stabbilit l-Osservatorju tal-Media u tal-Internet tal-UNAR, bl-involviment tal-atturi istituzzjonali u mhux istituzzjonali ewlenin li jaħdmu sabiex jiġġieldu kontra din il-kwistjoni;
  • il-proġett REASON – “REAct in the Struggle against ONline hate speech” (pendenti mill-2020), li formalment jistabbilixxi Kabina ta’ Kontroll Nazzjonali (Cabina di Regia Nazionale) sabiex jiġu miġġielda r-reati ta’ mibegħda u d-diskors ta’ mibegħda online, bil-għan li jgħin fil-koordinazzjoni tal-azzjonijiet u fl-iskambju tal-esperjenzi f’kollaborazzjoni mal-Osservatorju kontra Atti ta’ Diskriminazzjoni (Osservatorio per la sicurezza contro gli atti discriminatori; OSCAD), il-Ministeru għall-Intern, il-Ministeru għall-Ġustizzja, il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Awtorità għall-Garanziji tal-Komunikazzjonijiet (Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni; AGCOM) u l-assoċjazzjonijiet volontarji, inklużi: Carta di Roma, Lunaria, Arci, Amnesty Italia, Cospe u Arcigay.

Il-kompitu ewlieni tal-Kabina ta’ Kontroll huwa li tiżviluppa Pjan Strateġiku Nazzjonali għall-ġlieda kontra r-reati ta’ mibegħda u d-diskors ta’ mibegħda.

  1. Politiki mmirati lejn l-iskejjel. B’mod ġenerali: l-edukazzjoni

Peress li huma konxji li l-ħolqien ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-Karta huwa ta’ benefiċċju u neċessarju sabiex il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ jiġu mħeġġa jirriflettu bir-reqqa dwar il-valuri komuni, filwaqt li n-nies u d-dinjità tal-bniedem jitpoġġew fil-qalba tal-proċess tal-bini ta’ soċjetà inklużiva, hemm għadd ta’ inizjattivi li twettqu fl-iskejjel. Dawn jinkludu:

La Carta europea dei ditti a un milione di studenti (il-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali għal miljun student) kien proġett imwettaq b’mod konġunt mal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Taljan, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Università u r-Riċerka u l-uffiċċju postali Taljan (Poste Italiane), li permezz tiegħu kopji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea twasslu lil miljun student fi skejjel għoljin Taljani matul l-aħħar sentejn;

La Carta di Nizza fra diritti umani e cittadinanza (Il-Karta ta’ Nizza: bejn id-drittijiet tal-bniedem u ċ-ċittadinanza) kienet kompetizzjoni promossa mill-Ministeru għall-Edukazzjoni bl-għan primarju li tħeġġeġ lit-tfal jaqraw u jirriflettu dwar l-applikazzjonijiet prattiċi tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, il-kontenut tal-Karta ġie diskuss permezz ta’ tqabbil mat-testi tal-konvenzjonijiet u tat-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, bħad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Għodod li jgħinu biex il-Karta u meta tapplika jinftiehmu aħjar

Fl-2019, il-Ministeru għall-Ġustizzja nieda l-proġett «EJNita» (EJN – Italian Network: Building Bridges) b’finanzjament parzjali mill-Kummissjoni Ewropea (Ftehim ta’ Għotja Nru 831373), li l-għan tiegħu kien li jsaħħaħ u jissimplifika n-Network Ġudizzjarju Ewropew (NĠE) għal materji ċivili u kummerċjali. Dan il-proġett wieġeb għall-ħtieġa li jittejjeb l-għarfien dwar l-għodod għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali fl-isfera legali jew professjonali.

Dan il-proġett irriżulta fil-pubblikazzjoni tal-portal ALDRICUS, li jiġbor flimkien l-informazzjoni u l-materjali ta’ interess (standards, ġurisprudenza domestika, internazzjonali u sovranazzjonali, links għal siti ta’ interess) bħala parti minn blog. Il-portal Aldricus huwa wkoll għodda għall-promozzjoni u l-ħolqien ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-Karta, li tinkiseb, b’mod partikolari, billi jiġu ppubblikati avvenimenti ta’ taħriġ immirati. Pereżempju, l-avveniment ta’ taħriġ La protezione transfrontaliera degli adulti con disabilità cognitive in Italia e Spagna (Protezzjoni transfruntiera għall-adulti b’diżabilitajiet konjittivi fl-Italja u fi Spanja) ġie promoss fit-22 ta’ Frar 2021.

Il-Ministeru għall-Ġustizzja għandu paġna ddedikata għall-promozzjoni tal-Karta, li tipprovdi aċċess għall-verżjoni Taljana tat-test kif ukoll link għas-sit web tal-Kummissjoni Ewropea għal spjegazzjoni tal-Karta.

L-użu u l-promozzjoni ta’ għodod tal-Karta żviluppati minn pajjiżi oħrajn tal-UE jew minn partijiet ikkonċernati oħrajn fl-UE

Hemm ħafna inizjattivi ta’ taħriġ u ta’ tagħlim immirati lejn il-persunal ġudizzjarju fl-Italja li huma offruti minn istituzzjonijiet ta’ taħriġ f’kooperazzjoni mas-sħab Ewropej (istituzzjonijiet Ewropej, pereżempju l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) jew stati Ewropej oħra). Fl-2021, pereżempju, il-Kulleġġ Ġudizzjarju ppubblika diversi sejħiet għal offerti f’dan ir-rigward, li rriżultaw minn inizjattivi mal-partijiet ikkonċernati tal-UE – l-Akkademja tal-Liġi Ewropea (Europäische Rechtsakadimie, ERA), istituzzjoni Ġermaniża; l-Iskola Nazzjonali Franċiża għall-Ġudikatura (Ecole Nationale de la Magistrature; ENM); u l-EJTN.

Kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati biex jippromwovu l-użu u l-għarfien tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE

Eżempji ta’ kooperazzjoni bejn id-difensuri tad-drittijiet u l-awtoritajiet nazzjonali li jikkontribwixxu għal għarfien aħjar u użu aħjar tal-Karta

L-istituzzjonijiet inkarigati mid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem huma intitolati li jieħdu minn fond allokat għall-finijiet ta’ attivitajiet ta’ finanzjament sabiex jirreklamaw il-kontenut tal-Karta ta’ Nizza bil-Liġi tal-Baġit Taljana tal-2001 (l-Artikolu 1(573) tal-Liġi Nru 178 tal-2021). Il-fond, li huwa ġestit mill-Ministeru għall-Ġustizzja, jammonta għal EUR 2 miljun għal kull waħda mis-snin 2021 u 2022 u huwa allokat għal proġetti ta’ taħriġ ta’ kwalità għolja li jippromwovu l-kultura ġudizzjarja fi kwistjonijiet tad-dritt kriminali internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem. Il-kriterji għall-aċċess għar-riżorsi tal-fond ġew stabbiliti permezz ta’ digriet tal-Ministru għall-Ġustizzja, f’konsultazzjoni mal-Ministru għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Finanzi, b’evidenza ta’ kollaborazzjoni, konsultazzjoni u kooperazzjoni fit-tul ma’ korpi u istituzzjonijiet internazzjonali li huma rekwiżit ta’ prijorità.

Eżempji ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u d-dinja akkademika li jikkontribwixxu għal għarfien aħjar u użu aħjar tal-Karta

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom relazzjoni mill-qrib ma’ tlieta mill-ogħla qrati tal-Italja b’mod partikolari: il-Qorti Kostituzzjonali (Corte costituzionale), il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni (Corte Suprema di Cassazione) u l-Kunsill tal-Istat (Consiglio di Stato).

Id-dipartiment tar-riċerka tal-Qorti Kostituzzjonali jippubblika rapport annwali li jiġbor fih u jispjega l-interpretazzjonijiet tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali sa fejn dawn huma relatati mal-prinċipji kostituzzjonali. L-aħħar edizzjoni tar-rapport ġiet ippubblikata f’Ġunju 2021 bit-titolu L’applicazione della Carta dei diritti fondamentali dell’Unione europea nella giurisprudenza della Corte costituzionale (L-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għall-ġurisprudenza tal-Qorti Kostituzzjonali), Ġunju 2021.

Id-dipartiment tar-riċerka tal-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni jipprovdi aċċess għall-aktar deċiżjonijiet importanti, inkluża l-ġurisprudenza internazzjonali u Ewropea.

Eżempji ta’ inizjattivi nongovernattivi li jippromwovu l-użu u l-għarfien tal-Karta f’pajjiżek

Il-Kamra Nazzjonali tal-Avukati (Associazione Nazionale Forense; ANF) hija membru tas-sħubija Ewropea li hija mmexxija mill-Bulgarian Lawyers for Human Rights Foundation u tlaqqa’ flimkien partijiet oħra bħall-Confprofessioni (konfederazzjoni li tagħha l-ANF hija membru), il-Kamra tal-Avukati ta’ Milan, l-Università ta’ Burgos u l-Kunsill Ġenerali tal-Avukati ta’ Spanja (Consejo General de la Abogacìa Española). Il-parti ewlenija u s-sħab tagħha rebħu s-sejħa Ewropea għall-offerti sabiex jappoġġaw proġetti transnazzjonali dwar it-taħriġ ġudizzjarju li jkopru d-dritt ċivili, id-dritt kriminali jew id-drittijiet fundamentali (JUST-JTRA-EJTR-AG-2017).

Il-proġett Lawyers4Rights kellu l-għan li jikseb l-objettivi li ġejjin: li jippromwovi l-għarfien tal-oriġini, l-iskop u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li jsaħħaħ ir-rwol tagħhom li jwieġbu għall-mistoqsijiet ta’ protezzjoni li jirriżultaw mill-kwistjonijiet tal-migrazzjoni u t-terroriżmu, li joħloq sensibilizzazzjoni fost il-benefiċjarji dwar kif il-Karta tal-UE tapplika fil-livell nazzjonali, li jtejjeb il-kooperazzjoni bejn il-professjonijiet legali, u li jiżviluppa fehim tal-elementi essenzjali tad-dritt tal-UE applikabbli f’kull kuntest nazzjonali.

Il-konferenza finali saret fl-24 ta’ Ġunju 2022 sabiex jiġu ppreżentati r-riżultati tal-proġett u l-konklużjonijiet ewlenin li saru dwar il-livell ta’ sensibilizzazzjoni tal-avukati u l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

Il-kontenut tal-proġett jinstab fuq: https://lawyers4rights.eu/

Għadd ta’ inizjattivi spontanji oħra, bħall-organizzazzjoni ta’ avvenimenti ta’ taħriġ u seminars fil-fond minn akkademiċi, artikoli ta’ fokus ippubblikati f’ġurnali u gazzetti legali, u skambji ta’ fehmiet dwar diversi listi ta’ indirizzi li l-prattikanti legali jissottoskrivu għalihom għenu wkoll sabiex jiġi ppubbliċizzat il-kontenut tal-Karta u tinħoloq sensibilizzazzjoni dwaru.

L-aħħar aġġornament: 21/04/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.