L-aħjar prattiki tal-Istati Membri dwar il-Karta

Latvja

Politiki tal-Gvern li jippromwovu l-użu u l-għarfien tal-Karta fost il-leġiżlatur, l-amministrazzjoni, il-korpi tal-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura.

Il-kontenut ipprovdut minn
Latvja

Il-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza tal-Latvja jinkorporaw artikoli tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) li huma relatati ma’ kwistjonijiet tal-protezzjoni tad-data personali, tal-ugwaljanza bejn in-nies u tad-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma tal-migrazzjoni, tax-xjenza u tal-aċċess għall-informazzjoni.

Referenzi fil-memoranda ta’ spjegazzjoni għall-abbozz tal-leġiżlazzjoni

Referenzi fis-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali

  • Is-sentenza fil-Kawża Nru 2018-18-01 dwar il-konformità tal-artikoli tal-Liġi dwar it-traffiku fit-toroq mal-Kostituzzjoni. Instab li l-artikoli kienu jiksru l-Kostituzzjoni fir-rigward tar-rekwiżiti dwar il-protezzjoni ta’ data personali. Saret referenza għall-Artikolu 8 tal-Karta dwar il-protezzjoni tad-data personali.
  • Is-sentenza fil-Kawża Nru 2018-15-01 dwar il-konformità tal-artikoli tal-Liġi dwar l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni terzjarja mal-Kostituzzjoni. Referenza għall-Artikolu 13 tal-Karta dwar il-libertà akkademika tal-arti u tar-riċerka xjentifika.
  • Is-sentenza fil-Kawża Nru 2018-11-01 dwar il-konformità tal-artikoli tal-Liġi dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali u tal-impjegati ta’ korpi tal-gvern ċentrali u lokali mal-Kostituzzjoni. Referenza għall-Artikolu 8 tal-Karta dwar il-protezzjoni u l-proċessar ġust tad-data personali.

Għodod li jgħinu biex wieħed jifhem aktar il-Karta u meta tapplika

Għall-prattikanti

Fil-Latvja hemm iċ-Ċentru għat-Taħriġ Ġudizzjarju tal-Latvja [Latvijas Tiesnešu mācību centrs] (LTMC), li jorganizza u jipprovdi taħriġ ulterjuri u korsijiet ta’ żvilupp professjonali għall-imħallfin u għall-uffiċjali tal-qorti. Fuq bażi regolari jiġu organizzati lezzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem, li matulhom huwa possibbli wkoll li tiġi diskussa l-Karta.

L-LTMC jaħdem ukoll flimkien mal-Akkademja tal-Liġi Ewropea (ERA) u man-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJNT) u joffri wkoll korsijiet ta’ taħriġ internazzjonali għall-imħallfin.

  • Fl-2014, l-LTMC organizza sitt lezzjonijiet dwar il-Karta. B’kollox, fl-2014 141 avukat attendew l-avvenimenti.
  • Mill-2017 sal-2019, 43 imħallef Latvjan attendew seminars relatati mal-Karta.
  • Fl-2018, ġie konkluż ftehim ta’ kooperazzjoni mal-Akkademja tal-Liġi Ewropea (ERA) dwar servizzi ta’ taħriġ ta’ livell għoli għall-persunal ġudizzjarju u tal-infurzar tal-liġi tal-Latvja sabiex jingħata taħriġ lil imħallfin, lil uffiċjali tal-qorti, lil investigaturi, lil prosekuturi u lil uffiċjali, inkluż fuq kwistjonijiet relatati mad-dritt ġenerali tal-UE.

Għaċ-ċittadini

Il-Qorti Suprema tippromwovi l-applikazzjoni trasparenti tal-Karta billi tinkludi taqsima separata ddedikata għaliha fid-direttorju tal-leġiżlazzjoni. Mhux id-deċiżjonijiet kollha tas-Senat huma inklużi f’dan id-direttorju, iżda biss dawk li huma rilevanti għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali (fid-direttorju, ara: European Union Law -> Treaties -> Charter of Fundamental Rights of the European Union).

Fit-taqsima tal-Manwali tas-sit web tal-Qorti Suprema, ġiet inkluża informazzjoni dwar in-nefqa tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (ara “Expenditure of European Union Agency for Fundamental Rights”).

L-aħħar aġġornament: 05/04/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.