L-aħjar prattiki tal-Istati Membri dwar il-Karta

Litwanja

Politiki tal-Gvern li jippromwovu l-użu u l-għarfien tal-Karta fost il-leġiżlatur, l-amministrazzjoni, il-korpi tal-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura.

Il-kontenut ipprovdut minn
Litwanja

Il-bażi biex jiġi żgurat li l-kompatibbiltà tal-abbozz tal-leġiżlazzjoni mal-Karta tiġi vvalutata bħala parti mill-proċess leġiżlattiv hija l-Artikolu 9(4) tal-Liġi dwar il-prinċipji tar-regolamentazzjoni (Teisėkūros pagrindų įstatymas), li jipprovdi sabiex il-korpi awtorizzati mill-Gvern ikunu jistgħu joħorġu konklużjonijiet dwar il-kompatibbiltà tal-abbozz tal-leġiżlazzjoni mad-dritt tal-UE, mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, mat-trattati internazzjonali li r-Repubblika tal-Litwanja hija firmatarja tagħhom, mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, u mas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dawn il-konklużjonijiet huma pprovduti wkoll lill-entità li tadotta l-att legali. Minkejja li d-dispożizzjoni ma ssemmix b’mod espliċitu r-rekwiżit ta’ konformità mal-Karta, ir-rekwiżit li tiġi żgurata l-konformità mad-dritt tal-UE jinkludi wkoll l-iżgurar tal-konformità mal-Karta. Il-prattika turi li dan huwa l-mod li bih hija mifhuma d-dispożizzjoni. Pereżempju, fil-konklużjonijiet tiegħu dwar l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Liġi tal-Litwanja dwar l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew (Lietuvos Respublikos rinkimų į Europos Parlamentą įstatymo pakeitimo įstatymo projektas), id-Dipartiment tad-Dritt Ewropew (Europos teisės departamentas) iddikjara li d-dispożizzjonijiet li kienu jirrestrinġu l-eżerċizzju tad-dritt minqux fl-Artikolu 39(1) tal-Karta li ċittadin jivvota u joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew (jiġifieri d-dispożizzjoni li tiddikjara li l-istess persuna ma tistax tiġi eletta aktar minn darbtejn wara xulxin għall-Parlament Ewropew), iżda li ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw restrizzjoni bħal din, kif stabbiliti fl-Artikolu 52 tal-Karta (ir-restrizzjonijiet iridu jkunu previsti mil-liġi, jirrispettaw l-essenza tad-drittijiet inkwistjoni u jkunu proporzjonati), għandhom jitqiesu li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni (https://e-seimas.lrs.lt/portal/legalAct/lt/TAK/325a8fb0199811e9bd28d9a28a9e9ad9?positionInSearchResults=1&searchModelUUID=2d93c2bd-31b3-4e97-b94e-d931ddae3ca2).

Għodod li jgħinu biex wieħed jifhem aktar il-Karta u meta tapplika

Fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja (Teisingumo ministerija), ġiet ippubblikata gwida għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Europos Sąjungos Teisingumo Teismo praktikos vadovas) li tipprovdi wkoll informazzjoni dwar temi relatati mal-applikazzjoni tal-Karta. Is-sit web jipprovdi wkoll link għall-informazzjoni ppubblikata fuq is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-difiża tad-drittijiet mogħtijin mid-dritt tal-UE (https://tm.lrv.lt/lt/veiklos-sritys-1/es-reikalu-koordinavimas/es-teises-perkelimas-ir-igyvendinimas li jillinkja ma’ https://ec.europa.eu/info/about-european-commission/contact/problems-and-complaints/help-defending-your-rights/individuals_mt). Link għall-manwal dwar l-applikazzjoni tal-Karta fil-livell nazzjonali ppubblikat mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali se tiġi pprovduta wkoll ladarba dan jiġi tradott għal-Litwan.

Bħala parti mill-proġett “Insaħħu r-rispons għar-reati ta’ mibegħda u għad-diskors ta’ mibegħda fil-Litwanja”, li qed jiġi implimentat mill-Ministeru għall-Intern (Vidaus reikalų ministerija), mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali (Generaline prokuratūra) u mill-Uffiċċju tal-Ispettur tal-Etika Ġurnalistika (Žurnalistų etikos inspektoriaus tarnyba), qiegħed jiġi pprovdut taħriġ għall-uffiċjali tal-pulizija, għall-prosekuturi u għall-imħallfin, li huwa ffinanzjat mill-Programm ta’ Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea (2014–2020). Meta jippubblika informazzjoni legali rilevanti għall-ġlieda kontra r-reati ta’ mibegħda, maħsuba kemm għall-uffiċjali kif ukoll għall-vittmi, il-Ministeru għall-Intern jipprovdi link għat-taqsima ddedikata tas-sit web tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (https://vrm.lrv.lt/lt/veiklos-sritys/viesasis-saugumas-1/atsakas-i-neapykantos-nusikaltimus-ir-neapykanta-kurstancias-kalbas li jillinkja ma’ https://fra.europa.eu/en/themes/hate-crime).

L-użu u l-promozzjoni tal-għodod tal-Karta żviluppati minn pajjiżi oħrajn tal-UE jew minn partijiet ikkonċernati oħrajn fl-UE

Ara l-informazzjoni pprovduta aktar ’il fuq dwar il-links għas-siti web tal-istituzzjonijiet u tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea.

Kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati għall-promozzjoni tal-użu u l-għarfien tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE

Eżempji ta’ kooperazzjoni bejn id-difensuri tad-drittijiet u l-awtoritajiet nazzjonali li jikkontribwixxu għal għarfien u użu mtejba tal-Karta

Il-Litwanja adottat il-prattika li kull sena torganizza Forums Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (Nacionaliniai žmogaus teisių forumai). Fl-2019, il-forum ġie organizzat mill-Forum tal-Litwanja dwar id-Diżabilità (Lietuvos negalios organizacijų forumas), mill-Uffiċċju għall-Ombudsperson tal-Opportunitajiet Indaqs (Lygių galimybių kontrolieriaus tarnyba), mill-Uffiċċju tal-Ombudsmen tas-Seimas (Seimo kontrolierių įstaiga), mill-Kumitat tas-Seimas dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (Seimo Žmogaus teisių komitetas), mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin (Užsienio reikalų ministerija), mill-Uffiċċju tal-Ombudsperson għad-Drittijiet tat-Tfal (Vaiko teisių kontrolieriaus įstaiga), mill-Università Vytautas Magnus (Vytauto Didžiojo universitetas) u mill-Organizzazzjonijiet tal-Koalizzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem (Žmogaus teisių organizacijų koalicija).

Eżempji ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-akkademja li jikkontribwixxu għal għarfien u użu mtejba tal-Karta

Il-Kunsill tar-Riċerka tal-Litwanja (Lietuvos mokslo taryba) iffinanzja studju ta’ riċerka mwettaq mill-Università ta’ Vilnius (Vilniaus universitetas) dwar l-“Applikazzjoni tal-Karta tal-UE bħala standard għad-difiża tad-drittijiet individwali fil-livell sovranazzjonali u nazzjonali”. L-istudju investiga sa liema punt hija applikata l-Karta u sa liema punt huma invokati d-dispożizzjonijiet tagħha mill-awtoritajiet Litwani – li, fl-oqsma tal-attività tagħhom, x’aktarx li l-aktar li jkunu involuti fl-investigazzjoni ta’ lmenti li jikkonċernaw drittijiet individwali li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta – u mill-qrati u mill-korpi ta’ investigazzjoni ta’ qabel il-proċess. Stħarreġ jekk il-pubbliku u l-komunità legali kinux konxji biżżejjed tal-importanza tal-Karta għad-difiża tad-drittijiet fundamentali u jekk il-Karta kinitx meqjusa bħala standard tassew effettiv għad-difiża tad-drittijiet fundamentali, filwaqt li ħares ukoll lejn kwistjonijiet relatati mal-użu tal-Karta għad-difiża ta’ drittijiet speċifiċi. Ir-riżultati tal-istudju tqiegħdu għad-dispożizzjoni pubblikament.

Eżempji ta’ inizjattivi mhux governattivi li jippromwovu l-użu u l-għarfien tal-Karta f’pajjiżek

Fuq il-portal “Id-Drittijiet Tiegħi” (“Mano teisės”), l-NGO Ċentru tal-Litwanja għad-Drittijiet tal-Bniedem (Lietuvos žmogaus teisių centras) tipprovdi link għas-siti web tal-istituzzjonijiet u tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea, inkluża l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali. It-testi ppubblikati fuq dak il-portal jindirizzaw ukoll kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Karta.

L-aħħar aġġornament: 07/04/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.