L-aħjar prattiki tal-Istati Membri dwar il-Karta

Portugall

L-użu u l-għarfien tal-Karta f’pajjiżek.

Il-kontenut ipprovdut minn
Portugall

Politiki tal-Gvern li jippromwovu l-użu u l-għarfien tal-Karta fost il-leġiżlatur, l-amministrazzjoni, il-korpi tal-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura

Referenzi speċifiċi għall-applikazzjoni tal-Karta jew spjegazzjonijiet dwarha

  • Fl-2019, id-Direttorat Ġenerali għall-Politika tal-Ġustizzja (il-Ministeru għall-Ġustizzja) ipproduċa gwida dwar l-applikazzjoni tal-Karta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-fondi Ewropej, immirata lejn il-professjonisti li jaħdmu f’dan il-qasam.

Taħriġ dwar l-applikazzjoni tal-Karta

  • Taħriġ għall-imħallfin u għal professjonisti legali oħra:
    • Iċ-Ċentru għall-Istudji Ġudizzjarji (Centro de Estudos Judiciários) joffri taħriġ inizjali u kontinwu għall-imħallfin u l-prosekuturi kemm dwar id-dritt tal-UE b’mod ġenerali kif ukoll dwar kwistjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-UE. Il-Karta hija koperta f’dan it-taħriġ. L-avukati u professjonisti legali oħra jistgħu jipparteċipaw ukoll f’konferenzi u f’seminars organizzati miċ-Ċentru.
    • Fl-2018, iċ-Ċentru organizza kors ta’ taħriġ ta’ ġurnata sħiħa li ffoka speċifikament fuq il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) u l-Karta. Il-programm tal-kors, il-filmat u t-testi rilevanti jinsabu hawnhekk.
    • Fl-ambitu tal-programm “HELP in the EU III”, il-pjan ta’ taħriġ kontinwu taċ-Ċentru għall-2022–2023 jinkludi taħriġ kontinwu għall-imħallfin u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku (Ministério Público) biex jiġu promossi l-kompetenzi fl-applikazzjoni tal-Karta.
  • Taħriġ għall-benefiċjarji involuti fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE:
    • F’Ġunju 2019, id-Direttorat Ġenerali għall-Politika tal-Ġustizzja ipprovda kors ta’ taħriġ għall-korpi kollha tal-Ministeru għall-Ġustizzja dwar l-applikazzjoni tal-Karta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE.

Għodod li jgħinu biex il-Karta u meta tapplika jinftiehmu aħjar

Għall-prattikanti (il-leġiżlatur, l-amministrazzjoni, l-infurzar tal-liġi, il-ġudikatura, il-ġuristi):

  • Iċ-Ċentru għall-Istudji Ġudizzjarji jippubblika bullettin regolari dwar il-ġurisprudenza tal-QĠUE: http://www.cej.mj.pt/cej/newsletter_tjue_cej/newsletter_tjue_cej.php;
  • Fl-2019, id-Direttorat Ġenerali għall-Politika tal-Ġustizzja pproduċa gwida dwar l-applikazzjoni tal-Karta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-fondi Ewropej, immirata lejn il-professjonisti li jaħdmu f’dan il-qasam.

Għaċ-ċittadini:

L-użu u l-promozzjoni tal-għodod tal-Karta żviluppati minn pajjiżi oħrajn tal-UE jew minn partijiet ikkonċernati oħrajn fl-UE

Is-sit web tal-Ministeru għall-Ġustizzja għandu paġna web iddedikata għall-Karta, li tirreferi għall-għodod disponibbli mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) u tinkludi link għas-sit web tal-Aġenzija.

Kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati għall-promozzjoni tal-użu u l-għarfien tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE

Eżempji ta’ kooperazzjoni bejn id-difensuri tad-drittijiet u l-awtoritajiet nazzjonali li jikkontribwixxu għal għarfien u użu aħjar tal-Karta

[Mhux applikabbli]

Eżempji ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-akkademja li jikkontribwixxu għal għarfien u użu aħjar tal-Karta

[Mhux applikabbli]

Eżempji ta’ inizjattivi nongovernattivi li jippromwovu l-użu u l-għarfien tal-Karta f’pajjiżek

  • Il-proġett “il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ‘fl-azzjoni’”
    Dan il-proġett kien iffinanzjat mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi u żviluppat minn konsorzju ta’ universitajiet Ewropej (l-Istitut tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Katalonja, l-Università ta’ Utrecht – l-Iskola tal-Liġi, u l-Università ta’ Szczecin). Fil-Portugall, il-proġett kien ikkoordinat mill-Osservatorju Permanenti għall-Ġustizzja (Observatório Permanente de Justiça) taċ-Ċentru għall-Istudji Soċjali (Centro de Estudos Sociais) tal-Università ta’ Coimbra u kien jinvolvi l-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura (Conselho Superior da Magistratura), l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, iċ-Ċentru għall-Istudji Ġudizzjarji u l-Kamra tal-Avukati (Ordem dos Advogados). L-għan ewlieni tal-proġett kien li jiġi żviluppat programm ta’ taħriġ wiesa’ biex jissaħħu l-kompetenzi tal-atturi ġudizzjarji fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Karta, sabiex ikunu jistgħu jinterpretawha u japplikawha aħjar. Il-proġett ipprova li mhux biss jgħin biex jingħelbu d-diffikultajiet relatati man-nuqqas ta’ għarfien dwar il-Karta, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm aktar sensibilizzazzjoni dwarha, iżda wkoll li tiġi spjegata aħjar ir-rilevanza tal-Karta fil-livell nazzjonali u fiż-Żona Ewropea tal-Ġustizzja.
    Fl-2018 ġew organizzati diversi korsijiet u konferenzi ta’ taħriġ bħala parti minn dan il-proġett, immirati primarjament lejn l-atturi ġudizzjarji. Ingħata wkoll taħriġ online: https://ces.uc.pt/cfr/moodle/.
    Ġie żviluppat ukoll Manwal tal-Aħjar Prattika u Manwal ta’ Taħriġ b’riżultat tal-proġett.
    L-informazzjoni kollha dwar din l-inizjattiva hija disponibbli fl-indirizz: https://www.ces.uc.pt/cfr/..
  • Il-proġett “E-Learning National Active Charter Training” (e-NACT)
    Dan il-proġett, li huwa ffinanzjat mill-Programm tad-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza tal-Kummissjoni Ewropea, jinvolvi bosta universitajiet Ewropej, inkluż iċ-Ċentru għar-Riċerka fid-Dritt Pubbliku (Centro de Investigação de Direito Público) (CIDP) tal-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta’ Liżbona. Huwa għandu l-għan li jipprovdi metodoloġija u attivitajiet ta’ taħriġ li, flimkien mal-għarfien espert tal-ħarrieġa involuti, se jrawmu l-ħolqien u l-konsolidazzjoni ta’ kultura komuni tad-drittijiet fundamentali.
    Din l-inizjattiva toffri wkoll korsijiet ta’ tagħlim elettroniku u manwali tematiċi dwar diversi oqsma tal-liġi.
    Fl-2019, saru tliet workshops dwar il-protezzjoni tad-data, l-ażil u l-migrazzjoni, u l-libertà tal-espressjoni fil-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta’ Liżbona, primarjament għall-avukati, l-imħallfin u l-prosekuturi mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku – https://www.icjp.pt/cidp/eventos/17759/programa.
    Għal aktar informazzjoni dwar dan il-proġett, ikkonsulta: https://cjc.eui.eu/projects/e-nact/.
  • Il-Konferenza: “Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-attiviżmu ġudizzjarju tal-QĠUE: karta tad-drittijiet taħt pressjoni?”
    Fl-2017, il-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta’ Liżbona organizzat konferenza dwar il-Karta u l-attiviżmu ġudizzjarju tal-QĠUE. Fl-2018, wara din il-konferenza, edizzjoni tal-ġurnal online dwar il-dritt pubbliku, e-Pública – Revista Eletrónica de Direito Público, iffukat fuq din il-kwistjoni (Vol. 5, Nru 2, Lulju 2018).
L-aħħar aġġornament: 07/04/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.