L-aħjar prattiki tal-Istati Membri dwar il-Karta

Rumanija

Il-kontenut ipprovdut minn
Rumanija

L-użu u l-għarfien tal-Karta f’pajjiżek

Politiki tal-Gvern li jippromwovu l-użu u l-għarfien tal-Karta fost il-leġiżlatur, l-amministrazzjoni, il-korpi tal-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura

Il-Qorti Kostituzzjonali stabbiliet dipendenza fuq il-Karta bħala prattika emerġenti fil-ġurisprudenza tagħha. Il-qrati ordinarji wkoll għandhom it-tendenza li jirreferu għad-dispożizzjonijiet tal-Karta fis-sentenzi tagħhom. Din it-tendenza hija marbuta maż-żieda fl-għadd ta’ korsijiet u seminars dwar suġġetti relatati mad-drittijiet mogħtija lill-maġistrati f’diversi forom.

L-Istitut Nazzjonali tal-Maġistratura (Institutul Național al Magistraturii) żviluppa programmi li permezz tagħhom tiġi pprovduta informazzjoni dwar id-dritt tal-UE u l-ġurisprudenza tal-QĠUE b’rabta mill-qrib mal-ġurisprudenza tal-QEDB, b’enfasi partikolari fuq il-kooperazzjoni ġudizzjarja. Dawk li jkunu se jsiru prosekuturi u mħallfin jattendu dawn il-korsijiet. L-imħallfin u l-prosekuturi fil-kariga jattendu dawn il-korsijiet bħala parti mit-taħriġ kontinwu tagħhom. Eżempju riċenti f’dan ir-rigward huwa webinar dwar l-użu tal-Karta fil-proċeduri tal-ażil.

Il-Karta hija inkluża fil-kurrikulu tal-fakultajiet tal-liġi u ta’ universitajiet oħrajn fir-Rumanija kif ukoll fil-kurrikuli implimentati mill-Istitut Nazzjonali tal-Maġistratura.

Awtoritajiet pubbliċi Rumeni oħrajn jużaw id-dispożizzjoni tal-Karta fit-tfassil tal-politiki (pereżempju, politiki dwar l-impjieg u l-qgħad; politiki dwar l-iżvilupp sostenibbli) jew meta jagħtu r-raġunijiet għall-applikazzjoni tal-pieni (ara, pereżempju, il-prattika tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġlieda Kontra d-Diskriminazzjoni (Consiliul Național pentru Combaterea Discriminării)). Iċ-Charterpedia u, b’mod ġenerali, id-data pprovduta f’kull forma mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali huma strumenti utli ħafna li jservu bħala bażi, pereżempju, għall-ħidma tal-Ministeru għall-Intern (Ministerul Afacerilor Interne). Il-Ministeru għall-Intern għandu l-unitajiet tat-taħriġ tiegħu stess li jipprovdu taħriġ dwar id-drittijiet tal-bniedem għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Is-suġġett ewlieni ta’ dawn il-korsijiet ta’ taħriġ huwa l-istrumenti internazzjonali kollha għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-Karta.

Fost il-miżuri meħtieġa biex tintlaħaq il-prekundizzjoni għal “Applikazzjoni u implimentazzjoni effettivi tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE”, il-Ministeru għall-Fondi Ewropej (Ministerul Fondurilor Europene) huwa responsabbli wkoll biex jiżgura li jiġu stabbiliti mekkaniżmi effettivi li jiżguraw il-konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, kif previst fl-Anness III tal-proposta għar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (RDK). F’dan ir-rigward, id-Direttorat Ġenerali għall-Ipprogrammar u l-Koordinazzjoni tas-Sistemi (Direcția Generală Programare și Coordonare Sistem) ħejja l-Linji Gwida għall-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE fl-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali u tal-Investiment Ewropej (Linji Gwida), li għandhom l-għan li jassistu kemm lill-persunal tal-Ministeru għall-Fondi Ewropej (Ministerul Fondurilor Europene), lill-ministeri kompetenti fdati bil-ġestjoni ta’ fondi Ewropej, lill-aġenziji u lil awtoritajiet pubbliċi oħrajn fl-istadji tal-ipprogrammar u l-implimentazzjoni, għas-snin finanzjarji 2021–2027, kif ukoll lill-benefiċjarji potenzjali li japplikaw għall-finanzjament mill-fondi tal-UE fl-applikazzjoni u l-implimentazzjoni effettivi tad-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Il-ministeru jqis li djalogu regolari dwar l-applikazzjoni tal-Karta u l-għoti ta’ assistenza istituzzjonali mill-UE f’dan ir-rigward huma importanti.

Għodod li jgħinu biex il-Karta u meta tapplika jinftiehmu aħjar

Iċ-Charterpedia u l-materjal tal-FRA dwar il-Karta inġenerali huma strumenti utli. Pereżempju, il-Ministeru għall-Intern iddikjara li juża materjal tal-FRA.

L-użu u l-promozzjoni tal-għodod tal-Karta żviluppati minn pajjiżi oħrajn tal-UE jew minn partijiet ikkonċernati oħrajn fl-UE

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija Nru 2 – strumenti żviluppati mill-FRA huma rilevanti u jintużaw.

Kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati biex jippromwovu l-użu u l-għarfien tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE

Eżempji ta’ kooperazzjoni bejn id-difensuri tad-drittijiet u l-awtoritajiet nazzjonali li jikkontribwixxu għal għarfien aħjar u użu aħjar tal-Karta

Il-webinar li ġie organizzat dan l-aħħar, jiġifieri f’Ġunju 2020, mill-Istitut Nazzjonali tal-Maġistratura rigward l-użu tal-Karta fi proċeduri tal-ażil huwa eżempju ta’ tali kooperazzjoni. Bosta NGOs nazzjonali u internazzjonali attendew dan l-avveniment, flimkien mal-Kamra tal-Avukati ta’ Bucharest.

Fl-2019 u fl-2020, l-Istitut Rumen għad-Drittijiet tal-Bniedem (Institutul Român pentru Drepturile Omului) żviluppa u pprovda sensiela ta’ korsijiet imfassla għal diversi kategoriji professjonali li, minħabba x-xogħol speċifiku tagħhom, huma mitluba jkunu konxji tad-drittijiet tal-bniedem u japplikawhom. Il-korsijiet kienu jirrigwardaw id-dispożizzjonijiet tal-Karta. Id-dispożizzjonijiet ġew rieżaminati u diskussi waqt il-korsijiet imfassla għall-pulizija tal-fruntieri (organizzati fl-Ispettorat Ġenerali tal-Pulizija (Inspectoratul General al Poliției) u għal tliet spettorati territorjali oħrajn: Timișoara, Giurgiu, Constanța) dwar is-suġġett tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-migrazzjoni irregolari (b’referenza partikolari għall-Artikoli 2, 3, 4, 6, u 35 tal-Karta).

Il-korsijiet ipprovduti fl-2019 jistgħu jiġu kkonsultati hawnhekk.

Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-prevenzjoni tat-tortura u ta’ kastigi u trattament inumani u degradanti, id-dispożizzjonijiet tal-Karta kienu inklużi fil-korsijiet żviluppati għall-aġenti taċ-Ċentri Nazzjonali għad-Detenzjoni u l-Arrest Preventiv.

Fl-okkażjoni ta’ kors organizzat biex jimmarka l-għaxar anniversarju mill-adozzjoni tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tal-Karta, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali, ġew diskussi waqt workshops ta’ diskussjoni mmirati għall-għalliema u l-ispetturi tal-iskejjel fil-Kontea ta’ Vâlcea.

Fl-2020, il-Karta ġiet promossa permezz ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ immirati għall-uffiċjali tal-pulizija miċ-Ċentri Nazzjonali għad-Detenzjoni u l-Arrest Preventiv, l-ispettorati tal-pulizija tal-fruntieri u għall-avukati.

Il-korsijiet ipprovduti fl-2020 jistgħu jiġu kkonsultati hawnhekk.

Eżempji ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u d-dinja akkademika li jikkontribwixxu għal għarfien aħjar u użu aħjar tal-Karta

Il-korsijiet kollha msemmija hawn fuq, li ġew organizzati mill-Istitut Rumen għad-Drittijiet tal-Bniedem, ġew organizzati bi sħubija ma’ istituzzjonijiet pubbliċi u sħab mill-ambjent edukattiv/akkademiku, kif ġej:

  • L-Istitut tal-Istudji dwar l-Ordni Pubbliku (Institutul de Studii pentru Ordinea Publică) (Il-prevenzjoni tat-tortura u tat-trattament inuman u degradanti għall-persunal taċ-Ċentri Nazzjonali għad-Detenzjoni u l-Arrest Preventiv);
  • Il-Pulizija tal-Fruntieri Rumena (Poliția Română de Frontieră), l-Ispettorat Ġenerali għall-Immigrazzjoni (Inspectoratul General pentru Imigrări), id-Direttorat ta’ Kontra l-Korruzzjoni (Direcția Anti-corupție) tal-Ministeru għall-Affarijiet Interni (skont il-pjan ta’ azzjoni konġunt tad-Direttorat Ġenerali ta’ Kontra l-Korruzzjoni (Direcția Generală Anticorupție - DGA) – l-Ispettorat Ġenerali tal-Pulizija tal-Fruntieri Rumena (Inspectoratul General al Poliţiei de Frontieră Române - IGPF) – l-Ispettorat Ġenerali għall-Immigrazzjoni - IGI għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni fil-kuntest tal-immigrazzjoni irregolari)
  • L-iskejjel sekondarji, l-iskejjel, iċ-ċentri nazzjonali tat-taħriġ għall-għalliema involuti fit-taħriġ tal-għalliema mis-sistema nazzjonali tal-edukazzjoni

Ara wkoll it-tweġiba għall-mistoqsija Nru 1 – Il-Karta hija inkluża fil-kurrikulu tad-dritt tal-UE u tas-suġġetti tad-dritt pubbliku internazzjonali tal-fakultajiet tal-liġi fir-Rumanija.

Eżempji ta’ inizjattivi nongovernattivi li jippromwovu l-użu u l-għarfien tal-Karta f’pajjiżek

  • L-Istitut Rumen għad-Drittijiet tal-Bniedem jippromwovi kontinwament l-użu tal-Karta u s-sensibilizzazzjoni tad-drittijiet li jinsabu fiha.
  • L-Unjoni tal-Libertajiet Ċivili għall-Ewropa hija NGO b’uffiċċji f’bosta stati, inkluż ir-Rumanija. Is-sit web huwa tradott bir-Rumen u jinkludi gwida dwar l-użu tal-Karta.
L-aħħar aġġornament: 25/10/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.