L-aħjar prattiki tal-Istati Membri dwar il-Karta

Slovakkja

Il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka [Ústavný súd Slovenskej republiky] iddeċidiet dwar l-applikabbiltà tal-Karta fis-Slovakkja fil-kawża PL.ÚS 10/2014, fejn hija kkonkludiet b’mod espliċitu li l-Karta jrid ikollha l-istess pożizzjoni fl-ordni kostituzzjonali tas-Slovakkja bħal ftehimiet internazzjonali oħra dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali regolati mill-Artikolu 7(5) tal-Kostituzzjoni Slovakka. Dan ifisser li tieħu preċedenza fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Fil-proċess leġiżlattiv, kull biċċa leġiżlazzjoni ġdida tinkludi klawżola dwar il-kompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni Ewropea u trid tiddikjara wkoll il-kompatibbiltà tagħha mal-Karta jekk il-leġiżlazzjoni tirrigwarda drittijiet mogħtija mill-Karta.

Il-kontenut ipprovdut minn
Slovakkja

L-użu u l-għarfien tal-Karta f’pajjiżek

Politiki tal-gvern li jippromwovu l-użu u l-għarfien tal-Karta fost il-leġiżlatur, l-amministrazzjoni, il-korpi tal-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura

Id-dokumenti li ġejjin jinkludu referenzi għall-Karta u għall-importanza tagħha f’termini ta’ leġiżlazzjoni internazzjonali u Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem.

Il-Karta tal-UE hija inkluża fil-Qafas tat-Taħriġ [koncepcia vzdelávania] tal-Akkademja Ġudizzjarja tar-Repubblika Slovakka [Justičná akadémia Slovenskej republiky]. Il-Qafas tat-Taħriġ tal-Akkademja Ġudizzjarja Slovakka (l-“Akkademja Ġudizzjarja”) huwa dokument li jispeċifika l-proċedura għar-rwol tal-Akkademja Ġudizzjarja fit-taħriġ tal-gruppi fil-mira speċifikati fl-Att Nru 548/2003 dwar l-Akkademja Ġudizzjarja, kif emendat, fil-Ministeru għall-Ġustizzja u fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali [Generálna prokuratúra Slovenskej republiky]. Bħala parti mit-tagħlim tul il-ħajja msemmi hawn taħt, dan ifisser taħriġ għall-imħallfin, l-assistenti mħallfin u l-uffiċjali ġudizzjarji fl-ispeċjalizzazzjoni u l-kompetenzi tagħhom.

• Il-Qafas tat-Taħriġ tal-Akkademja Ġudizzjarja tar-Repubblika Slovakka (effettiv mill-25 ta’ Settembru 2019)

  • huwa parti mit-tagħlim tul il-ħajja; id-dritt tal-UE huwa inkluż bħala parti minn “Kwistjonijiet kurrenti li jirrigwardaw l-applikazzjoni tad-dritt mill-qrati f’diversi oqsma tad-dritt”.
  • Il-perkors ta’ tagħlim jirrifletti x-xejriet kurrenti Ewropej. Huwa bbażat fuq it-tliet pilastri tal-edukazzjoni, l-osservanza tad-dritt u l-ġustizzja, u l-istat tad-dritt.
  • L-attivitajiet ta’ taħriġ jenfasizzaw id-diskussjonijiet f’panels, il-workshops u l-għarfien u l-esperjenza minn applikazzjoni prattika tad-dritt imwassla minn letturi Slovakki u internazzjonali. L-avvenimenti huma interattivi u jinkludu analiżi ta’ studji tal-każ u ta’ każijiet speċifiċi mid-dinja reali.

• Fil-qasam tad-dritt tal-UE u ta’ dak internazzjonali, issir enfażi fuq:

  • l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE mill-qrati nazzjonali, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-ġurisprudenza tal-qrati kostituzzjonali tal-Istati Membri tal-UE;
  • il-proċedura rigward id-domandi għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura għal deċiżjoni preliminari;
  • il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-UE – il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tal-2009 u l-użu tagħha fil-prattika (il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea);
  • il-kumpens għad-danni fil-kuntest tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;
  • il-liġi tal-konsumatur tal-UE
  • Il-liġi tax-xogħol tal-UE fis-suq uniku, speċjalment il-liġi kontra d-diskriminazzjoni u dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u s-sigurtà soċjali.

Għodod li jgħinu biex il-Karta u meta tapplika jinftiehmu aħjar

• għall-prattikanti (il-leġiżlatur, l-amministrazzjoni, l-infurzar tal-liġi, il-ġudikatura, il-ġuristi)

  • Pubblikazzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali; lista dettaljata hija pprovduta hawn taħt

• għaċ-ċittadini

  • Is-sit web dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri mħaddem mill-Ministeru għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u l-Familja tar-Repubblika Slovakka.
  • Skeda informattiva li fiha informazzjoni bażika dwar il-Karta
  • Id-drittijiet tiegħek fl-UE – sit web ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea

L-użu u l-promozzjoni ta’ għodod tal-Karta żviluppati minn pajjiżi oħrajn tal-UE jew minn partijiet ikkonċernati oħrajn fl-UE

Il-materjal varjat tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), huwa disponibbli mingħajr ħlas, ħafna minnu bis-Slovakk. Id-dokumenti u l-għodod fundamentali jinkludu:

Ir-Rapport dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-2019, Kapitolu 2 Il-Karta tad-Drittijiet fundamentali tal-UE u l-użu tagħha mill-Istati Membri

Iċ-Charterpedia hija għodda online li tipprovdi informazzjoni faċilment aċċessibbli dwar il-firxa sħiħa ta’ drittijiet fundamentali taħt l-artikoli differenti tal-Karta u tinkludi t-test sħiħ kif ukoll spjegazzjonijiet legali tal-artikoli individwali, ġurisprudenza Ewropea u nazzjonali relatata u pubblikazzjonijiet tal-FRA relatati. Hija disponibbli wkoll fil-forma ta’ app għall-apparati mobbli.

Hemm ukoll, pereżempju ir-Rapport tat-30 ta’ Jannar 2019 tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fil-qafas istituzzjonali tal-UE.

Kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati biex jippromwovu l-użu u l-għarfien tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE

Eżempji ta’ kooperazzjoni bejn id-difensuri tad-drittijiet u l-awtoritajiet nazzjonali li jikkontribwixxu għal għarfien aħjar u użu aħjar tal-Karta

• Pubblikazzjoni taċ-Ċentru Nazzjonali Slovakk għad-Drittijiet tal-Bniedem [Slovenské národné stredisko pre ľudské práva]: Gwida dwar Suġġetti tad-Drittijiet tal-Bniedem rigward is-Sħubija tar-Repubblika Slovakka fl-Unjoni Ewropea [Sprievodca ľudskoprávnymi témami súvisiacimi s členstvom Slovenskej republiky v Európskej únii]

• Siti web professjonali li jipprovdu informazzjoni dwar l-applikazzjoni prattika tad-dritt u artikoli ta’ esperti u akkademiċi

  • Is-sit web tal-Kamra tal-Avukati Slovakka [Slovenská advokátska komora] u tal-Kamra Slovakka tal-Konsulenti tat-Taxxa [Slovenská komora daňových poradcov]
  • Il-Bulettin tal-Kamra tal-Avukati Slovakka [Bulletin Slovenskej advokátskej komory]
  • Ġurnal online tal-professjoni legali fuq pravnelisty.sk
  • Is-sit web epravo.sk

Eżempji ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u d-dinja akkademika li jikkontribwixxu għal għarfien aħjar u użu aħjar tal-Karta

Din l-informazzjoni mhix disponibbli.

Eżempji ta’ inizjattivi nongovernattivi li jippromwovu l-użu u l-għarfien tal-Karta f’pajjiżek

  • Is-sit web taċ-Ċentru Legali Ewropew tal-EUROIURIS, assoċjazzjoni ċivika – Il-leġiżlazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u l-applikazzjoni tagħha fis-Slovakkja [Právna úprava ochrany ľudských práv v Európskej únii a v Rade Európy a ich aplikácia v podmienkach Slovenskej republiky].
  • Il-portal tal-aħbarijiet euractiv.sk li jiffoka fuq affarijiet tal-UE, speċjalment b’rabta mas-Slovakkja.
L-aħħar aġġornament: 27/02/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.