L-aħjar prattiki tal-Istati Membri dwar il-Karta

Svezja

Il-kontenut ipprovdut minn
Svezja

L-użu u l-għarfien tal-Karta f’pajjiżek

Politiki tal-gvern li jippromwovu l-użu u l-għarfien tal-Karta fost il-leġiżlatur, l-amministrazzjoni, il-korpi tal-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura

Fl-Istrateġija Nazzjonali tal-Gvern dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (“l-istrateġija dwar id-drittijiet tal-bniedem”, il-Komunikazzjoni tal-Gvern 2016/17:29), il-Gvern qies li kien hemm ħtieġa li tiġi evalwata l-applikazzjoni tal-Karta. Fl-2017, l-Università ta’ Uppsala kienet inkarigata li timmappja l-applikazzjoni tal-Karta. Parti mill-inkarigu kien li tenfasizza f’liema kawżi l-Karta tiġi applikata mill-qrati u kif, inkluż billi tiġi kkumpilata statistika dwar l-għadd ta’ sentenzi fejn ikun hemm referenza għall-Karta. L-analiżi, li ġiet ippreżentata fil-31 ta’ Diċembru 2017 u mwettqa f’konsultazzjoni mal-Amministrazzjoni Nazzjonali tal-Qrati (Domstolverket), fors oħrajn, uriet li diversi qrati kienu applikaw il-Karta f’għadd ta’ okkażjonijiet. Ġeneralment issir referenza għall-Karta meta l-kwistjoni tkun relatata mal-KEDB u/jew ma’ dritt ieħor tal-UE. Xi artikoli ġew applikati b’mod aktar wiesa’, jiġifieri l-prinċipju ta’ ne bis in idem (l-Artikolu 50) u drittijiet proċedurali oħra.

B’rabta mal-istrateġija tal-Gvern dwar id-drittijiet tal-bniedem (ara hawn fuq), l-Università ta’ Uppsala kienet inkarigata tħejji attivitajiet ta’ żvilupp tal-ħiliet għall-impjegati tal-istat. L-università toffri programmi ta’ taħriġ bla ħlas kemm online kif ukoll ospitati minn awtoritajiet individwali. Dawn jinkludu taħriġ dwar l-applikazzjoni tal-Karta.

L-Amministrazzjoni Nazzjonali tal-Qrati tikkontribwixxi għall-għarfien tal-applikazzjoni tal-Karta fl-Iżvezja permezz tal-bullettin dwar id-dritt tal-UE, li jinħareġ 10 darba fis-sena. L-għan ewlieni tal-bullettin huwa li jenfasizza u juri l-importanza tad-dritt tal-UE permezz ta’ monitoraġġ selettiv tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-monitoraġġ u r-rappurtar dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE mill-qrati Żvediżi. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ovvjament għandha rwol importanti fl-applikazzjoni tad-dritt tal-UE. Għalhekk ma hemm l-ebda dubju li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja taffettwa wkoll is-sustanza tad-drittijiet stabbiliti fil-Karta. F’dan il-kuntest, il-bullettin dwar id-dritt tal-UE, b’mod partikolari permezz tal-monitoraġġ tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, huwa għalhekk strument importanti mfassal biex iqajjem kuxjenza, fost il-persunal ikkonċernat fil-qrati Żvediżi u l-pubbliku ġenerali, tad-dritt tal-UE u b’hekk dwar id-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta. Il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha perspettiva wiesgħa ħafna tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-UE u b’hekk ukoll tal-Karta jenfasizza aktar l-importanza ta’ monitoraġġ kontinwu u gwida ġenerali fir-rigward ta’ dawk id-deċiżjonijiet li, mill-perspettiva tal-qrati Żvediżi, huma l-aktar importanti/deċiżivi fil-qasam tad-dritt tal-UE. Dan peress li dan huwa qasam tal-liġi dinamiku u li qed jevolvi b’mod kostanti.

Il-lista ta’ links legali dwar id-drittijiet tal-bniedem fis-sit tal-intranet tal-qrati Żvediżi tipprovdi informazzjoni dwar il-korpi, l-istituzzjonijiet u d-dokumenti u l-atti legali rilevanti kollha fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem. Billi tipprovdi din l-informazzjoni, l-Amministrazzjoni Nazzjonali tal-Qrati tiżgura li l-persunal tal-qrati Żvediżi jkollu aċċess adegwat u aġġornat kontinwament għal bażi tad-data li jkun fiha informazzjoni ewlenija dwar il-Karta kif ukoll leġiżlazzjoni rilevanti oħra dwar id-drittijiet tal-bniedem.

L-Akkademja Ġudizzjarja (Domstolsakademin) kif ukoll l-Unità tat-Tagħlim (Enheten för lärande) huma responsabbli għall-iżvilupp tal-ħiliet għall-impjegati tal-Qrati Żvediżi. Dan jinkludi taħriġ relatat mal-attività ġudizzjarja ta’ mħallfin maħtura, konsulenti tekniċi, skrivana relaturi, nutara, relaturi u avukati li jabbozzaw, kif ukoll taħriġ barra mill-attività ġudizzjarja. Il-korsijiet ta’ taħriġ ikopru firxa wiesgħa ta’ suġġetti bħal-liġi kriminali, il-liġi tal-familja, il-liġi proċedurali, il-liġi tal-art u dik ambjentali, il-liġi tat-taxxa, il-liġi tas-sigurtà soċjali, il-liġi dwar il-migrazzjoni u l-liġi proċedurali u l-liġi proċedurali amministrattiva. Barra minn hekk, jingħata taħriġ imfassal apposta għall-maniġers u l-amministraturi tal-qorti. Il-Karta hija indirizzata f’korsijiet ta’ taħriġ kemm direttament (permezz ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ dwar il-Karta nnifisha) kif ukoll indirettament (minsuġa fit-taħriġ meta l-Karta u l-perspettiva tad-drittijiet tal-bniedem huma rilevanti mas-suġġett tal-kors). Pereżempju, il-korsijiet għall-imħallfin futuri jinkludu rieżami tal-aspetti fundamentali tal-Karta u r-relazzjoni tagħha mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, inklużi l-artikoli, il-ġurisprudenza u l-kitba tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Il-parteċipanti jirċievu wkoll taħriġ dwar kif ifittxu fil-bażijiet tad-data tad-dritt tal-UE. Għall-imħallfin maħtura hemm, fost affarijiet oħra, kors ta' taħriġ online fid-dritt Ewropew li jindirizza l-Karta. Korsijiet f’suġġetti oħra, bħal-liġi kriminali u l-liġi proċedurali amministrattiva, inkludew ukoll referenzi għall-Karta. Il-Karta hija enfasizzata wkoll meta mħallfin maħtura u mħallfin li qed jitħarrġu jivvjaġġaw lejn l-Ewropa fuq żjarat ta’ studju. Dawn il-vjaġġi jinkludu żjarat lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-Karta hija inkluża f’għadd kbir ta’ korsijiet offruti lil impjegati oħra tal-qorti u lill-kategoriji kollha tal-persunal. Eżempji jinkludu l-kors ta’ induzzjoni għall-impjegati ġodda u korsijiet dwar kif wieħed jittratta lill-pubbliku, dwar il-midja, il-GDPR, l-użu tas-servizzi tal-interpreti u l-ugwaljanza kif ukoll il-pubbliċità u l-kunfidenzjalità.

Għodod li jgħinu biex il-Karta u meta tapplika jinftiehmu aħjar

  • għall-prattikanti (il-leġiżlatur, l-amministrazzjoni, l-infurzar tal-liġi, il-ġudikatura, il-ġuristi)
  • għaċ-ċittadini

L-użu u l-promozzjoni ta’ għodod tal-Karta żviluppati minn pajjiżi oħrajn tal-UE jew minn partijiet ikkonċernati oħrajn fl-UE

Il-manwal “Fundamental Rights Training for Border Guards” (Frontex, 2013), li jikkwota l-Karta bħala għodda biex jissaħħu r-rispett u l-kooperazzjoni reċiproċi, jintuża fit-taħriġ tal-Frontex għall-persunal tal-pulizija tal-fruntieri.

Kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati biex jippromwovu l-użu u l-għarfien tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE

Eżempji ta’ kooperazzjoni bejn id-difensuri tad-drittijiet u l-awtoritajiet nazzjonali li jikkontribwixxu għal għarfien aħjar u użu aħjar tal-Karta

Eżempji ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u d-dinja akkademika li jikkontribwixxu għal għarfien aħjar u użu aħjar tal-Karta

Kif imsemmi hawn fuq, l-Università ta’ Uppsala kienet inkarigata tħejji attivitajiet ta’ żvilupp tal-ħiliet għall-impjegati tal-istat. Bħala parti minn dan l-inkarigu, l-università toffri taħriġ operazzjonali lill-awtoritajiet pubbliċi. L-università tiżviluppa dan it-taħriġ f’konsultazzjoni mill-qrib mal-awtorità rilevanti. Aktar informazzjoni dwar it-taħriġ offrut mill-Università ta’ Uppsala tinsab fuq https://mr-forum.se/

Eżempji ta’ inizjattivi nongovernattivi li jippromwovu l-użu u l-għarfien tal-Karta f’pajjiżek

L-aħħar aġġornament: 26/10/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.