-
Mandat ta' arrest Ewropew
Il-Mandat ta’ Arrest Ewropew (MAE) huwa proċedura ġudizzjarja ta’ konsenja transfruntiera ssimplifikata – għall-fini ta’ prosekuzzjoni jew eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni. Mandat maħruġ minn awtorità ġudizzjarja ta’ pajjiż tal-UE huwa validu għat-territorju kollu tal-UE. Il-Mandat ta’ Arrest Ewropew ilu jopera mill-1 ta’ Jannar 2004. Dan issostitwixxa l-proċeduri twal ta’ estradizzjoni li kienu jeżistu bejn il-pajjiżi tal-UE.
-
Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea, assistenza legali reċiproka u Skwadri ta’ Investigazzjoni Konġunta
Din it-taqsima tagħti ħarsa ġenerali lejn id-dritt tal-UE dwar il-ġbir tal-provi, il-forniment ta’ assistenza legali reċiproka u t-twaqqif ta’ Skwadri ta’ Investigazzjoni Konġunta (SIK) f’każijiet transfruntiera.
-
Detenzjoni u trasferiment ta’ priġunieri
L-UE tgħin biex jiġu riabilitati l-priġunieri billi tippermettilhom li jiskontaw is-sentenza tagħhom fil-pajjiż ta' appartenenza tagħhom. Biex tagħmel dan, hija fasslet sistema għat-trasferiment tal-priġunieri lura lejn il-pajjiż tal-UE li jiġu minnu, dak li normalment jgħixu fih jew li miegħu għandhom rabtiet mill-qrib.
-
Konfiska
Il-konfiska tar-rikavat minn attività kriminali ilha meqjusa għal ħafna żmien fl-Unjoni Ewropea bħala waħda mill-aktar għodod effettivi fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Il-konfiska tolqot ir-raġuni ewlenija tal-eżistenza tal-organizzazzjonijiet kriminali, jiġifieri l-massimizzazzjoni tal-profitt b’mezzi illeċiti. Il-konfiska tfisser deċiżjoni ġudizzjarja finali li tirriżulta fiċ-ċaħda definittiva mill-proprjetà.
-
L-iffriżar tal-assi u provi
L-iffriżar tal-proprjetà jew evidenza fl-Unjoni Ewropea tista' tkun meħtieġa biex dawn ikunu jistgħu jintużaw fi proċess kriminali jew fid-dawl tal-konfiska tagħhom. Dan jista' jsir abbażi tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill li tistabbilixxi r-regoli li skonthom Stat Membru għandu jagħraf u jwettaq fit-territorju tiegħu mandat għall-iffriżar maħruġ minn awtorità ġudizzjarja ta' Stat Membru ieħor fil-qafas ta' proċedimenti kriminali.
-
Ħlas ta’ multi
Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jkopri wkoll l-eżekuzzjoni ta' pieni finanzjarji f'kawżi transfruntiera billi l-eżekuzzjoni ta' dawn il-pieni tkun iffaċilitata fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat fejn ġew imposti l-pieni.
-
Ordni Ewropea ta’ Protezzjoni
Il-protezzjoni ġudizzjarja li tingħata lill-vittma ta’ vjolenza u fastidju tista’ tiġi eżegwita f’pajjiżi oħra tal-UE.