- 1 It-tipi ta’ reġistri li jeżistu fl-Istat Membru, li jinkludu informazzjoni rilevanti għas-suċċessjonijiet
- 2 Informazzjoni li tinsab f’kull wieħed mir-reġistri tal-Istat Membru, kif elenkat taħt il-punt 1
- 3 Id-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji
- 4 Id-disponibbiltà ta’ reġistru tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali
- 5 Reġistri oħra b’informazzjoni rilevanti għas-suċċessjonijiet
- 6 Id-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar testmenti sigrieti u testmenti mhux soġġetti għar-reġistrazzjoni
Sib informazzjoni għal kull reġjun
1 It-tipi ta’ reġistri li jeżistu fl-Istat Membru, li jinkludu informazzjoni rilevanti għas-suċċessjonijiet
- Reġistru tal-Artijiet Unifikat Kompjuterizzat tal-Istat
- Reġistri ta’ status ċivili
- Reġistru tal-proprjetà matrimonjali
- Reġistru tat-testmenti pubbliċi
- Reġistru tal-imrpiżi
- Reġistru tal-kontijiet
2 Informazzjoni li tinsab f’kull wieħed mir-reġistri tal-Istat Membru, kif elenkat taħt il-punt 1
1. Ir-Reġistru tal-Artijiet Unifikat Kompjuterizzat tal-Istat jirreġistra l-proprjetajiet immobbli u drittijiet relatati. Ir-Reġistru tal-Artijiet Kompjuterizzat huwa bażi tad-data elettronika li taħżen reġistri tal-artijiet, kotba tar-rekords u indiċijiet alfabetiċi fuq terminu twil mingħajr emendi, u li tippermetti li din id-data tiġi murija fuq skrin tal-kompjuter u stampata. Ir-Reġistru tal-Artijiet Kompjuterizzat jaħżen dokumenti elettroniċi u dokumenti li nkisbu elettronikament minn verżjonijiet ta’ dokumenti inklużi f’każijiet relatati mal-proprjetà immobbli.
Dettalji tal-kuntatt:
https://www.zemesgramata.lv/saturs/lv/39-6-6
https://www.ta.gov.lv/lv/iestades-kontakti
https://www.ta.gov.lv/lv/iestades-kontakti
Ir-Reġistru tal-Artijiet Unifikat Kompjuterizzat tal-Istat huwa bażi tad-data ċentralizzata.
L-entrati fir-Reġistru tal-Artijiet kompjuterizzat jistgħu jiġu kkonsultati liberament u jistgħu jintalbu estratti jew kopji permezz ta’ konnessjoni diretta. L-informazzjoni tista’ tintalab billi jiġi speċifikat in-numru tal-entrata, in-numru kastastali tal-proprjetà, l-isem tal-proprjetà jew l-indirizz ta’ oġġett li jifforma parti mill-proprjetà. L-estratt tal-entrata jista’ jiġi aċċessat ladarba t-taqsimiet kollha tal-entrata tar-reġistru tal-artijiet ikunu ġew aġġornati.
Din l-informazzjoni tista’ tinkiseb mill-qrati distrettwali (tal-belt), jew tista’ tiġi pprovduta mill-kustodju tar-Reġistru tal-Artijiet Unifikat Kompjuterizzat tal-Istat.
Il-kotba ta’ rekords kompjuterizzati, id-dettalji ta’ każijiet ta’ proprjetà immobbli u l-indiċi tal-individwi jew l-informazzjoni li tinkiseb minnhom jistgħu jiġu kkonsultati biss mis-sidien ta’ proprjetà u persuni li għandhom drittijiet proprjetarji (Artikolu 1477 tal-Liġi Ċivili). Il-lista ta’ uffiċjali ta’ istituzzjonijiet tal-Istat li l-informazzjoni inkwistjoni tista’ tintbagħat lilhom mill-kustodju tar-Reġistru tal-Artijiet Unifikat Kompjuterizzat tal-Istat biex jiġu ssodisfatti l-ħtiġijiet uffiċjali, flimkien mal-volum tal-informazzjoni inkwistjoni u l-mod kif l-informazzjoni tista’ tiġi pprvoduta, huma stabbiliti mill-Kabinett. Din l-informazzjoni tista’ tintbagħat lil individwi oħra bl-awtorizzazzjoni tal-President ta’ qorti distrettwali (tal-belt), fejn l-informazzjoni inkwistjoni tkun meħtieġa għall-protezzjoni ta’ drittijiet ta’ individwi li jistgħu jkunu ġew miksura jew ikkontestati, jew ta’ interessi protetti mil-liġi.
Il-lista ta’ uffiċjali ta’ istituzzjonijiet tal-Istat li l-informazzjoni inkwistjoni tista’ tintbagħat lilhom mill-kustodju tar-Reġistru tal-Artijiet Unifikat Kompjuterizzat tal-Istat biex jiġu ssodisfatti l-ħtiġijiet uffiċjali, flimkien mal-volum tal-informazzjoni inkwistjoni u l-mod kif l-informazzjoni tista’ tiġi pprvoduta, huma stabbiliti mill-Kabinett. Din l-informazzjoni tista’ tintbagħat lil individwi oħra bl-awtorizzazzjoni tal-President ta’ qorti distrettwali (tal-belt), fejn l-informazzjoni inkwistjoni tkun meħtieġa għall-protezzjoni ta’ drittijiet ta’ individwi li jistgħu jkunu ġew miksura jew ikkontestati, jew ta’ interessi protetti mil-liġi.
L-istituzzjoni li li tieħu ħsieb ir-reġistru, skont il-leġiżlazzjoni, tista’ wkoll tibgħat ammont speċifikat ta’ informazzjoni lil istituzzjoni oħra tal-Istat.
Istituzzjoni tista’ tirrifjuta li tibgħat din l-informazzjoni lil istituzzjoni oħra tal-Istat jekk dan ma jkunx kompatibbli mar-Regolament Nru 801 tal-Kabinett.
L-informazzjoni għandha tintalab u tintbagħat fil-lingwa tal-Istat (il-Latvjan) bl-użu ta’ email, l-indirizz elettroniku jew bil-posta.
L-informazzjoni tintbagħat skont it-talba speċifika (l-ammissibbiltà tiġi ddeterminata mill-president tal-qorti).
Sabiex tiġi rreġistrata bidla ta’ sjieda ta’ proprjetà rreġistrata bħala riżultat ta’ suċċessjoni, għandha tintbagħat talba għal konferma ċċertifikata minn nutar flimkien ma’ dokumenti li jikkonfermaw il-bidla fis-sjieda (ċertifikat ta’ suċċessjoni, testment, ċertifikat tal-mewt). Id-dokumenti għandhom ikunu bil-Latvjan jew għandhom ikunu akkumpanjati minn traduzzjoni ċċertifikata minn nutar. Peress li kull każ huwa differenti, l-imħallef inkarigat mill-proċedura investigattiva jista’ wkoll jeħtieġ dokumentazzjoni addizzjonali.
Sabiex l-awtorità ta’ reġistrazzjoni tkun tista’ tidentifika l-proprjetà rreġistrata u tirreġistra l-bidla fis-sjieda permezz ta’ suċċessjoni, id-data ta’ identifikazzjoni tal-proprejtà pprovduta fit-talba għal konferma, inkluża l-portata tad-drittijiet tal-proprjetà biex jiġu kkonfermati, għandha tkun ikkompletata.
Ir-Reġistru tal-Artijiet Unifikat Kompjuterizzat tal-Istat huwa l-uniku reġistru tal-artijiet li jinkludi informazzjoni rrikonoxxuta legalment. Ir-reġistri tal-artijiet huma aċċessibbli universalment u l-entrati tagħhom għandhom l-istatus ta’ rekords uffiċjali.
2. Reġistri tal-istat ċivili ir-Repubblika tal-Latvja għandha sistema ta’ informazzjoni tal-Istat unifikata, ir-Reġistru ta’ persuni fiżiċi (iktar ’il quddiem l-“FPR”). Skont l-Artikolu 2(1) tal-Liġi dwar ir-Reġistru ta’ Persuni Fiżiċi, l-FPR huwa sistema ta’ informazzjoni tal-Istat li taħżen informazzjoni ristretta u li hija kkontrollata mill-Uffiċċju taċ-Ċittadinanza u Affarijiet relatati mal-Migrazzjoni (il-“PMLP”) li jieħu ħsiebha wkoll. Skont l-Artikolu 4(1) u (11) tal-Liġi dwar ir-Reġistru ta’ Persuni Fiżiċi, l-FPR jinkludi dettalji aġġornati ta’ ċittadini Latvjani, persuni mhux ċittadini Latvjani u barranin. L-FPR jaġġorna u jġedded dettalji ta’ entrati fir-rekords ta’ status ċivili. Madankollu, skont l-Artikolu 7(1) tal-Liġi dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Atti ta’ Status Ċivili, id-dettalji ta’ żwiġijiet kuntrattati, u ta’ twelid u mwiet irreġistrati, huma inklużi, aġġornati u mġedda fl-FPR mill-uffiċċju ta’ reġistrazzjoni.
Dettalji ta’ kuntatt:
https://www.pmlp.gov.lv/lv/pakalpojumi/fizisko-personu-registrs
Il-Latvja ma għandhiex sistemi ta’ informazzjoni reġjonali separati għall-ħżin ta’ dettalji ta’ entrati f’reġistri tat-twelid, taż-żwiġijiet u tal-imwiet, kif jipprevedi l-Artikolu 7(1) tal-Liġi dwar ir-reġistrazzjoni ta’ atti ta’ status ċivili. Id-dettalji ta’ żwiġijiet kuntrattati, u ta’ twelid u mwiet irreġistrati, huma inklużi, aġġornati u mġedda fl-FPR.
Skont l-Artikolu 9(1) u (2) tal-Liġi dwar ir-reġistrazzjoni ta’ atti ta’ status ċivili, l-istituzzjoni tar-Reġistru Ġenerali tipprepara printout minn kompjuter ta’ entrata fir-reġistru tal-atti ta’ status ċivili wara li tinkludi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1) ta’ din il-liġi fl-FPR. Il-printout minn kompjuter tiġi ffirmata minn uffiċjal jew impjegat tal-istituzzjoni tar-Reġistru Ġenerali u mill-persuna li l-estratt tal-entrata fir-reġistru tal-atti ta’ status ċivili tirreferi għaliha, jew mill-persuna li tinnotifika l-avveniment, u tiġi approvata b’siġill li jġorr l-arma tal-Istat.
Skont l-Artikolu 43(2) tal-Liġi dwar ir-reġistrazzjoni ta’ atti ta’ status ċivili, l-uffiċċju ta’ reġistrazzjoni li jirreġistra l-atti ta’ status ċivili inkwistjoni jżomm l-entrati f’reġistri ta’ atti ta’ status ċivili f’forma stampata għal 100 sena, imbagħad jittrasferiihom lill-Arkivji Nazzjonali tal-Latvja.
Peress li ma hemm ebda reġistri reġjonali fil-Latvja, dokumenti li jattestaw ir-reġistrazzjoni ta’ atti ta’ status ċivili fl-FPR jistgħu jinħarġu minn kwalunkwe uffiċċju ta’ reġistrazzjoni lokali (iktar ’il quddiem “uffiċċju ta’ reġistrazzjoni”), minn rappreżentanza diplomatika u konsulari tar-Repubblika tal-Latvja barra mill-pajjiż (iktar ’il quddiem “rappreżentanza”) u mill-Ministeru għall-Ġustizzja fi ħdan il-qafas tal-kompetenza tiegħu.
L-FPR jinkludi informazzjoni ristretta. Tista’ tinkiseb informazzjoni dwar entrati f’reġistri ta’ atti ta’ status ċivili minn persuni skont id-dispożizzjonijiet regolatorji stabbiliti fil-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Atti ta’ Status Ċivili.
Skont id-dispożizzjonijiet tat-taqsimiet segwenti tal-Artikolu 6 tal-Liġi dwar ir-Reġsitrazzjoni ta’ Atti ta’ Status Ċivili:
- paragrafu 4 - id-dritt ta’ aċċess għal entrata fir-reġistru taż-żwiġijiet u sabiex jintalab ċertifikat taż-żwieġ, estratt li jixhed għar-reġistrazzjoni ta’ żwieġ jew kopja tal-entrata fir-reġistru taż-żwiġijiet, li għandhom igawdu minnu l-persuna li l-entrata tkun saret fir-rigward tagħha, jew persuna awtorizzata minnha. Jekk iż-żwieġ jiġi tterminat bil-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi jew id-dikjarazzjoni tal-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi, l-istituzzjoni tar-Reġistru Ġenerali jew il-Ministeru għall-Ġustizzja għandhom joħorġu estratt li jixhed għar-reġistrazzjoni taż-żwieġ skont l-entrata fir-reġistru taż-żwieġ.
- paragrafu 5 - id-dritt ta’ aċċess għal entrata fir-reġistru taż-żwiġijiet (apparti entrata fir-reġistru dwar l-adozzjoni) u li jintalab ċertifikat tat-twelid, ċeritifikat tar-reġistrazzjoni tat-twelid jew kopja tal-entrata fir-reġistru tat-twelid, li għandhom igawdu minnu l-persuna li l-entrata tkun saret fir-rigward tagħha, jew persuna awtorizzata minnha. Id-dritt ta’ aċċess ta’ minuri għal entrata fir-reġistru tat-twelid u biex jintalab ċertifikat tat-twelid, ċertifikat tar-reġistrazzjoni ta’ twelid jew kopja tal-entrata fir-reġistru tat-twelid li għandhom igawdu minnu l-ġenituri jew ir-rappreżentanti legali tal-wild.
- paragrafu 6 - id-dritt ta’ aċċess ta’ persuna adottata maġġorenni għal entrata fir-reġistru tat-twelid u biex jintalab ċertifikat tat-twelid, ċertifikat tar-reġistrazzjoni tat-twelid jew kopja tal-entrata fir-reġistru tat-twelid, li għandhom igawdu minnu l-persuna li l-entrata tkun saret fir-rigward tagħha, jew persuna awtorizzata minnha. Id-dritt ta’ aċċess ta’ minuri adottat għal entrata fir-reġistru tat-twelid u sabiex jintalab ċertifikat tat-twelid, ċertifikat tar-reġistrazzjoni ta’ twelid jew kopja tal-entrata fir-reġistru tat-twelid li għandhom igawdu minnu l-parti li tadotta, ir-rappreżentanti legali tal-wild jew persuna awtorizzata minnhom.
- paragrafu 7 - id-dritt ta’ aċċess għal entrata fir-reġistru tal-imwiet u li jintalab ċertifikat tal-mewt, id-dikjarazzjoni ta’ reġistrazzjoni ta’ mewt jew kopja ta’ entrata fir-reġistru tal-imwiet, li għandhom igawdu minnu l-qarib tal-persuna deċeduta jew persuna awtorizzata minnha.
- paragrafu 8 - persuni oħra jistgħu jitolbu u jiksbu ċertifikat tar-reġistrazzjoni ta’ dokument ta’ stat ċivili jekk jistgħu jippruvaw l-interess leġittimu tagħhom.
L-FPR huwa ġestit mill-PMLP.
L-Artikolu 2(2) tal-Liġi dwar ir-Reġistru ta’ Persuni Fiżiċi jistipula liema istituzzjonijiet jistgħu, fil-limitu tal-kompetenza tagħhom, jaġġornaw u jiżvelaw dettalji tal-FPR. Dokumenti ta’ status ċivili (estratti jew ċertifikati) relatati mar-reġistrazzjoni ta’ twelid, żwiġijiet jew imwiet jistgħu jinħarġu minn uffiċċji ta’ reġistrazzjoni, rappreżentanzi u l-Ministeru għall-Ġustizzja, jekk ir-rekord jitfassal minn uffiċċju ta’ reġistrazzjoni jew rappreżentanza Latvjani.
Skont l-Artikolu 6(9) tal-Liġi dwar ir-reġistrazzjoni ta’ atti ta’ status ċivili, kopja tal-entrata fir-reġistru tal-atti ta’ status ċivili għandha tiġi magħmula disponibbli lill-qrati, lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali, lil awtorità investigattiva, il-Ministeru tal-Ġustizzja, l-istituzzjoni tar-Reġsitru Ġenerali, il-qorti tal-familja u nutara fuq talba.
L-uffiċċji ta’ reġistrazzjoni, rappreżentanzi jew il-Ministeru għall-Ġustizzja jistgħu joħorġu dokumenti li jattestaw l-istatus ċivili minn entrati tar-reġistru mfassla minn istituzzjonijiet tar-Reġistru Ġenerali Latvjani fl-aħħar 100 sena. Skont l-Artikolu 43(2) tal-Liġi dwar ir-reġistrazzjoni ta’ atti ta’ status ċivili, l-uffiċċju ta’ reġistrazzjoni li rreġistra l-atti ta’ status ċivili inkwistjoni jżomm l-entrati f’reġistri ta’ atti ta’ status ċivili f’forma stampata għal 100 sena, imbagħad jittrasferiihom lill-Arkivji Nazzjonali tal-Latvja.
Skont il-Kapitolu XI dwar il-ħruġ mill-ġdid tad-dokumenti li jattestaw ir-reġistrazzjoni ta’ atti ta’ status ċivili tar-Regolament tal-Kabinett Nru 761 tat-3 ta’ Settembru 2013 dwar ir-reġistri ta’ atti ta’ status ċivili, applikazzjonijiet ippreżentati għandhom jindikaw is-segwenti:
- ir-raġuni għaliex id-dokument jeħtieġ li jinħareġ mill-ġdid;
- skont it-tip ta’ dokument li jeħtieġ li jinħareġ mill-ġdid, id-data u l-post taż-żwieġ, id-divorzju, it-twelid jew il-mewt, u l-post u s-sena ta’ reġistrazzjoni tal-entrata fir-reġistru;
- id-data personali tal-individwi li l-ħruġ mill-ġdid tad-dokument huwa mitlub fir-rigward tagħhom.
Jekk jintalbu ċertifikati għar-reġistrazzjoni taż-żwieġ jew tat-twelid ta’ individwu mejjet, huwa meħtieġ li tiġi ppreżentata prova li l-individwu huwa mejjet (ċertifikat tal-mewt jew kopja ċċertifikata tiegħu, jew dokument ieħor b’forza legali li jattesta l-mewt tal-individwu inkwistjoni). Jekk id-dettalji tar-reġistrazzjoni tat-twelid, taż-żwieġ jew tal-mewt ta’ persuna deċeduta jintalbu minn persuna li mhijiex il-qariba tal-persuna deċeduta, għandhom jiġu ppreżentati dokumenti li jattestaw interes leġittimu. Jekk id-dettalji jintalbu minn qarib tal-persuna deċeduta, għandhom jiġu prodotti kopji li jattestaw il-parentela.
Jenħtieġ li istituzzjonijiet u persuni ġuridiċi preferibbilment jagħmlu talba bl-użu ta’ formola uffiċjali.
Individwi privati jistgħu jfasslu t-talbiet tagħhom b’kitba ħielsa, bl-għoti tad-dettalji ta’ kuntatt tagħhom (indirizz, email, numru tat-telefown).
Jekk neċessarju, l-applikazzjoni jenħtieġ li tinkludi kopji ċċertifikati ta’ dokumenti oħra. Jekk xi dokumenti jitfasslu f’pajjiżi terzi, id-dokumenti annessi għandhom ikunu debitament legalizzati u tradotti għal-Latvjan jew l-Ingliż.
Sabiex talba tintbagħat lil istituzzjoni permezz tal-indirizz elettroniku uffiċjali tagħha jew sabiex email tiġi aċċettata għal eżami, din għandha tiġi ffirmata elettronikament b’firma elettronika ASICE li tista’ tinqara fl-Unjoni Ewropea jew mezz ta’ awtentikar elettoniku li huwa rrikonoxxut fl-Unjoni Ewropea.
Jekk ma jkunx possibbli li l-applikazzjoni u d-dokumenti annessi jiġu ċċertifikati permezz tal-mezzi ta’ awtentikar elettoniku msemmija iktar ’il fuq, it-talba bil-miktub, debitament iffirmata mill-uffiċjal kompetenti jew individwu privat, għandha tintbagħat lid-destinatarju bil-posta.
L-informazzjoni tista’ tintalab bil-Latvjan jew bl-Ingliż.
Skont l-Artikolu 47(1) tal-Liġi dwar ir-reġistrazzjoni ta’ atti ta’ status ċivili, uffiċċju ta’ reġistrazzjoni, rappreżentanza jew il-Ministeru għall-Ġustizzja, joħorġu d-dokumenti segwenti li jattestaw ir-reġistrazzjoni ta’ atti ta’ status ċivili fuq il-bażi tal-entrati fir-reġistri ta’ status ċivili:
- ċertifikat taż-żwieġ, tat-twelid jew tal-mewt;
- estratt li jattesta r-reġistrazzjoni ta’ att ta’ status ċivili;
- entrata fir-reġistru ta’ atti ta’ status ċivili miżmuma mill-istituzzjoni inkwistjoni fil-forma ta’ karta (kopja);
- printout minn kompjuter ta’ entrata fir-reġistru ta’ atti ta’ status ċivili.
Fejn id-dokumenti jintalbu minn awtorità pubblika għat-twettiq tal-attivitajiet tagħha stess, id-dokumenti jinħarġu bla ħlas. Partijiet oħra għandhom jagħmlu ħlas ta’ servizz jew miżata tal-Istat. L-ammont tal-ħlas ta’ servizz għandu jiġi ddeterminat mill-iskeda ta’ miżati ta’ servizzi ta’ kull uffiċċju ta’ reġistrazzjoni, rappreżentanza jew il-Ministeru għall-Ġustizzja. Il-ħlas ta’ servizz jew il-miżata tal-Istat jistgħu jsiru permezz ta’ kwalunkwe bank bħala intermedjarju.
Skont l-Artikolu 46(1) tal-Liġi dwar ir-reġistrazzjoni ta’ atti ta’ status ċivili, l-entrati tar-reġistru ta’ status ċivili fl-FPR u fil-forma ta’ karti u d-dokumenti li jattestaw ir-reġistrazzjoni maħruġa fuq il-bażi tagħhom jipproduċu prova ta’ kunttrattazzjoni ta’ żwieġ, ir-reġistrazzjoni ta’ twelid jew mewt jew dettalji oħra murija fl-entrati ta’ reġistri ta’ atti ta’ status ċivili.
3. Ir-reġistru tal-proprjetà matrimonjali. Ir-reġistru tal-proprjetà matrimonjali jirreġistra l-kuntratti ta’ żwieġ kuntrattati minn raġel u mara Kuntratt ta’ żwieġ huwa tranżazzjoni legali, jew tip speċjali ta’ kuntratt, li permezz tiegħu l-partijiet - konjuġi - jistabbilixxu, jemendaw jew jitterminaw is-sistema tal-proprjetà matrimonjali tagħhom billi jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u l-possibbiltajiet offruti lilhom mil-liġi biex jiddeterminaw is-sistema ta’ proprejtà tagħhom.
4. Ir-reġistru tat-testmenti pubbliċi huwa kkontrollat mill-Kunsill Latvjan ta’ nutara ċertifikati [Latvijas Zvērinātu notāru padome] li jieħu ħsiebu wkoll. Data fir-reġistru tat-testmenti pubbliċi rigward l-atti msemmija tal-aħħar testment magħmul mid-data li fiha r-reġistru tat-testmenti pubbliċi sar operazzjonali tikkostitwixxi rekord uffiċjali. Data fir-reġistru tat-testmenti pubbliċi rigward atti tal-aħħar testment magħmul sad-data li fiha r-reġistru tat-testmenti pubbliċi sar operazzjonali hija informattiva bħala natura. L-operazzjoni ta’ dan ir-reġistru hija rregolata minn Regolament tal-Kabinett. Għal darba oħra, dan ir-reġistru huwa unifikat, jiġifieri ma jikkonsistix minn reġistri reġjonali.
Dettalji ta’ kuntatt:
https://www.latvijasnotars.lv/services
L-ħruġ tad-data mir-reġistru tat-testmenti pubbliċi fil-każijiet speċifikati mir-Regolament tal-Kabinett huwa servizz suġġett għal ħlas. L-ammont tal-miżata għall-ħruġ tad-data mir-reġistru tat-testmenti pubbliċi, il-proċedura tal-ħlas u l-eżenzjonijiet mill-ħlas tagħha huma stabbiliti mill-Kabinett.
Ir-Reġistru tat-testmenti pubbliċi jinkludi d-dettalji ta’
- id-dokumenti li jinkludu l-aħħar testment (iktar ’il quddiem id-“dokumenti”) - testmenti pubbliċi, dokumenti ta’ aċċettazzjoni ta’ żamma fis-sigur ta’ testmenti privati, kuntratti ta’ suċċessjoni u tranżazzjonijiet oħra pubblikament attestati li jinkludu struzzjonijiet fil-każ ta’ mewt;
- dokumenti li jħassru, jemendaw, jissupplimentaw jew jirrevokaw l-aħħar testment;
- Informazzjoni mitluba mir-reġistru.
Informazzjoni minn dan ir-reġistru dwar dokumenti u fejn jinsabu hija pprovduta mill-Kunsill Latvjan ta’ Nutara Ċertifikati. Konsegwentement, il-kontenut ta’ testment mhuwiex disponibbli u jista’ jiġi aċċessat biss minn nutar ċertifikat b’rabta ma’ każ ta’ suċċessjoni.
Informazzjoni dwar dettalji inklużi fir-reġistru matul il-ħajja tat-testatur jistgħu jiġu aċċessati biss mit-testatur u mill-Kunsill.
Wara l-mewt tat-testatur, l-informazzjoni dwar id-dettalji inklużi fir-reġistru tista’ tinkiseb biss minn nutara ċertifikati, il-qrati, u l-korpi tal-gvern ċentrali u lokali sabiex jassistuhom fix-xogħol tagħhom, jew minn persuni oħra.
Informazzjoni dwar dettalji inklużi fir-reġistru tista’ tintbagħat lit-testatur, lill-kunsill u lil korpi tal-gvern ċentrali u lokali biex tassistihom fix-xogħol tagħhom, u lil persuni oħra, fuq il-bażi ta’ talba elettronika jew miktuba li tindika l-ħtieġa li tinkiseb l-informazzjoni.
Informazzjoni dwar dettalji inklużi fir-reġistru tintbagħat elettronikament jew bil-miktub lit-testatur, lill-korpi tal-gvern ċentrali jew lokali biex tassistihom fix-xogħol tagħhom, u lil persuni oħra, mhux iktar minn 10 ijiem wara li tiġi rċevuta talba.
Bħala parti mill-proċeduri tas-suċċessjoni, informazzjoni dwar dettalji inklużi fir-reġistru tintbagħat lil persuni li mhumiex nutara ċertifikati, il-qrati jew il-korpi tal-gvern ċentrali u lokali min-nutar ċertifikat inkarigat mill-proċeduri tas-suċċessjoni.
Nutara ċertifikati u qrati jirċievu informazzjoni dwar dettalji inklużi fir-reġistru permezz tas-sistema ta’ trażmissjoni tad-data online.
Għall-ħruġ ta’ dettalji mir-reġistru ta’ testmenti pubbliċi huma pagabbli l-miżati segwenti:
- għal estratt ippreparat bil-miktub jew elettronikament skont il-leġiżlazzjoni dwar l-abbozzar, il-preżentazzjoni u ċ-ċirkolazzjoni ta’ dokumenti elettroniċi (għal kull testatur) – EUR 8,54;
- jekk l-estratt jinkludi informazzjoni dwar iktar minn testatur wieħed, apparti l-ħlas imsemmi fis-subparagrafu 3.1, miżata ta’ EUR 4,27 tiġi imposta għal kull testatur addizzjonali (ibda mit-tieni wieħed).
Jekk il-parti rikjedenti titlob biex l-estratt jintbagħat f’inqas minn 10 ijiem mid-data tal-irċevuta tat-talba, il-miżata għandha tiżdied kif ġej:
- b’fattur ta’ tnejn, jekk l-estratt jintbagħat f’ħamest ijiem;
- b’fattur ta’ erbgħa jekk l-estratt jintbagħat f’ġuranta.
Il-miżata tiżdied b’50 % jekk l-estratt jiġi abbozzat b’lingwa barranija.
Il-miżata għall-ħruġ tal-estratti mir-reġistru tat-testmenti pubbliċi titħallas fil-kont kurrenti tal-Kunsill ta’ Nutara Ċertifikati jew tista’ titħallas bi flus kontanti fl-uffiċċji tal-Kunsill qabel l-irċevuta tad-dettalji inkwistjoni.
Is-segwenti huma eżentati mill-ħlas tal-miżata għall-ħruġ ta’ dettalji mir-reġistru tat-testmenti pubbliċi:
- il-persuni u l-istituzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 7 ta’ dan ir-Regolament;
- partijiet interessati li jiksbu informazzjoni tar-reġistru fi proċeduri ta’ suċċessjoni;
- persuni fiżiċi (testaturi), li jistgħu jiksbu informazzjoni dwarhom infushom darba f’sena.
5. F'konformità mal-Artikolu 1(1) tal-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Impriżi tar-Repubblika tal-Latvja, il-funzjonijiet tar-Reġistru tal-Impriżi huma li jwettaq ir-reġistrazzjoni ta’ operaturi kummerċjali u l-fergħat tagħhom, rappreżentanzi ta’ operaturi kummerċjali u organizzazzjonijiet barranin u rappreżentanti tagħhom, soċjetajiet kooperattivi, Gruppi tal-Interess Ekonomiku Ewropew, kumpaniji kummerċjali Ewropej, soċjetajiet kooperattivi Ewropej, partiti politiċi u alleanzi tagħhom, amministraturi, entitajiet insolventi, żviluppi fil-protezzjoni legali u proċeduri ta’ insolvenza, żviluppi fir-rilaxx ta’ persuna fiżika mir-responsabbiltajiet ta’ djun, assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet, organizzazzjonijiet reliġjużi u l-istituzzjonijiet tagħhom, trade unions, midja, influwenza deċiżiva, wegħdiet kummerċjali, relazzjonijiet ta’ proprjetajiet bejn konjuġi u qrati ta’ arbitraġġ, sabiex jiġi żgurat li r-reġistri rilevanti jiġu miżmuma u sabiex jiġi żgurat li tinżamm lista ta’ persuni u istituzzjonijiet pubbliċi u li informazzjoni dwar il-persuni u l-istituzzjonijiet pubbliċi mdaħħla fih tkun disponibbli. Informazzjoni kruċjali għall-proċeduri ta’ suċċessjoni miżmuma fir-reġistri operati mir-Reġistru tal-Impriżi hija dwar parteċipanti f’entitajiet legali u s-sidien, membri u sidien benefiċjarji tagħhom.
Indirizz postali tar-Reġistru tal-Impriżi: Pērses iela 2, Rīga, LV-1011 Tel. 67031703; L-indirizz elettroniku uffiċjali huwa pasts@ur.gov.lv. Web: https://www.ur.gov.lv/lv/
Ir-Reġistru tal-Impriżi tal-Latvja huwa istituzzjoni ċentralizzata.
Ir-Reġistru tal-Impriżi jipprovdi l-informazzjoni u d-dokumenti inklużi fit-taqsima pubblika tar-reġistru bla ħlas permezz tat-trażmissjoni tad-data online (inkluż tniżżil massiv). Dokumenti u dettalji oħra huma inklużi fit-taqsima mhux pubblika tar-reġistru. Dan ifisser li l-informazzjoni maħżuna fir-Reġistru hija maqsuma f’żewġ partijiet - pubblika u ristretta.
L-informazzjoni u d-dokumenti inklużi fil-parti mhux pubblika tar-reġistru huma ristretti, u jistgħu jiġu aċċessati liberament għall-għanijiet tat-twettiq tal-inkarigi previsti fil-leġiżlazzjoni mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, l-Unità tal-Intelliġenza Finanzjarja u l-korpi ta’ sorveljanza u ta’ kontroll li joperaw fil-qasam tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u l-proliferazzjoni, u minn istituzzjonijiet oħra soġġetti għall-preżentata ta’ talba ġustifikata. Informazzjoni u dokumenti fit-taqsima mhux pubblika tar-reġistru jistgħu jintalbu minn persuni privati skont il-proċedura għat-talba ta’ informazzjoni ristretta stabbilita fil-Liġi dwar il-libertà tal-informazzjoni.
Fuq it-talba tas-Saiema [il-Parlament Latvjan], il-Kabinett tal-Ministri, l-istituzzjonijiet taħt il-kontroll dirett tal-Istat, il-korpi tal-infurzar tal-liġi u tal-kontroll u l-awtoritajiet lokali, fuq it-talba ta’ kwalunkwe istituzzjoni oħra tal-Istat li tgawdi tali dritt statutorju, u fuq it-talba ta’ uffiċjali ġudizzjarji għat-twettiq tal-inkarigi tagħhom, ir-Reġistru tal-Impriżi jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa mir-reġistri bla ħlas, fi ħdan il-limiti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni. Ir-Reġistru tal-Impriżi jibgħat lil dawn il-korpi kwalunkwe informazzjoni mitluba li huwa jżomm fir-reġistri tiegħu. Il-leġiżlazzjoni ma tipprevedix il-possibbiltà li jiġu rrifjutati talbiet għal informazzjoni. Il-leġiżlazzjoni ma tistipulax volum speċifiku ta’ informazzjoni li għandha tiġi pprovduta dwar individwu li tintalab informazzjoni dwaru.
Il-leġiżlazzjoni ma tistipulax volum speċifiku ta’ informazzjoni li għandha tiġi pprovduta dwar individwu li tintalab informazzjoni dwaru. Madankollu, tali informazzjoni għandha tkun biżżejjed għall-identifikazzjoni tal-persuna li tintalab informazzjoni dwarha.
Rigward it-talba għal informazzjoni mir-Reġistru tal-Impriżi, talba bil-miktub minn istituzzjoni tikkostitwixxi bażi suffiċjenti għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni.
L-informazjoni tista’ tintalab billi tintbagħat talba bil-miktub bil-posta lir-Reġistru tal-Impriżi, jew billi tintbagħat talba elettronika fuq l-indirizz elettroniku tar-Reġistru tal-Impriżi jew l-indirizz elettroniku uffiċjali tiegħu. It-talbiet għandhom ikunu ffirmati permezz ta’ firma elettronika sigura. It-talbiet għandhom ikunu ffirmati permezz ta’ firma elettronika sigura.
Informazzjoni tista’ tintalab biss bil-Latvjan.
Kopji elettroniċi ta’ dokumenti huma disponibbli online fuq is-sit web tal-informazzjoni tar-Reġistru tal-Impriżi, filwaqt li kopji maħruġa fuq talba huma ċċertifikati (f’format stampat jew elettroniku).
Informazzjoni hija pprovduta biss bil-Latvjan.
L-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 410(1) tal-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Impriżi tar-Repubblika tal-Latvja li jitolbu informazzjoni mir-Reġistru tal-Impriżi huma eżentati mill-ħlas tal-miżata tal-Istat. B’kuntrast, korpi oħra għandhom iħallsu l-miżata għal dan is-servizz skont ir-Regolament tal-Kabinett Nru 23 tas-7 ta’ Jannar 2020 li jirregola l-ħruġ ta’ informazzjoni mir-Reġistru tal-Impriżi u l-iskeda ta’ ħlasijiet tas-servizz. Il-miżata hija pagabbli permezz ta’ trasferiment bankarju lill-kont tar-reġistru tal-Impriża mat-Teżor.
Ir-reġistru tal-Impriżi ma jirreġistrax it-trasferiment ta’ drittijiet ta’ proprjetà. Bl-istess mod, pereżempju, rigward il-kumpaniji tal-kapital, għar-reġistrazzjoni mill-ġdid tal-kapital ta’ testatur bħala dak ta’ eredi, għandha tiġi ppreżentata applikazzjoni fir-Reġistru tal-Impriżi akkumpanjata minn kopja ta’ estratti mir-reġistru tal-parteċipanti u kopja taċ-ċertifikat tas-suċċessjoni. L-aspetti formali ta’ verifiki dokumentarji huma stabbiliti fl-Artikolu 14(1) tal-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Impriżi tar-Repubblika tal-Latvja.
Skont id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Impriżi tar-Repubblika tal-Latvja, l-għan operazzjonali tar-Reġistru tal-Impriżi huwa li jirreġistra l-entitajiet legali msemmija fil-liġi bl-għan li jiġi stabbilit l-istatus legali ta’ entitajiet legali, tiġi żgurata l-kunfidenza pubblika fl-informazzjoni stabbilita fil-leġiżlazzjoni (dwar l-entitajiet legali rreġistrati u fatti legali) u l-provvista ta’ aċċess għall-informazzjoni stabbilita fil-leġiżlazzjoni. Dan ifisser li l-pubbliku jista’ jkollu kunfidenza fl-informazzjoni kollha rreġistrata fir-reġistri miżmuma mir-Reġistru tal-Impriżi. Għandu jiġi nnotat ukoll li r-Reġistru tal-Impriżi ma jirreġistrax proprjetà, u r-reġistrazzjoni fir-reġistri miżmuma mir-Reġistru tal-Impriżi ma tikkostitwixxix prova ta’ sjieda.
3 Id-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji
Fl-1 ta’ Lulju 2017 il-Liġi dwar ir-reġistru tal-kontijiet daħlet fis-seħħ, u għamlitha obbligatorja li tinġieb f’post wieħed l-informazzjoni dwar il-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha li għandhom kontijiet fil-Latvja fi kwalunkwe istituzzjoni tal-kreditu, unjoni tal-kreditu jew istituzzjoni għall-ħlas ta’ fornituri ta’ servizzi. Ir-Reġistru tal-kontijiet huwa kkontrollat mis-Servizz tad-Dħul tal-Istat (Valsts ieņēmumu dienests, VID).
Ir-reġistru tal-kontijiet jintroduċi sistema ġdida li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li għandha kont ta’ depożitu ta’ domanda jew kont ta’ ħlas. Ir-reġistru jġib flimkien l-informazzjoni dwar persuni li fetħu kontijiet ta’ ħlas jew kontijiet ta’ depożitu ta’ domanda fir-Repubblika tal-Latvja u dwar is-sidien benefiċjarji tagħhom.
Ir-reġistru jirreġistra informazzjoni dwar is-sjieda ta’ kontijiet, mhux dwar trasferimenti monetarji jew bilanċi ta’ kontijiet.
Informazzjoni mir-reġistru tista’ tintalab biss mill-korpi segwenti msemmija fil-liġi sabiex iwettqu d-dmirijiet tagħhom:
- is-Servizz għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus;
- awtoritajiet ingaġġati f’attivitajiet operazzjonali;
- awtoritajiet investigattivi;
- il-Kummissjoni Finanzjarja u dwar is-Suq Kapitali (Finanšu un kapitāla tirgus komisija);
- is-Servizz dwar id-Dħul tal-Istat (Valsts ieņēmumu dienests);
- il-qrati;
- l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku
- l-Uffiċċju ta’ Kontra l-Korruzzjoni (Korupcijas novēršanas un apkarošanas birojs);
- uffiċjali ġuridiċi ċertifikati;
- nutara ċertifikati;
- qrati tal-familja;
- il-Bank tal-Latvja (Latvijas Banka).
Data dwar kontijiet tiġi fornuta lir-Reġistru minn istituzzjonijiet tal-kreditu, unjonijiet tal-kreditu jew fornituri ta’ servizzi tal-ħlas. Il-proċedura li permezz tagħha istituzzjoni tal-kreditu, unjoni tal-kreditu jew fornitur ta’ servizzi tal-ħlas jgħaddu informazzjoni lir-reġistru tal-kontijiet u l-utenti tar-reġistru tal-kontijiet jirċievu informazzjoni minnu hija stabbilita mill-Kabinett.
4 Id-disponibbiltà ta’ reġistru tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali
Il-bażi tad-data Latvjana dwar il-proprjetà industrijali hija miżmuma mill-Uffiċċju tal-Privattiva tar-Repubblika tal-Latvja (Latvijas Republikas Patentu valde), speċifikament:
- il-bażi tad-data dwar il-privattiva u applikazzjonijiet għall-privattiva tinkludi t-testi kompleti ta’ applikazzjonijiet ta’ privattiva u privattivi mogħtija, u traduzzjonijiet ta’ pretensjonijiet ta’ privattiva Ewropej. In-numri tal-pubblikazzjoni murija fit-taqsima tal-“pubblikazzjonijiet” tal-bażi tad-data jaħdmu bħala hyperlinks għall-gazzetta uffiċjali li fiha ġew ippubblikati, filwaqt li t-taqsima tad-“dokumenti tal-kawża” turi materjali tal-każ;
- informazzjoni aġġornata fuq trademarks irreġistrati jew miċħuda fil-Latvja tista’ tinstab fuq il-bażi tad-data tat-Trademarks;
- Il-Bażi tad-data tad-disinji tinkludi dettalji ta’ privattivi ta’ disinn mogħtija skont il-Liġi dwar id-disinji.
Bażijiet tad-data li jagħtu dettalji ta’ detenturi ta’ drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati jinħolqu u jinżammu minn organizzazzjonijiet ta’ ġestjoni komuni bħall-Aġenzija tad-Drittijiet tal-Awtur u ta’ Konsultazzjoni tal-Komunikazzjoni / l-Assoċjazzjoni tal-Awturi Latvjani (Akka/LAA) u LaIPA, l-Assoċjazzjoni Latvjana ta’ Fornituri u Produtturi (Laipa).
5 Reġistri oħra b’informazzjoni rilevanti għas-suċċessjonijiet
Nutara ċertifikati wkoll jagħmlu użu ta’ kuljum mir-Reġistru tas-suċċessjoni. Ir-Reġistru tas-Suċċessjoni huwa unikament proprjetà tal-Istat Latvjan. Ir-Reġistru tas-Suċċessjoni huwa kkontrollat mill-Kunsill Latvjan ta’ nutara ċertifikati li jieħu ħsiebu wkoll.
Ir-Reġistru tas-Suċċessjoni juri isem it-testatur, kunjomu u n-numru ta’ identità personali tiegħu, flimkien mal-isem u l-kunjom u n-numru tal-identità personali tan-nutar ċertifikat inkarigat mill-proċeduri ta’ suċċessjoni.
Partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw ir-reġistru tas-suċċessjoni u jiksbu estratti minnu.
Għall-ħruġ ta’ estratti mir-reġistru tas-suċċessjoni, huma pagabbli l-miżati segwenti:
- għall-aċċess għar-reġistru tas-suċċessjoni mill-partijiet interessati bl-użu tan-network tal-kompjuter globali (l-internet), EUR 4.27 għal kull każ ta’ suċċessjoni;
- għal estratt ippreparat bil-miktub jew elettronikament skont il-leġiżlazzjoni dwar l-abbozzar, il-preżentata u ċ-ċirkolazzjoni ta’ dokumenti elettroniċi (għal kull każ ta’ suċċessjoni) – EUR 8,54;
- jekk l-estratt jinkludi informazzjoni dwar iktar minn każ wieħed ta’ suċċessjoni, apparti l-ħlas imsemmi fis-subparagrafu 2.2, miżata ta’ EUR 4,27 tiġi imposta għal kull każ addizzjonali ta’ suċċessjoni (ibda bit-tieni wieħed).
Jekk il-parti rikjedenti titlob li l-estratt jintbagħat f’inqas minn 10 ijiem mid-data tal-irċevuta tat-talba, il-miżata għandha tiżdied kif ġej:
- b’fattur ta’ tnejn, jekk l-estratt jintbagħat f’ħamest ijiem;
- b’fattur ta’ erbgħa jekk l-estratt jintbagħat f’ġuranta.
Il-miżata tiżdied b’50 % jekk l-estratt jiġi abbozzat b’lingwa barranija.
Il-miżata għall-ħruġ ta’ estratti mir-reġistru tas-suċċessjoni titħallas fil-kont kurrenti tal-Kunsill ta’ nutara ċertifikati jew tista’ titħallas bi flus kontanti fl-uffiċċji tal-Kunsill qabel l-irċevuta tal-estratt inkwistjoni.
Is-segwenti huma eżentati mill-ħlas tal-miżata għall-ħruġ ta’ estratti mir-reġistru tas-suċċessjoni: nutara ċertifikati, il-qrati u istituzzjonijiet tal-gvern ċentrali u lokali li jaċċessaw id-data tar-reġistru sabiex iwettqu d-dmirijiet u l-funzjonijiet professjonali tagħhom, u persuni li jippreżentaw applikazzjoni tas-suċċessjoni lil nutar ċertifikat.
Fil-Latvja, is-Sistema ta’ informazzjoni tal-qrati tista’ tiġi aċċessata wkoll. Din tirreġistra informazzjoni dwar il-każijiet u l-materjali li jkunu qegħdin jiġu eżaminati fil-qorti. Din l-informazzjoni tinkludi, pereżempju, data dwar partijiet f’kawża, sessjonijiet tal-qorti u proċeduri bil-miktub, rikorsi u lmenti ppreżentati, deċiżjonijiet meħuda f’kawża, sanzjonijiet applikati u dokumenti oħra li jakkumpanjaw deċiżjoni ta’ qorti.
L-informazzjoni fis-sistema hija ristretta u tinkludi data dwar persuni fiżiċi. Hija tikkonsisti minn informazzjoni meħtieġa għal għanijiet ġudizzjarji.
F'konformità mar-Regolament tal-Kabinett Nru 618 dwar is-Sistema ta’ informazzjoni tal-qrati, l-informazzjoni fis-sistema tista’ tintuża mill-imħallfin u mill-uffiċjali tal-qrati għat-twettiq ta’ dmirijiet professjonali jew relatati max-xogħol u sabiex jiġu ssodisfati ħtiġijiet relatati ma’ dmirijiet professjonali.
F'konformità mal-paragrafu 18 ta’ dan ir-Regolament tal-Kabinett, l-aċċess għall-informazzjoni inkluża fis-sistema jista’ jingħata lil awtoritajiet tal-Istat u dawk lokali sa fejn ikun neċessarju għalihom biex iwettqu u jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom. Sabiex tikseb l-informazzjoni inkwistjoni, l-istituzzjoni għandha tindika liema funzjonijiet teħtieġ li twettaq li jeħtieġu l-informazzjoni inkwistjoni mis-sistema. Skont il-paragrafu 9 ta’ dan ir-Regolament tal-Kabinett, utenti esterni jistgħu jużaw biss is-soluzzjoni tad-distribuzzjoni tad-data tas-sistema.
Kulħadd jista’ juża l-parti pubblikament aċċessibbli tas-sistema fuq is-sit internet https://www.elieta.lv/web/. Dan is-sit web jista’ jintuża biex jiġu aċċessati, pereżempju, l-iskeda tas-sessjonijiet tal-qorti, id-dati skedati ta’ proċeduri legali dwar il-kawża tas-suġġett mal-log-in, deċiżjonijiet tal-qorti anonimizzati u d-dati ta’ proċeduri legali oħra mingħajr informazzjoni dwar il-partijiet fil-kawża.
Aċċess ġeneralizzat huwa disponibbli wkoll għar-Reġistru ta’ fajls eżekuttivi, li huwa maħsub biex jgħin lil uffiċjali ġudizzjarji jagħmlu x-xogħol tagħhom. L-għan ta’ dan ir-reġistru huwa li jiġu żgurati r-reġistrazzjoni, l-ipproċessar, il-ħżin u l-aċċess b’mod elettroniku u unifikat ta’ fajls eżekuttivi, bl-għan li jiġi żgurat il-kontroll operazzjonali ta’ proċeduri ta’ infurzar legali. L-operazzjoni tar-reġistru ta’ fajls eżekuttivi huwa rregolat mil-Liġi dwar il-proċedura ċivili, il-Liġi dwar uffiċjali ġudizzjarji u r-Regolament tal-Kabinett Nru 941 dwar ir-reġistru ta’ fajls eżekuttivi.
Għandu jiġi nnotat li skont ir-Regolament tal-Kabinett imsemmi iktar ’il fuq, l-informazzjoni tas-sistema tista’ tiġi aċċessata mis-segwenti:
- uffiċjali ġudizzjarji ċertifikati;
- assistenti uffiċjali ġudizzjarji ċertifikati;
- persunal minn uffiċċju ta’ uffiċjal ġudizzjarju li jeħtieġu aċċess għar-reġistru biex iwettqu d-dmirijiet professjonali tagħhom;
- persuni impjegati mal-Ministeru għall-Ġustizzja li jeħtieġu aċċess għar-reġistru biex iwettqu d-dmirijiet professjonali tagħhom;
- persuni impjegati mal-Amministrazzjoni tal-Qrati li jeħtieġu aċċess għar-reġistru biex iwettqu d-dmirijiet professjonali tagħhom;
- persuni impjegati mal-Kunsill Latvjan ta’ uffiċjali ġudizzjarji li jeħtieġu aċċess għar-reġistru biex iwettqu d-dmirijiet professjonali tagħhom;
Drittijiet ta’ aċċess għar-reġistru jingħataw mill-Amministrazzjoni tal-Qrati. L-utenti tar-reġistru ta’ fajls eżekuttivi jużaw ir-reġistru skont l-għan maħsub tiegħu u l-portata tad-drittijiet ta’ aċċess mogħtija.
Kemm il-persuni fiżiċi kif ukoll ġuridiċi jistgħu jiggarantixxu aċċess b’xejn online għal informazzjoni mir-reġistru ta’ fajls eżekuttivi dwar kawżi ta’ infurzar irreġistrati fir-reġistru li fihom individwu speċifiku jkollu l-istatus ta’ kollettur jew debitur.
Is-sistema ta’ informazzjoni kastastali Latvjana (b’taqsima pubblika u taqsima awtorizzata) hija sistema ta’ reġistrazzjoni unifikata li tiżgura l-akkwist, iż-żamma u l-użu ta’ data testwali u spazjali uffiċjali u aġġornata dwar kwistjonijiet ta’ proprjetà immobbli fi ħdan it-territorju tar-Repubblika tal-Latvja, is-suġġetti kastastali kostitwenti tagħhom (roqgħat ta’ art, bini/strutturi, gruppi ta’ postijiet tan-negozju, roqgħat ta’ unitajiet tal-art u d-data tal-karatteristiċi tagħhom), kif ukoll is-sidien, id-detenturi u l-utenti legali. Din is-sistema tippermetti r-reġistrazzjoni ta’ proprjetà immobbli li tista’ ma tkunx irreġistrata, jew li skont il-leġiżlazzjoni ma għandhiex għalfejn tiġi rreġistrata, fir-reġistru tal-artijiet.
Il-ġestjoni tas-sistema ta’ informazzjoni katastali Latvjana hija rregolata mil-Liġi dwar il-katast ta’ proprjetà immobbli tal-Istat u li jieħu ħsiebha s-Sondaġġ tal-Art tal-Latvja.
Reġistri ġestiti mir-Reġistru tal-Impriżi.
Is-sistema ta’ sorveljanza tal-insolvenza elettronika hija wkoll disponibbli.
Aċċess għal persuni involuti fi proċeduri ta’ insolvenza għas-servizz EMUS, is-sistema ta’ reġistrazzjoni tal-insolvenza elettronika.
Informazzjoni dwar pensjonijiet, benefiċċji u rimedji tista’ tiġi pprovduta mill-Aġenzija għall-Assigurazzjoni Soċjali tal-Istat (VSAA).
6 Id-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar testmenti sigrieti u testmenti mhux soġġetti għar-reġistrazzjoni
Skont id-dritt ċivili, testmenti privati jistgħu jiġu ddepożitati ma’ nutar skont il-Liġi dwar in-nutara, jew ma’ qorti tal-familja skont il-Liġi dwar il-qrati tal-familja. Il-kontenut ta’ testment jista’ jiġi żvelat biss fl-uffiċċju ta’ nutar maħluf inkarigat minn proċeduri tas-suċċessjoni.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.