Sib espert

Danimarka

Il-kontenut ipprovdut minn
Danimarka

I. Listi u reġistri ta’ esperti

Fid-Danimarka hemm diversi tipi ta’ esperti u l-ħatra, il-proċedimenti u jekk ikunx hemm lista/reġistru pubbliċi tal-esperti jiddependi fuq liema tip ta’ espert ikun involut.

Eżempji ta’ esperti:

  • Assessur espert
  • Assessur tat-tribunal tal-kera
  • Esperti tat-tfal
  • Valutazzjoni minn espert
  • Esperti tekniċi f’każijiet minuri

Barra minn hekk, l-assoċazzjonijiet jistgħu jipprovdu kompetenza esperta f’ċerti oqsma.

F’xi każijiet il-qorti tista’ ssib l-espert f’bażi tad-data interna, li l-qrati kollha tad-Danimarka għandhom aċċess għaliha. Il-proċedimenti għall-ħatra ta’ dawn l-esperti jistgħu jvarjaw, iżda fattur komuni għall-esperti kollha huwa li jridu jkunu ta’ reputazzjoni mhux intappna. Il-lista/ir-reġistru ta’ dawn l-esperti xi drabi jiġu ppubblikati wkoll fuq is-sit web tal-qrati tad-Danimarka sabiex tiġi żgurata t-trasparenza.

F’każijiet oħra l-qorti tista’ taħtar kwalunkwe persuna li hija tqis xierqa u kompetenti. F’dawn il-każijiet, xi organizzazzjonijiet pubbliċi għandhom reġistri ta’ esperti, li l-qorti tista’ tagħżel minnhom meta l-kwistjoni tkun taqa’ fi ħdan il-qasam ta’ kompetenza tagħhom, pereżempju l-forensika. Meta ma jkunx hemm lista u jekk iż-żewġ litiganti jaqblu, il-qorti taħtar espert li jidher kompetenti. Jistgħu jinħatru biss persuni ta’ reputazzjoni mhux intappna.

II. Kwalifiki tal-esperti

Ma hemm l-ebda rekwiżit għall-kwalifiki tal-esperti. Il-Qorti mhijiex marbuta bl-opinjoni tal-esperti iżda tista’ tivvalutaha b’mod liberu. Dan japplika wkoll għall-valur probatorju tal-biċċa evidenza. Fil-każ li l-Amministrazzjoni tal-Qrati Daniża tikkunsidra l-applikazzjonijiet tal-esperti li jkunu jixtiequ joperaw bħala espert f’każijiet minuri, l-Amministrazzjoni tal-Qrati Daniża tikkonsulta lill-organizzazzjonijiet industrijali rilevanti u titlob fedina penali. Apparti minn dan, ma hemm l-ebda rekwiżit fir-rigward tal-isfond edukattiv jew professjonali tal-esperti.

III. Remunerazzjoni tal-esperti

Ir-remunerazzjoni tiddependi fuq liema tip ta’ espert ikun involut fil-każ.

Ir-remunerazzjoni tal-assessuri esperti, tal-assessuri tat-tribunal tal-kera u tal-esperti tat-tfal hija preskritta u hija l-Amministrazzjoni tal-Qrati Daniża li tistabbilixxi r-regoli għar-remunerazzjoni (l-Artikolu 93 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u l-Artikolu 172 tal-Att dwar is-Servizzi Soċjali).

Fi proċedimenti ċivili fejn tkun meħtieġa valutazzjoni minn espert, pereżempju rapport tekniku, ma hemmx rati preskritti u lanqas restrizzjonijiet għat-tariffi tal-esperti. Il-ħlas tagħhom ma jistax isir bil-quddiem. Il-qorti tistabbilixxi t-tariffa pagabbli lill-espert maħtur mill-qorti għar-rapport u l-attendenza tiegħu fil-qorti kif ukoll għar-rimborż ta’ kwalunkwe spiża li jkun għamel. Qabel id-deċiżjoni, il-qorti titlob lill-partijiet għall-kummenti tagħhom. Fl-istess ħin, il-qorti tiddeċiedi kif it-tariffa għandha tiġi allokata bejn il-partijiet (l-Artikolu 208 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja).

Il-parti li tkun talbet lill-qorti biex tikkummissjona rapport ta’ espert u r-rappreżentant legali tal-parti huma responsabbli għall-ispejjeż involuti. Madankollu, il-parti l-oħra u r-rappreżentant legali tagħha huma wkoll responsabbli għall-porzjon tal-ispejjeż li jkun attribwibbli għat-tweġib tal-mistoqsijiet tagħha. Il-parti li tkun talbet il-konvokazzjoni tal-espert sabiex jattendi għas-seduta hija responsabbli għall-ispejjeż f’dan ir-rigward. Il-qorti tista’ tordna lill-partijiet sabiex jipprovdu garanzija għall-ispejjeż tar-rapport tal-espert li jkunu talbu (l-Artikolu 208 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja).

Fi proċedimenti kriminali, japplikaw regoli simili fir-rigward tar-rapporti tal-esperti (bil-modifiki neċessarji) (l-Artikolu 210 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja).

Fir-rigward tal-esperti tekniċi f’każijiet minuri, l-esperti jridu jagħtu stima tal-ispejjeż fuq l-ispejjeż mistennija u ma jistgħux iwieġbu l-mistoqsijiet tekniċi qabel ma tiġi rranġata r-remunerazzjoni. Sussegwentement, il-partijiet iridu jikkummentaw dwar l-istima tal-ispejjeż tal-esperti. Huwa sinifikanti li jekk il-partijiet ma jkunux jistgħu jagħtu garanzija għall-ispejjeż, il-qorti tista’ tiddeċiedi li l-każ ikompli mingħajr ir-rapport tal-espert. L-amministrazzjoni tal-Qrati Daniża tistabbilixxi ir-regoli (l-Artikolu 404 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja).

IV. Responsabbiltà tal-esperti

Ma hemm l-ebda regola speċifika applikabbli għar-responsabbiltà tal-esperti. L-espert irid jirrispetta r-regoli professjonali li jirregolaw l-ispeċjalità, l-imparzjalità u s-segretezza professjonali tiegħu. Ir-responsabbiltà tagħhom għalhekk hija regolata mir-regoli ġenerali u mir-regoli tal-obbligi. Dawn ir-regoli ma jipprovdu l-ebda limitu massimu għar-responsabbiltà.

L-espert li ma jikkonformax mar-regoli professjonali kif mistenni jista’ jiġi sostitwit, it-tariffa tiegħu titnaqqas jew jista’ wkoll jitqies responsabbli.

L-imġiba kriminali fit-twettiq tal-missjoni proprja tista’ twassal għal akkużi kriminali.

Fl-aħħar nett, ma hemm l-ebda obbligu biex tiġi koperta r-responsabbiltà possibbli tagħhom permezz ta’ assigurazzjoni tar-responsabbiltà professjonali.

V. Informazzjoni addizzjonali dwar il-proċedimenti tal-esperti

Ir-regoli dwar il-proċedimenti tal-Esperti jistgħu jinstabu f’leġiżlazzjoni differenti u jiddependu mit-tip ta’ espert involut. Madankollu, il-biċċa l-kbira tar-regoli tinsab fl-Att dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja (l-Att konsolidat 2018-11-14 Nru 1284). Rigward l-esperti tat-tfal, ir-regoli jinsabu parzjalment fl-Att dwar is-Servizzi Soċjali.

Partijiet mill-Att dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja huma tradotti għall-Ingliż.

1. Ħatra ta’ esperti

Fi kwistjonijiet ċivili, l-esperti jistgħu jinħatru mill-qorti jew mill-partijiet. Parti tista’ titlob lill-qorti biex tikkummissjona espert sabiex jirrapporta dwar mistoqsija waħda jew aktar.

F’materji kriminali, il-qorti tiddeċiedi jekk għandux ikun hemm intervent ta’ esperti meta dan jintalab mill-imputat jew mill-prosekuzzjoni. Kemm id-difiża kif ukoll il-prosekuzzjoni jistgħu jsejħu xhieda esperti.

L-esperti jridu jirrappurtaw kwalunkwe kunflitt ta’ interess ma’ xi waħda mill-partijiet.

F’każijiet minuri (każijiet mingħajr valur ekonomiku jew b’valur ta’ anqas minn 5 000 krona Daniżi), l-imħallef jista’ jiddeċiedi li jitlob opinjoni esperta. L-esperti li joperaw f’kawżi minuri jinħatru mill-Amministrazzjoni tal-Qrati Daniża.

(a) Ħatra minn qorti

L-imħallef li jippresiedi/il-qorti jaħtru l-assessuri esperti, eċċ. għall-każ individwali, meta l-perizja tagħhom titqies neċessarja li tiġi rappreżentata. L-imħallef li jippresiedi jagħżel assessur espert mil-lista/mir-reġistru/mill-bażi tad-data interna rilevanti iżda, f’xi sitwazzjonijiet, mhumiex obbligati minn dawn. Qabel ma l-imħallef li jippresiedi/il-qorti jiddeċiedu li jaħtru l-assessuri esperti, il-partijiet jistgħu jikkummentaw dwar id-deċiżjoni.

F’każijiet fejn tintalab valutazzjoni ta’ espert mill-partijiet, dawn jistgħu jaħtru espert, iżda l-qorti mhijiex marbuta bid-deċiżjoni tagħhom. Meta l-partijiet jaqblu dwar l-isem ta’ espert, l-imħallef ġeneralment jaħtar lilu (anki jekk mhuwiex obbligat li jagħmel dan). Jekk il-qorti taħtar l-espert, hija għandha tinforma lill-partijiet dwar il-persuna li jkun beħsiebha taħtar u tippermetti lill-partijiet jissottomettu l-kummenti tagħhom. Jekk tkun teżisti lista/reġistru, il-qorti jew il-parti normalment jagħżlu espert minnha, iżda mhux dejjem huma obbligati li jagħmlu dan.

(b) Ħatra mill-partijiet

Meta l-partijiet ikunu jridu jaħtru espert biex joħroġ opinjoni, huma jridu jsegwu proċess partikolari: kull meta l-partijiet jitolbu rapport ta’ espert f’każijiet ċivili, huma jridu jippreżentaw talba bil-miktub lill-qorti. It-talba jrid ikun fiha informazzjoni dwar l-iskop tar-rapport tal-espert u l-oġġett li għandu jiġi valutat mill-esperti.

Jekk il-qorti tippermetti, il-partijiet iridu jissottomettu l-mistoqsijiet tagħhom lill-qorti. Wara li tirċievi l-mistoqsijiet, il-qorti taħtar espert wieħed jew aktar. Kif deskritt aktar ’il fuq, il-partijiet ukoll jaħtru espert, iżda l-qorti mhijiex marbuta bil-ħatra tagħhom.

2. Proċedura

(a) Proċedura Ċivili

Il-proċedura tiddependi fuq liema tip ta’ espert ikun involut fil-każ. Xi drabi l-espert jissejjaħ għal seduta ta’ smigħ fil-qorti biex iwieġeb mistoqsijiet dwar suġġett, pereżempju espert tat-tfal fil-liġi tal-familja, valutazzjoni esperta ta’ mistoqsijiet tekniċi, u xi drabi l-espert irid ifassal biss rapport bil-miktub. Drabi oħra l-espert jaġixxi bħal imħallef u jkun parti mid-deliberazzjonijiet.

Hawn taħt hawn żewġ eżempji:

L-assessur espert maħtur mill-imħallef li jippresiedi/mill-qorti għall-każ individwali, meta l-kompetenza esperta tiegħu titqies neċessarja li tiġi rappreżentata, jaġixxi bħal imħallef (iżda b’għarfien espert f’dixxiplina speċifika) u jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet tal-qrati. Fil-liġi tal-familja, il-qorti tkun assistita minn esperti tat-tfal.

F’każijiet fejn il-valutazzjoni ta’ espert tkun rilevanti fir-rigward ta’ kwistjoni, l-espert irid iwieġeb il-mistoqsijiet li jkun irċieva mill-qorti permezz ta’ rapport bil-miktub indirizzat lill-qorti. L-espert irid jinforma lill-partijiet dwar il-ħin u l-post tal-ispezzjoni. Jekk ir-rapport tal-espert ikun nieqes, il-qorti tista’ titlob lill-espert biex jerġa’ jwettaq l-ispezzjoni jew jissupplimentah f’rapport bil-miktub addizzjonali. Hemm mudelli predefiniti għar-rapport tal-espert. Il-qorti ma timmonitorjax l-attività tal-espert. Wara li jiġi ppreżentat ir-rapport, il-partijiet jistgħu jistaqsu mistoqsijiet addizzjonali lill-espert, jekk dan ikun permess mill-qorti. Il-qorti mbagħad tiddeċiedi jekk il-mistoqsijiet addizzjonali għandhomx jitwieġbu bil-miktub mill-espert f’rapport supplimentari jew b'mod orali mill-espert f’seduta ta’ smigħ fil-qorti. L-espert jista’ jiġi msejjaħ ukoll biex jattendi seduta ta’ smigħ fil-qorti biex iwieġeb mistoqsijiet relatati mar-rapport.

L-opinjonijiet bil-miktub jew orali tal-esperti jiġu kkontestati mill-partijiet matul il-proċess. Fi kwalunkwe każ, l-imħallef qatt ma huwa marbut bl-opinjonijiet tal-espert.

(b) Oħrajn

F’każijiet kriminali, ix-xhieda esperti huma wkoll opzjoni. Huma jiġu mħarrka u ġeneralment jattendu għas-seduta.

 

L-informazzjoni ppreżentata hawnhekk inġabret matul il-Proġett Sib Espert minn kuntatti għal kull pajjiż magħżula mill-Istitut Ewropew tal-Kompetenzi u l-Esperti EEEI.

L-aħħar aġġornament: 09/09/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.