Sib informazzjoni għal kull reġjun
I. Listi u reġistri ta’ esperti
Skont l-Att Estonjan dwar l-Eżamijiet Forensiċi, Espert huwa persuna li tipprovdi perizja mhux legali jew legali f’każijiet fejn dan ikun permess bil-liġi. Xi esperti huma impjegati minn istituzzjonijiet tal-Istat (“esperti forensiċi”), oħrajn huma rreġistrati fil-lista ta’ istituzzjoni tal-esperti.
Hemm listi uffiċjali tal-esperti fl-Estonja. Il-listi jistgħu jiġu aċċessati mill-persuni kollha. Il-listi jistgħu jitniżżlu jew jinqraw hawnhekk u hawnhekk.
L-Istitut tax-Xjenza Forensika Estonjan, li huwa laboratorju forensiku tal-Istat, huwa responsabbli biex iżomm dawn il-listi aġġornati. Persuna li tikkonforma mar-rekwiżiti speċifikati fil-klawsoli 6 (1) 1)–3) u (2) 1) u 2) tal-Att dwar l-Eżamijiet Forensiċi għandha tiġi rreġistrata fit-tieni lista msemmija hawn fuq.
II. Kwalifiki tal-esperti
Ir-rekwiżiti minimi għall-għoti tal-istatus ta’ espert forensiku huma bbażati fuq l-Att dwar l-Eżamijiet Forensiċi. Il-kompetenza esperta forensika tinkiseb permezz tat-taħriġ.
It-taħriġ għall-esperti mediċi forensiċi jiġi pprovdut fl-Università ta’ Tartu taħt il-programm ta’ residenza ta’ erba’ snin ta’ mediċina forensika. Ir-residenti jiksbu ħiliet professjonali fl-EFSI, li huwa wieħed mill-bażijiet ta’ taħriġ tal-Università ta’ Tartu.
Ma hemm l-ebda istituzzjoni edukattiva għat-taħriġ ta’ esperti forensiċi fl-oqsma l-oħra tax-xjenza forensika fl-Estonja. L-esperti jingħataw taħriġ fl-EFSI taħt il-gwida ta’ professjonisti bl-esperjenza. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, it-taħriġ idum sentejn. Il-pjan ta’ taħriġ jinkludi suġġetti kemm ġenerali kif ukoll suġġetti aktar speċifiċi u l-pjan għandu l-għan li jinkisbu kompetenzi professjonali mill-espert. Il-pjan ta’ taħriġ jitħejja abbażi tal-karatteristiċi speċjali ta’ kull tip ta’ kompetenza, filwaqt li jitqiesu wkoll l-isfond akkademiku professjonali u l-esperjenza tax-xogħol preċedenti tal-espert fit-taħriġ.
Jekk impjegat jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti għal espert forensiku fl-Att dwar l-Eżamijiet Forensiċi, ikun temm it-taħriġ u jkun kiseb esperjenza suffiċjenti biex jipprovdi opinjonijiet esperti indipendenti, huwa jingħata l-istatus ta’ espert forensiku. Wieħed jista’ jibda l-impjieg bħala espert forensiku wara li jieħu l-ġurament tal-espert forensiku previst fl-Att dwar l-Eżamijiet Forensiċi.
III. Remunerazzjoni tal-esperti
Il-finanzjament tal-eżamijiet huwa deskritt fil-Kapitolu 5 tal-Att dwar l-Eżamijiet Forensiċi. It-twettiq tal-eżamijiet f’istituzzjoni forensika tal-Istat huwa ffinanzjat mill-baġit annwali tal-Istat. It-tariffi eżatti għall-eżamijiet huma stabbiliti fl-Att dwar l-Eżamijiet Forensiċi, § 26.
Ma hemm l-ebda metodu speċifiku għar-remunerazzjoni tal-esperti. Fil-biċċa l-kbira tas-sitwazzjonijiet, l-esperti huma meħtieġa jipprovdu stima qabel ma jinħatru. Il-liġi proċedurali tipprovdi wkoll għar-rifużjoni tal-ispejjeż tal-espert.
L-ispejjeż tal-eżami jinkludu t-totalità tal-ispejjeż imġarrba fil-kuntest tal-eżami, inklużi l-ispejjeż li jirriżultaw minħabba l-implikazzjoni ta’ esperti jew istituzzjonijiet sottokuntrattati. L-ispejjeż ta’ proċedimenti extraġudizzjarji tal-esperti jistgħu jiġu inklużi fl-ispejjeż proċedurali.
L-esperti jistgħu jirċievu avvanz fuq l-ispejjeż.
IV. Responsabbiltà tal-esperti
L-esperti għandhom jinfurmaw lil kwalunkwe parti involuta fil-proċedimenti dwar il-bidu tal-eżami. L-għoti intenzjonat ta’ opinjoni esperta falza huwa reat kriminali skont l-Artikolu 321 tal-Kodiċi Kriminali.
L-esperti jinżammu responsabbli skont il-liġi ġenerali tal-obbligi. Barra minn hekk, hemm dispożizzjoni partikolari tal-liġi kriminali li tittratta dwar ir-responsabbiltà tal-espert: Akkuża falza: (1) Is-sottomissjoni ta’ akkużi konxjament foloz dwar it-twettiq ta’ reat kriminali minn persuna oħra hija punibbli b’piena pekunarja jew sa sena priġunerija. (2) L-istess att, jekk jinvolvi l-ħolqien frodulenti ta’ evidenza, huwa punibbli b’piena pekunarja jew sa ħames snin priġunerija.
L-esperti mhumiex obbligati jkopru r-responsabbiltà tagħhom permezz ta’ assigurazzjoni ta’ indennizz professjonali.
V. Informazzjoni addizzjonali dwar il-proċedimenti tal-esperti
Id-dispożizzjonijiet legali dwar il-proċedimenti tal-esperti fl-Estonja jistgħu jinstabu fi:
- Riigi Teataja
- Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali
- Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili
- L-Att dwar l-Eżamijiet Forensiċi
Ma hemmx differenzi bejn il-ħatra ta’ esperti fi proċedimenti ċivili jew fi proċedimenti amministrattivi. Fi proċedimenti kriminali, espert forensiku jinħatar fuq talba lill-EFSI sabiex jassisti lill-prosekutur u lill-qorti jekk ikun meħtieġ.
It-titolu ta’ espert mhuwiex protett fl-Estonja. Aktar minn 70% tal-każijiet tal-liġi kriminali, 30% tal-proċedimenti ċivili u 10% tal-proċedimenti amministrattivi jinvolvu esperti.
V.1 Ħatra ta’ esperti
L-esperti jistgħu jinħatru mill-qorti u, f’xi każijiet, anki mill-partijiet. L-esperti jistgħu jinħatru wkoll għall-finijiet ta’ proċedimenti preliminari jew ta’ qabel il-proċess. Ma hemm l-ebda obbligu li jinħatar espert irreġistrat f’waħda mil-listi. Fi proċedimenti kriminali matul il-fażi ta’ qabel il-proċess, espert jista’ jinħatar mill-pulizija (l-awtorità investigattiva) jew minn prosekutur.
Jekk il-partijiet ma jaħtrux espert jew jekk ma jaslux għal ftehim dwar min għandu jinħatar, jew fil-każ li jkun hemm rapport ta’ espert magħmul qabel il-proċess, il-qorti tista’ taħtar espert. F’każijiet tal-liġi ċivili, il-partijiet iridu jħallsu depożitu għall-ispejjeż tal-perizja qabel il-ħatra tal-espert. Il-partijiet jistgħu jissottomettu l-proposti tagħhom dwar min għandu jinħatar bħala espert, iżda dawn mhumiex vinkolanti fuq il-qorti.
Ma hemmx differenzi sinifikanti fir-rigward tal-ħatra ta’ espert minn qrati differenti u f’oqsma differenti tal-ġustizzja.
L-esperti maħtura mill-qorti għandhom obbligu legali li jirrappurtaw kwalunkwe kunflitt ta’ interess.
V.2 Proċedura
Proċedura Ċivili
Hemm rekwiżit ġenerali għall-esperti biex iwettqu xogħolhom bir-reqqa, b’mod sħiħ u oġġettiv u biex jiżguraw li l-opinjonijiet li jagħtu jkunu xjentifikament validi. Dan japplika għat-tipi kollha ta’ proċedimenti legali.
Il-partijiet jistgħu jikkontestaw ir-rapport ta’ espert permezz ta’ dikjarazzjonijiet jew billi jipprovdu kontroperizja.
Il-qorti mhijiex marbuta bl-opinjoni tal-espert. Il-qorti tista’ ssegwi l-opinjoni tal-espert anki jekk waħda mill-partijiet tkun ikkontestat l-opinjoni matul il-proċess.
Madankollu, billi r-rapport tal-espert huwa biss biċċa waħda ta’ evidenza fost oħrajn, il-qorti tikkunsidra l-valur probatorju tal-opinjoni tal-espert fir-rigward ta’ evidenza oħra.
Ma hemm l-ebda proċedura li biha l-esperti jiltaqgħu qabel il-proċess jew jiġu kontroeżaminati.
Espert jista' jkun f'kuntatt mal-partijiet matul il-proċedimenti jekk l-espert ikun jeħtieġ aktar informazzjoni.
1. Rapport tal-espert
Fl-Estonja, ir-rapporti tal-esperti jistgħu jiġu ppreżentati bil-miktub u xi drabi b’mod orali. Ħlief fi proċedimenti kriminali, l-espert ma għandux għalfejn isegwi struttura speċifika meta jipprovdi r-rapport tiegħu.
L-espert huwa obbligat jindirizza l-argumenti tal-partijiet fir-rapport finali. Meta l-partijiet jitolbu rapport addizzjonali minħabba kwistjonijiet fir-rapport oriġinali, qorti tista’ tordna rapport addizzjonali. Fil-każ ta’ ambigwità, kontradizzjoni jew insuffiċjenza ta’ opinjoni esperta li ma jkunux jistgħu jiġu eliminati permezz ta’ mistoqsijiet addizzjonali, il-qorti għandha d-dritt tordna eżami ieħor. Ir-rieżami jitwettaq mill-istess espert jew minn espert ieħor.
2. Smigħ fil-qorti
L-esperti ma jattendux għal smigħ preliminari iżda jiġu mistiedna għal smigħ sabiex iwieġbu mistoqsijiet mill-qorti jew mill-partijiet. Hija prattika komuni li l-esperti jiġu kontroeżaminati. L-esperti jistgħu jinstemgħu permezz ta’ konferenza bit-telefown jekk il-partijiet jaqblu dwar dan qabel is-seduta.
L-informazzjoni ppreżentata hawnhekk inġabret matul il-Proġett Sib Espert minn kuntatti għal kull pajjiż magħżula mill-Istitut Ewropew tal-Kompetenzi u l-Esperti EEEI.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.