Sib espert

Franza

Il-kontenut ipprovdut minn
Franza

I. Listi u reġistri ta’ esperti

Kull qorti tal-appell u l-qorti Suprema Franċiża għal kwistjonijiet ċivili u kriminali (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iżżomm lista jew reġistru ta’ esperti.

Madankollu, il-qrati u l-prosekuturi huma liberi li jaħtru kwalunkwe persuna li jqisu xierqa u kompetenti. F’każijiet bħal dawn, huma jridu jagħtu r-raġunijiet għall-għażla li jagħmlu.

Il-listi ta’ esperti jiġu ppubblikati fuq is-siti web tal-qrati u b’mod partikolari fuq is-sit web tal-Qorti tal-Kassazzjoni u tal-qrati tal-appell.

Biex jiġu rreġistrati f’lista ta’ qorti, l-esperti jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

  • ikollhom anqas minn 70 sena. Fil-prattika, l-espert irid ikollu bejn 35 u 57-58 sena biex jiġi rreġistrat f'lista ta’ esperti
  • ikun ċittadin tal-Unjoni Ewropea
  • ma jridx ikun aġixxa bi ksur tal-unur, tal-integrità u tal-moralità tajba
  • ma jridx ikun ġie soġġett għal sanzjoni dixxiplinarja jew amministrattiva li twassal għat-tkeċċija, it-tħassir mir-reġistru, ir-revoka, l-irtirar tal-approvazzjoni jew l-irtirar tal-awtorizzazzjoni
  • ma jridx ikun ġie soġġett għal falliment personali jew kwalunkwe sanzjoni oħra prevista mill-Kodiċi Kummerċjali
  • perjodu minimu f’attività relatata mal-ispeċjalità tiegħu
  • ma jridx ikun wettaq l-ebda attività inkompatibbli mal-indipendenza neċessarja għall-eżerċizzju ta’ missjonijiet ta’ kompetenza (legali) ġudizzjarja
  • irid ikun wettaq l-attività prinċipali tiegħu fil-qasam ġudizzjarju.

L-esperti speċjalizzati fit-traduzzjonijiet li japplikaw biex jiġu rreġistrati f’lista ta’ qorti tal-Prim’Istanza jridu jipprattikaw il-professjoni tagħhom fiż-żona lokali tal-qorti speċifika jew jgħixu f’din iż-żona f’każ li jkunu diġà rtiraw

L-applikazzjoni tal-espert biex jiġi rreġistrat tiġi eżaminata mill-prosekutur pubbliku u mill-imħallfin tal-qorti tal-Prim’Istanza. Id-deċiżjoni tittieħed minn assemblea ta’ mħallfin tal-qorti tal-appell.

L-esperti jridu jieħdu ġurament qabel ma jiġu rreġistrati.

Biex wieħed jiġi rreġistrat fil-lista tal-Qorti tal-Kassazzjoni (lista nazzjonali) huwa neċessarju li wieħed ikun ilu rreġistrat f'lista ta’ qorti tal-appell (lista reġjonali) għal mill-anqas ħames snin.

Kull espert li jkun ġie rreġistrat għall-ewwel darba jrid jerġa’ japplika għar-reġistrazzjoni mill-ġdid wara tliet snin. Minn hemm ’il quddiem, l-esperti jridu jerġgħu japplikaw biex jiġu rreġistrati kull ħames snin. Id-deċiżjoni li espert ma jiġix irreġistrat mill-ġdid trid tispeċifika r-raġunijiet għaċ-ċaħda u tista’ tiġi kkontestata

L-esperti jistgħu jitneħħew mir-reġistru permezz ta’ azzjoni dixxiplinarja mill-qorti tal-appell, li tista’ tiġi kkontestata.

Hemm kodiċi ta’ etika ppubblikat mill-Federazzjoni Franċiża tal-esperti.

II. Kwalifiki tal-esperti

Ġeneralment, l-esperti jridu jkunu kwalifikati b’mod suffiċjenti fil-qasam ta’ kompetenza tagħhom.

L-esperti jrid ikollhom esperjenza professjonali u għarfien tar-regoli proċedurali, b’mod partikolari r-regoli applikabbli għall-proċedimenti tal-esperti.

Huma jridu jipparteċipaw f'edukazzjoni kontinwa u dan jiġi vverifikat kull ħames snin mill-qrati tal-appell. L-edukazzjoni kontinwa tal-esperti tinkludi:

  • Taħriġ fl-ispeċjalità tagħhom li jiġi pprovdut minn organizzazzjonijiet professjonali;
  • Sessjonijiet ta’ taħriġ dwar it-tmexxija tal-proċedimenti tal-esperti, mogħtija minn imħallfin u assoċjazzjonijiet tal-esperti.

III. Remunerazzjoni tal-esperti

Fi proċedimenti kriminali, hemm regolament dwar it-tariffi tal-esperti relatat ma’ xi kompiti li jwettaq l-espert. F’xi oqsma ta’ kompetenza, il-prosekutur jew l-imħallef inkwirenti jistgħu jniedu sejħa għall-offerti rigward il-missjoni ta’ kompetenza u jagħżlu l-offerta l-aktar vantaġġuża. Il-Ministeru tal-Ġustizzja, permezz tal-baġit tal-ġustizzja, iġorr l-ispejjeż tal-kompetenza esperta.

F’każijiet ċivili, ir-remunerazzjoni ġeneralment tiġi kkalkulata fuq il-bażi tan-numru ta’ sigħat li l-espert ikun qatta’ fuq il-każ, immultiplikati b’rata fis-siegħa, li magħhom jiżdiedu l-ispejjeż u l-VAT.

Il-Qorti tiddeċiedi dwar l-ammont tar-remunerazzjoni tal-espert, fi ħdan proċedura kontenzjuża, billi tqis jekk ir-rapport ġiex ippreżentat fil-ħin, il-kwalità tar-rapport tal-espert u l-livell ta’ diliġenza li biha l-espert ikun wettaq il-kompitu tiegħu.

Normalment huwa l-attur li jħallas avvanz fuq ir-remunerazzjoni tal-espert. Il-qorti tista’, madankollu, tordna liż-żewġ partijiet biex iħallsu parti mill-avvanz fuq dawn l-ispejjeż.

Fid-deċiżjoni finali tagħha, il-qorti tordna lill-parti telliefa biex tħallas ir-remunerazzjoni tal-espert.

Hija disponibbli għajnuna legali biex tkopri l-ispejjeż tal-proċedimenti tal-esperti.

IV. Responsabbiltà tal-esperti

L-espert huwa obbligat ikopri r-responsabbiltà possibbli permezz ta’ assigurazzjoni ta’ indennizz professjonali.

L-assigurazzjoni tkopri r-responsabbiltà ċivili u professjonali tal-espert, inklużi l-missjonijiet fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea.

V. Informazzjoni addizzjonali dwar il-proċedimenti tal-esperti

F’każijiet kriminali, l-esperti jistgħu jinħatru mill-imħallef inkwirenti, mill-prosekutur pubbliku jew minn uffiċjal tal-pulizija b’awtorità xierqa (officier de police judiciaire: uffiċjal tal-pulizija li, skont il-liġi Franċiża, huwa inkarigat mill-investigazzjonijiet kriminali u jista’ jżomm persuni suspettati taħt arrest).

Fil-każijiet l-oħra kollha, l-espert jinħatar mill-qorti biss, ex officio jew fuq talba ta’ waħda mill-partijiet.

Fi proċedimenti ċivili, rapport preliminari tal-esperti mhuwiex obbligatorju, iżda huwa rakkomandat ħafna u spiss ikun meħtieġ b’mod speċifiku fil-proċedimenti ċivili. L-espert jippreżenta rapport finali bil-miktub. Jekk l-espert iħoss il-ħtieġa li jikkonsulta ma’ tekniku speċjalizzat f’qasam differenti ta’ kompetenza, l-espert jehmeż l-opinjoni tat-tekniku mar-rapport tal-espert. Il-Qorti tista’ titlob lill-espert jixhed waqt seduta orali jekk ir-rapport ma jkunx bażi suffiċjenti għad-deċiżjoni tal-Qorti. Ir-rapport finali jrid iwieġeb kull mistoqsija li ssir mill-qorti u jqis il-kummenti kollha indirizzati mill-partijiet lill-espert matul il-proċedimenti tal-esperti.

1. Ħatra ta’ esperti

It-titolu ta’ espert (expert de justice) huwa protett bil-liġi kriminali. L-espert jiġi rreġistrat f’lista miżmuma mill-qrati tal-appell u l-Qorti Suprema.

Hemm bejn 8 000 u 10 000 espert ġudizzjarju fi Franza.

F’każijiet ċivili, kummerċjali u amministrattivi, l-esperti jistgħu jinħatru fil-proċedimenti preliminari jew ta’ qabel il-proċess. 80% tal-proċedimenti tal-esperti jinbdew f’tali stadju ta’ qabel il-proċess.

Il-qorti taħtar espert meta tkun teħtieġ xi kompetenza teknika għas-soluzzjoni tat-tilwima: il-qorti tista’ taħtar l-espert ex officio jew fuq it-talba ta’ waħda mill-partijiet. L-imħallef jiddeċiedi liema parti għandha tħallas avvanz fuq l-ispejjeż li se jintużaw biex jitħallsu t-tariffi tal-espert.

Il-partijiet jistgħu jissuġġerixxu espert, iżda huma dejjem il-qorti jew il-prosekutur pubbliku li jiddeċiedu liema espert jinħatar. Sakemm ma jingħatawx raġunijiet speċifiċi, l-espert irid jintgħażel minn lista mħejjija minn qorti tal-appell.

Fi proċedimenti ċivili, il-partijiet huma involuti ħafna fl-operazzjonijiet tal-espert. Huma jridu jikkooperaw u jwieġbu t-talbiet kollha għad-dokumenti mill-espert. Huma jistgħu jistaqsu direttament lill-espert waqt il-laqgħat kontenzjużi u jitolbu lill-espert biex jikkummenta dwar ir-rimarki tagħhom. Dawn il-possibbiltajiet huma ferm aktar limitati fil-proċedimenti kriminali fejn l-espert jaħdem taħt id-dipendenza qawwija tal-imħallef jew tal-prosekutur li jkun ħatru.

2. Proċedura

It-testi legali ewlenin li jikkonċernaw il-kompetenza esperta ġudizzjarja fi Franza:

  • Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali u l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili
  • Il-Liġi 71-498 tad-29 ta’ Ġunju 1971 dwar l-esperti ġudizzjarji, emendata diversi drabi, b’mod partikolari fit-18 ta’ Novembru 2016
  • Id-Digriet tat-23 ta’ Diċembru 2004, emendat diversi drabi.

L-esperti jistgħu jkunu f’kuntatt mal-partijiet matul il-proċedimenti iżda f’konformità stretta mal-prinċipju tal-proċedimenti kontenzjużi. L-eċċezzjonijiet huma relatati mas-sigrieti mediċi jew kummerċjali.

Ma hemm l-ebda struttura imposta għar-rapporti li jiktbu l-esperti, iżda jeżistu inizjattivi biex jimtela dan in-nuqqas.

Madankollu, fir-rapport l-esperti jridu:

  • jispjegaw fid-dettall l-argumentazzjoni tagħhom;
  • jispeċifikaw id-dokumenti li fuqhom ikunu bbażaw l-opinjoni tagħhom;
  • iwieġbu għad-dikjarazzjonijiet tal-partijiet;
  • jagħtu lista sħiħa tad-dokumenti li jkunu ġew ikkomunikati lilhom.

Meta l-qorti tkun talbet rapport preliminari, l-espert jibagħtu lill-partijiet sabiex jiġbor id-dikjarazzjonijiet tagħhom.

F’każijiet kriminali, l-espert irid jattendi għas-seduta ta’ smigħ. F’każijiet ċivili, il-qorti tista’ titlob lill-espert sabiex jattendi għas-seduta ta’ smigħ.

L-espert jista’ jkun obbligat jipproduċi rapport addizzjonali permezz ta’ deċiżjoni tal-qorti, pereżempju wara li l-partijiet ikunu ikkummentaw dwar ir-rapport u jkunu għamlu mistoqsijiet addizzjonali.

Il-qorti tikkontrolla l-progress tal-investigazzjonijiet tal-espert. Dan il-kompitu huwa assenjat lil imħallef speċifiku tal-qrati tal-Prim’Istanza.

 

L-informazzjoni ppreżentata hawnhekk inġabret matul il-Proġett Sib Espert minn kuntatti għal kull pajjiż magħżula mill-Istitut Ewropew tal-Kompetenzi u l-Esperti EEEI.

L-aħħar aġġornament: 10/09/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.