Sib espert

Ġermanja

Il-kontenut ipprovdut minn
Ġermanja

I. Listi u reġistri ta’ esperti

Hemm reġistri komprensivi ta’ esperti. Hemm madwar 200-300 qasam ta’ speċjalizzazzjoni differenti.

  • L-esperti maħtura pubblikament u ġuramentati mill-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija jistgħu jinstabu hawnhekk.
  • L-esperti maħtura pubblikament u ġuramentati mill-kmamar tal-artiġjanat jistgħu jinstabu hawnhekk.
  • L-esperti maħtura pubblikament u ġuramentati mill-kmamar tal-agrikoltura jistgħu jinstabu fis-siti web reġjonali tal-kmamar tal-agrikoltura.
  • L-esperti maħtura pubblikament u ġuramentati mill-kmamar tal-periti jistgħu jinstabu fis-siti web tal-kmamar reġjonali tal-periti.
  • L-informazzjoni dwar l-esperti maħtura pubblikament u ġuramentati mill-kmamar tal-inġiniera u dwar ir-reġistri tista’ tinstab hawnhekk.
  • L-esperti rreġistrati mill-kamra tal-kontabilisti jistgħu jinstabu hawnhekk.
  • Bażi tad-data oħra tista’ tinstab taħt https://www.bvs-ev.de/sachverstaendigenverzeichnis/, li hija federazzjoni ta’ esperti maħtura pubblikament u ġuramentati.
  • L-esperti mediċi ma humiex obbligati li jiġu maħtura pubblikament u li jingħataw il-ġurament. Sabiex wieħed isib espert mediku, il-listi jinżammu mis-siti web reġjonali ta’ assoċjazzjonijiet mediċi.

Il-ħatra ta’ espert mir-reġistru hija prattika largament segwita mill-qrati. Jekk ir-rekwiżiti jiġu ssodisfati, l-espert jiġi rreġistrat awtomatikament. Il-kmamar tar-reġistrazzjoni nnominati mill-Istat huma responsabbli biex jaġġornaw ir-reġistri fil-pront.

Id-dispożizzjonijiet legali prinċipali applikabbli għall-użu ta’ esperti ġudizzjarji fil-Ġermanja huma:

II. Il-Kwalifiki tal-Esperti

Persuna tista’ tiġi elenkata bħala espert jekk ikollha livell partikolarment għoli ta’ kwalifika fil-qasam ta’ kompetenza tagħha. Sabiex jiġi elenkat, huwa obbligatorju li l-applikant ikollu esperjenza professjonali xierqa. Il-kompetenza trid tintwera billi tiġi ppreżentata dokumentazzjoni xierqa tal-ħidma tal-espert. (eż. CV, kopji taċ-ċertifikati għall-kwalifiki akkademiċi u professjonali rilevanti kollha, esperjenzi tax-xogħol, referenzi, rapporti, taħriġ). Hemm ukoll eżami mill-kmamar tal-industrija u l-kummerċ/il-kmamar tas-snajja’, u, fil-każ tal-periti u l-inġiniera, mill-kmamar professjonali tagħhom. Minbarra l-kwalifiki, għandhom jintwerew ukoll edukazzjoni u esperjenza, indipendenza u integrità ulterjuri.

L-esperti maħtura pubblikament u ġuramentati normalment jiġu rreġistrati għal 5 snin. Qabel jintemm il-perjodu ta’ 5 snin, huma jridu juru l-kompetenza, l-integrità u t-taħriġ ulterjuri tagħhom sabiex jerġgħu jinħatru u b’hekk jiġu rreġistrati għal 5 snin oħra (eż. permezz ta’ verifika u rieżami tar-rapporti li jridu jiġu sottomessi għal reġistrazzjoni ġdida ta’ 5 snin). L-entitajiet responsabbli jridu jipprovdu t-taħriġ. Jekk l-espert jonqos milli jsegwi r-regoli tiegħu jew ma jżommx il-ħiliet tiegħu aġġornati, il-kmamar huma awtorizzati jneħħuh mir-reġistru.

III. Rimunerazzjoni tal-esperti

F’materji ċivili, amministrattivi u kriminali, ir-rimunerazzjoni tiġi kkalkulata abbażi tal-Att Ġermaniż dwar ir-Rimunerazzjoni u l-Gratifiki Ġudizzjarji (Justizvergütungs- und -entschädigungsgesetzes, JVEG).

Tista’ ssir applikazzjoni għal pagamenti bil-quddiem u pagamenti akkont.

Kull meta l-espert jaħdem f’missjoni barra mill-qorti, ir-rimunerazzjoni tiddependi mill-ftehim ta’ kumpens individwali.

IV. Responsabbiltà tal-esperti

L-espert huwa responsabbli għal opinjoni esperta skorretta sew jekk jiġi kkummissjonat minn persuni privati u sew jekk mill-qrati. Jekk l-espert li jaħdem għal qorti jkun ħejja opinjoni esperta skorretta b’intenzjoni jew b’negliġenza gravi u din l-opinjoni esperta skorretta tifforma l-bażi ta’ deċiżjoni tal-qorti, il-parti li ssofri dannu tista’ tieħu azzjoni legali sabiex tiġi kkumpensata għal dan id-dannu (§839a tal-Kodiċi Ċivili - Bürgerliches Gesetzbuch, BGB).

Kull meta l-espert jaħdem f’missjoni barra mill-qorti, japplikaw id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar ir-responsabbiltà (kuntrattwali).

V. Informazzjoni addizzjonali dwar il-proċedimenti tal-esperti

1. Ħatra tal-esperti

L-espert jinħatar mill-qorti. Madankollu, il-partijiet għandhom id-dritt li jagħmlu proposti dwar min għandu jinħatar.

a) Ħatra minn qorti

Il-qorti normalment tuża lista jew reġistru ta’ esperti. Il-qorti tista’ taħtar ukoll kwalunkwe espert li tqis li jkun xieraq u kompetenti. Espert maħtur mill-qorti huwa espert maħtur u mogħti l-istruzzjonijiet mill-qorti. Id-dmir ewlieni huwa li jassisti lill-qorti bl-għarfien espert tiegħu.

b) Ħatra mill-partijiet

Jekk il-partijiet jaqblu dwar ċerti persuni li jridu jinħatru bħala esperti, il-qorti tkun marbuta li ssegwi l-qbil tagħhom; iżda l-qorti tista’ tillimita l-għażla magħmula mill-partijiet għal ċertu għadd ta’ persuni.

Jekk parti tkun tixtieq taħtar espert fuq in-naħa tagħha sabiex tassistiha, dan l-espert ma jitqiesx bħala espert ġudizzjarju iżda bħala wieħed privat.

2. Proċedura

a) Proċedura ċivili

Il-qorti trid tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha u tagħmel referenza għall-konklużjonijiet tal-espert jekk il-qorti ssegwi l-opinjoni tal-espert. Il-qorti mhijiex marbuta bl-opinjoni tal-espert, iżda madankollu, l-opinjoni tal-espert spiss tkun kruċjali għas-sentenza. F’każ ta’ aċċess fuq il-post, l-espert irid jikkuntattja lill-partijiet kollha. Meta, pereżempju, l-espert ikun jeħtieġ aktar informazzjoni mill-partijiet, din ġeneralment tkun trid tiġi ġestita mill-qorti.

i. Rapport tal-espert

Il-partijiet jistgħu jikkontestaw ir-rapport tal-espert maħtur permezz ta’ dikjarazzjonijiet jew billi jimpjegaw espert privat u jissottomettu r-rapport tagħhom lill-qorti, u b’hekk jipprovdu għarfien espert kuntrarju.

ii. Seduta tal-qorti

Għall-kumpilazzjoni ta’ provi, jistgħu jinbdew proċedimenti indipendenti qabel il-proċess (“selbständiges Beweisverfahren”). F’dan il-kuntest, l-espert jista’ jinħatar qabel ma jseħħu l-proċedimenti prinċipali. L-ambitu ta’ dawn il-proċedimenti huwa ristrett għall-preservazzjoni tal-provi għall-proċedimenti ġudizzjarji sussegwenti jew biex tiġi evitata l-litigazzjoni.

Is-seduta tal-qorti ssegwi Kodiċi ta’ Prattika u regoli proċedurali. L-espert irid iwieġeb l-interrogatorju b’mod oġġettiv, komprensibbli u komprensiv. Ma hemm l-ebda kontroeżami fid-dritt proċedurali Ġermaniż, iżda jistgħu jsiru mistoqsijiet mhux biss mill-imħallef, iżda wkoll mil-litiganti.

b) Oħrajn

Fil-kawżi kriminali, il-qorti għandha taħtar l-espert minn reġistru rikonoxxut ta’ esperti ġudizzjarji; għandha tintgħażel biss persuna oħra jekk dan ikun meħtieġ minħabba ċirkostanzi speċjali (§73(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali - Strafprozessordnung, SPO). Il-qorti tista’ tiggwida l-attività tal-espert. Regoli oħra jistgħu jinstabu fil-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali - Strafprozessordnung, SPO.

 

L-informazzjoni ppreżentata hawnhekk inġabret waqt il-Proġett Sib Espert minn kuntatti għal kull pajjiż magħżula mill-Istitut Ewropew tal-Kompetenzi u l-Esperti (EEEI).

L-aħħar aġġornament: 27/04/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.