Sib informazzjoni għal kull reġjun
I. Listi u reġistri ta’ esperti
Fil-Greċja, l-esperti huma elenkati skont l-ispeċjalizzazzjoni. Ir-reġistri tal-esperti jinżammu mill-qrati tal-Prim’Istanza. Huma pubbliċi iżda jintużaw biss mill-imħallfin li jkunu jixtiequ jaħtru espert. Il-qorti tista’ taħtar espert wieħed jew aktar, jekk hija tqis li l-kwistjonijiet pendenti jirrikjedu għarfien speċifiku. Barra minn hekk, il-qorti hija obbligata taħtar esperti jekk dan jintalab minn xi waħda mill-partijiet, sakemm il-qorti tqis li jkun meħtieġ għarfien speċjali.
L-esperti jridu japplikaw sabiex jiġu elenkati fir-reġistru.
Wara stedina pubblika biex wieħed japplika f’Qorti tal-Prim’Istanza ċivili jew amministrattiva (permezz tas-sit web uffiċjali tal-qorti), l-applikant jissottometti applikazzjoni bil-miktub bid-data personali tiegħu lis-Segretarju tal-Qorti tal-Prim’Istanza fejn jiddikjara li:
- huwa qatt ma nstab ħati jew ġie akkużat b’reat gravissimu jew reat li wassal sabiex jiċċaħħad mid-drittijiet politiċi tiegħu,
- mhuwiex imċaħħad mil-liċenzja professjonali tiegħu,
- mhuwiex imċaħħad mid-dritt li jiddisponi mill-proprjetà minħabba li huwa insolventi jew taħt kurazija,
- mhuwiex imħallef, prosekutur jew skrivan.
Wara t-tmiem tal-proċedura tal-applikazzjoni, li sseħħ kull sena, jiġi ppubblikat abbozz ta’ reġistru tal-esperti. Wara perjodu ta’ oppożizzjoni, ir-reġistru finali jiġi approvat mill-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Ħafna Membri.
Għall-proċedimenti kriminali, ir-reġistru tal-esperti huwa ġestit mill-Kunsill tal-Imħallfin tar-Reati fuq proposta tal-prosekutur. L-esperti jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin – huma:
- irid ikollhom aktar minn 21 sena,
- iridu jkunu legalment kapaċi u ma jkollhomx diżabilità mentali,
- ma jkunux instabu ħatja ta’ reat gravissimu jew ta’ reat li wassal biex jiġu mċaħħda mid-drittijiet politiċi tagħhom jew għat-tkeċċija mis-servizz pubbliku,
- ma jridux ikunu mċaħħda mil-liċenzja professjonali tagħhom,
- ma jridux ikunu kkawżaw il-fatti li jikkostitwixxu l-oġġett tal-Perizja,
- ma jridux ikunu l-maġistrati, il-prosekuturi, is-segretarji jew l-iskrivani kompetenti fil-proċedimenti rilevanti,
- ma jridux ikunu ġew ikkundannati għall-istess reat bħall-akkużat u
- ma jridux ikunu l-konjuġi, l-aħwa jew il-qraba mill-qrib tal-imputat.
L-esperti jistgħu jitneħħew mir-reġistru jekk ikunu jixtiequ, jekk ma jibqgħux jissodisfaw ir-rekwiżiti jew jekk l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li tagħmel dan.
II. Kwalifiki tal-esperti
L-esperti jridu jkunu membri ta’ korp professjonali sabiex ikunu jistgħu jsejħu lilhom infushom esperti.
III. Remunerazzjoni tal-esperti
Fi proċedimenti kriminali, l-Istat iħallas ir-remunerazzjoni tal-espert. Fir-rigward tal-proċedimenti ċivili, ir-rikorrent irid iħallas avvanz fuq l-ispejjeż għall-esperti maħtura mill-qorti. Fit-tmiem tal-proċess, l-ispejjeż iridu jitħallsu mill-parti li titlef il-proċess. It-tariffi tal-espert huma negozjabbli b’mod liberu. Il-partijiet jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jiksbu għajnuna legali fir-rigward tar-remunerazzjoni tal-espert.
IV. Responsabbiltà tal-esperti
L-esperti jinżammu responsabbli skont il-liġi ġenerali u l-liġi tal-obbligi. Mhumiex obbligati jkopru r-responsabbiltà possibbli tagħhom permezz ta’ assigurazzjoni ta’ indennizz professjonali.
V. Informazzjoni addizzjonali dwar il-proċedimenti tal-esperti
Id-dispożizzjonijiet legali prinċipali applikabbli għall-kompetenza ġudizzjarja fil-Greċja huma l-Artikoli 368-392 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Grieg u l-Artikolu 20§ 7 tad-Digriet Irjali Nru 566/1968, il-Liġi 2882/2001 (Kodiċi ta’ Esproprjazzjoni). Barra minn hekk, japplikaw l-Artikoli 159-168 tal-Kodiċi Grieg tal-Proċedura Amministrattiva u l-Artikoli 183-203 tal-Kodiċi Grieg tal-Proċedura Kriminali.
Il-qorti għandha s-setgħa diskrezzjonali li tordna l-kumpilazzjoni tax-xhieda billi l-iskop predominanti huwa li tinstab il-verità. L-uniku limitu għal din is-setgħa huwa l-prinċipju tal-kuntradittorju.
1. Ħatra ta’ esperti
L-esperti jistgħu jinħatru mill-qorti u mill-partijiet involuti. Il-ħatra ta’ esperti fi proċedimenti amministrattivi hija simili għal dik fi proċedimenti ċivili. Fi proċedimenti quddiem qorti kriminali, l-espert jista’ jinħatar mill-prosekutur jew mill-qorti matul il-fażi tal-investigazzjoni. Għal dan il-għan, hemm reġistru differenti minn dak tal-proċedimenti ċivili u l-espert irid jissodisfa rekwiżiti aktar stretti milli fil-proċedimenti ċivili u amministrattivi.
(a) Ħatra minn qorti
Il-qorti ċivili għandha s-setgħa diskrezzjonali li taħtar espert ex officio jew skont talba espliċita tal-litiganti jekk il-fatti rilevanti ma jkunux jistgħu jiġu stabbiliti mod ieħor. F’dan il-każ, is-seduta ta’ smigħ orali tiġi posposta għal data wara l-preżentazzjoni tar-rapport tal-espert. Il-qorti hija libera li taħtar kwalunkwe persuna li tqis xierqa sabiex taġixxi bħala espert. L-espert irid jirrapporta kwalunkwe kunflitt ta’ interess lill-qorti. L-esperti maħtura mill-qorti għandhom aċċess għall-fajl.
(b) Ħatra mill-partijiet
Hemm tliet tipi ta’ esperti maħtura mill-partijiet fil-Greċja: il-konsulenti tekniċi (l-Artikolu 391-392 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, l-Artikolu 167 tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva, l-Artikolu 204 et seq. tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), l-esperti extraġudizzjarji u x-xhieda esperti. Il-konsulent tekniku jinħatar mil-litigant sabiex jikkontrolla l-azzjoni ta’ espert maħtur mill-qorti. L-espert extraġudizzjarju jintgħażel mill-parti. Ir-rapport tiegħu jrid jiġi invokat u ppreżentat mill-partijiet, inkella jiġi miċħud bħala inaċċettabbli. Jekk dawn ir-rekwiżiti jiġu ssodisfati, il-qorti teżamina u tivvaluta liberament l-opinjoni tal-espert. Ir-rapport mhuwiex ikkunsidrat bħala evidenza. Huwa pjuttost marbut mal-bażi legali tal-argumenti tal-litiganti. Ix-xhieda esperti huma xhieda b’għarfien xjentifiku jew tekniku speċjali, li jsirulhom mistoqsijiet mill-qorti.
Il-qorti tista’ tiddeċiedi jekk tkunx se tibbaża r-raġunament fis-sentenza tagħha fuq l-opinjoni tal-espert. Il-qorti tista’ saħansitra tibbaża s-sentenza tagħha fuq l-opinjoni tal-espert jekk ir-rapport tal-espert ikun sar bi ksur tar-regoli tal-proċeduri. Madankollu, jekk il-ksur tar-regoli proċedurali jkun konsiderevoli, ir-rapport tal-espert jitqies li ma jeżistix. F’dan il-każ, l-imħallef ma jistax jibbaża r-raġunament tas-sentenza fuq l-opinjoni tal-espert.
2. Proċedura (Ċivili)
L-esperti maħtura mill-qorti jistgħu jiġu kontroeżaminati mill-konsulenti tekniċi tal-partijiet jekk il-partijiet ikunu qabbdu tali konsulenti. L-uniku obbligu tal-espert huwa li jippreżenta r-rapport. L-esperti maħtura mill-partijiet huma permessi li jkunu f’kuntatt mal-partijiet matul il-proċedimenti, l-esperti maħtura mill-qorti jeħtieġu l-permess tal-qorti biex jagħmlu dan.
(a) Rapport tal-espert
Fil-proċedimenti ta’ kompetenza Griegi mhuwiex meħtieġ rapport espert preliminari. Ir-rapport prinċipali jista’ jiġi ppreżentat bil-miktub jew b’mod orali. L-espert m’għandux għalfejn isegwi ċerta struttura meta jipprovdi r-rapport tiegħu.
Jekk il-qorti tqis li r-rapport ma jkunx komplut jew fil-każ ta’ mġiba ħażina mhux ġustifikata tal-espert, il-qorti tista’ tordna t-tfassil ta’ rapport ġdid jew ta’ rapport addizzjonali ex officio jew fuq talba tal-partijiet. Il-qorti tista’ wkoll tordna li l-espert ikollu jħallas it-tariffi tal-qorti minħabba l-imġiba ħażina mhux ġustifikata tal-espert.
Ir-rapport tal-espert jista’ jiġi kkontestat mid-dikjarazzjonijiet tal-partijiet u kontroperizja.
(b) Smigħ fil-qorti
L-imħallef jordna biss lill-espert sabiex jattendi s-seduti f’każijiet eċċezzjonali.
L-informazzjoni ppreżentata hawnhekk inġabret matul il-Proġett Sib Espert minn kuntatti għal kull pajjiż magħżula mill-Istitut Ewropew tal-Kompetenzi u l-Esperti EEEI.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.