Sib informazzjoni għal kull reġjun
I. Listi u reġistri ta’ esperti
Il-Ministeru għall-Ġustizzja jista’ jaħtar esperti, tradutturi, interpreti ġuramentati kif ukoll rappreżentanti legali u medjaturi kummerċjali fi kwistjonijiet ta’ infurzar tal-liġi u kwistjonijiet amministrattivi sabiex iwettqu l-kompiti assenjati lilhom mill-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi. L-esperti li jkunu nħatru b’dan il-mod u li sussegwentement ikunu ħadu ġurament quddiem awla tal-Qorti Suprema tal-Ġustizzja jiddaħħlu f’reġistru disponibbli fuq is-sit web tal-Ministeru għall-Ġustizzja.
Filwaqt li r-reġistru tfassal għal materji kriminali u amministrattivi, dan jintuża wkoll għal materji ċivili u kummerċjali. Il-qrati ma humiex obbligati jaħtru esperti li jidhru fir-reġistru, iżda ġeneralment jagħmlu dan.
Il-professjonisti japplikaw mal-Ministeru tal-Ġustizzja biex jiġu elenkati fir-reġistru. L-applikazzjonijiet li għandhom jiġu inklużi fir-reġistri jistgħu jiġu ppreżentati lill-Ministeru għall-Ġustizzja billi jintuża assistent online disponibbli fuq MyGuichet.lu (ara « Formoli / Servizzi online») jew l-applikazzjoni għall-apparati mobbli ta’ MyGuichet.lu. Fajl komplut (li jinkludi diploma fil-qasam inkwistjoni, evidenza ta’ esperjenza professjonali, CV u estratt mir-rekord ġudizzjarju) jintbagħat lill-Ministeru għall-Ġustizzja, li mbagħad jibda proċedura ta’ verifika, inkluż tal-affidabilità tal-espert. Il-ministeru jiddeċiedi jekk għandux jirreġistra lill-espert billi jivverifika l-kwalifiki tal-kandidat (inklużi l-lawrji fil-qasam u l-edukazzjoni ulterjuri) u l-esperjenza. Jekk jiddaħħlu fir-reġistru, l-esperti jridu jieħdu ġurament fil-qorti.
Ladarba jiġi nnominat espert mill-Ministeru għall-Ġustizzja u dan jingħata l-ġurament mill-qorti, il-kontenut tar-reġistru jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Lussemburgu. Ladarba jkunu reġistrati, l-esperti ma jkollhom l-ebda obbligu partikolari. Huma ma jkollhom għalfejn jibagħtu l-ebda rapport tal-attività lill-ministeru. Ma jkunux obbligati jsegwu edukazzjoni kontinwa. Ir-reġistru jiġi aġġornat f’intervalli regolari.
L-esperti jistgħu jiġu rrevokati jekk jiksru l-obbligi tagħhom jew ir-regoli etiċi professjonali jew għal raġunijiet serji oħrajn. Raġunijiet bħal dawn iseħħu jekk ma jibqgħux jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar il-kwalifiki, ikunu nstabu li kienu negliġenti fi dmirijiethom jew ma jibqgħux jippreżentaw l-affidabilità meħtieġa, eż. ikunu nstabu ħatja ta’ reat. Espert jitkeċċa b’deċiżjoni tal-ministru wara li jkun ħa l-parir tal-prosekutur pubbliku u wara li jkun sema’ lill-espert ikkonċernat. It-tkeċċija tieħu l-forma ta’ revoka permezz ta’ digriet ministerjali. Ir-revoka tista’ tiġi kkontestata quddiem il-qorti amministrattiva. Ma hemm ebda kodiċi ta’ kondotta jew ta’ etika speċifiku applikabbli għall-esperti. Madankollu, iridu jiġu rispettati l-kodiċijiet etiċi jew professjonali oħrajn li japplikaw għall-professjoni speċifika tal-espert.
II. Kwalifiki tal-esperti
L-esperti jridu jiksbu ċertu livell edukattiv fid-dixxiplina speċjalizzata tagħhom sabiex ikunu jistgħu jsejħu lilhom infushom esperti. Lawrji bħal dawn ikunu essenzjali sabiex jiddaħħlu fir-reġistru ta’ esperti miżmum mill-Ministeru għall-Ġustizzja. Sabiex jipprattikaw ta’ espert, l-esperti la jridu jkunu membru ta’ korp professjonali u lanqas ma huma meħtieġa li jtejbu l-ħiliet tagħhom b’mod regolari (m’hemm l-ebda sistema ta’ edukazzjoni legali kontinwa, iżda l-esperti jistgħu jsegwu taħriġ fuq bażi volontarja).
III. Remunerazzjoni tal-esperti
Ir-remunerazzjoni tal-esperti hija stabbilita permezz ta’ regolament. F’każijiet speċifiċi, speċjalment jekk il-missjoni tal-espert tkun partikolarment kumplessa, il-qorti tista’ tiddeċiedi li ma tapplikax it-tariffa legali. Fil-prattika, l-esperti ġeneralment jitolbu lill-partijiet sabiex jiftiehmu li jħallsu ammont ogħla mit-tariffa legali. F’materji ċivili, meta jinħatru mill-qorti, waħda mill-partijiet hija obbligata tħallas lill-espert bil-quddiem. L-esperti jistgħu jirċievu ħlas bil-quddiem fuq it-tariffi tagħhom li jaqbżu t-tariffa legali. Iżda fit-tmiem tal-proċedimenti, fis-sentenza dwar il-merti, il-qorti tiddeċiedi min għandu jġorr il-piż finali tal-ispejjeż. Il-piż tal-ispejjeż jista’ jinqasam bejn il-partijiet. Il-partijiet jistgħu jiksbu għajnuna legali fir-rigward tar-remunerazzjoni tal-espert bir-rati predefiniti.
F’materji kriminali, il-ħlas bil-quddiem tal-ispejjeż dejjem isir mill-Istat. L-imputat irid iħallas ir-remunerazzjoni tal-espert biss jekk l-imputat jiġi kkundannat. L-esperti mitlubin mill-prosekutur jistgħu jitħallsu mill-Istat huma wkoll.
IV. Responsabbiltà tal-esperti
Ma hemm l-ebda regola speċifika applikabbli għar-responsabbiltà tal-esperti. Għalhekk, l-azzjoni tagħhom hija regolata bir-regoli ġenerali tal-obbligi. Dawn ir-regoli ma jipprevedu l-ebda limitu massimu tar-responsabbiltà. Ma hemm l-ebda obbligu biex ir-responsabbiltà possibbli tal-espert tiġi koperta permezz ta’ assigurazzjoni ta’ indennizz professjonali.
V. Informazzjoni addizzjonali dwar l-esperti fil-proċedimenti
Il-ħatra tal-esperti hija regolata bi statut speċifiku, il-« Loi modifiée du 7 juillet 1971 portant en matière répressive et administrative, institution d’experts, de traducteurs et d’interprètes assermentés et complétant les dispositions légales relatives à l’assermentation des experts, traducteurs et interprètes ». Din il-liġi tirrigwarda biss materji kriminali u amministrattivi. Ma teżisti l-ebda liġi speċifika f’materji ċivili.
Ta’ min jinnota li ċerti dispożizzjonijiet oħrajn tal-kodiċijiet ta’ proċedura kriminali jew ċivili huma rilevanti wkoll, u hekk ukoll il-«Loi modifiée du 21 juin 1999 portant règlement de procédure devant les juridictions administratives ».
Ma hemmx differenzi fundamentali bejn il-proċeduri tal-ħatra f’materji ċivili, amministrattivi u kriminali. Madankollu, f’materji kriminali, l-imputat għandu drittijiet aktar estensivi milli f’materji oħrajn. Il-maġġoranza l-kbira tal-esperti ġudizzjarji jinħatru fil-proċedimenti preliminari, qabel il-proċess. Mill-anqas nofs it-talbiet għall-ħatra ta’ espert jinbdew fil-proċedimenti preliminari. Il-ħatra ta’ esperti matul il-proċedimenti prinċipali ma hijiex komuni ħafna.
1. Ħatra tal-esperti
Fil-Lussemburgu, l-esperti ġudizzjarji jinħatru mill-qrati jew jiġu ingaġġati mill-partijiet. L-imħallfin biss jistgħu jaħtru esperti bl-istatus ta’ esperti ġudizzjarji, jew fuq talba tal-partijiet jew ex ufficio. F’materji kriminali, l-imħallef inkwirenti, il-juge d’instruction, ħafna drabi jaħtar l-espert, jew fuq talba tal-imputat jew tal-prosekutur. L-imħallef inkwirenti jista’ wkoll jaħtar l-espert fuq ex ufficio. Billi d-deċiżjoni tal-imħallef inkwirenti hija deċiżjoni preliminari, il-prinċipju tal-proċedimenti kontenzjużi ma japplikax.
Fil-liġi kriminali, hemm regoli speċjali għall-koesperti jew għall-kontroesperti li jkunu għad-dispożizzjoni tal-imputat.
F’materji ċivili, kummerċjali u amministrattivi, espert jista’ jinħatar qabel il-proċess jekk ikun hemm urġenza speċjali.
a) Ħatra minn qorti
Matul il-proċedimenti prinċipali, il-qorti taħtar espert ġudizzjarju meta tkun teħtieġ parir dwar kwistjonijiet tekniċi li jinqalgħu matul il-proċedimenti. Il-qrati jistgħu jagħmlu dan fuq talba tal-partijiet jew ex ufficio. L-esperti jridu jirrappurtaw kwalunkwe kunflitt ta’ interess ma’ xi parti.
Ħatra ta’ espert qabel il-proċess tkun possibbli jekk il-kwistjoni tkun urġenti jew jekk il-kompetenza esperta tkun meħtieġa fid-dawl ta’ litigazzjoni imminenti dwar il-merti. Il-ħatra tal-espert f’dan l-istadju preliminari hija l-uniku għan tal-proċedimenti, u tirrikjedi li l-partijiet jippreżentaw rikors speċifiku. Ġeneralment, dawn il-proċedimenti ma jistgħux jinbdew mingħajr ma l-intimat ikollu l-opportunità li jinstema’ mill-imħallef. Madankollu, f’każijiet ta’ urġenza estrema, l-esperti ġudizzjarji jistgħu jinħatru immedjatament, iżda, f’dan il-każ, l-intimat irid ikollu l-opportunità li jinstema’ fi stadju aktar tard.
Meta jagħmlu rikors għall-ħatra ta’ espert ġudizzjarju jew meta jikkummentaw dwar is-suġġeriment tal-qorti li taħtar wieħed, il-partijiet jistgħu jipproponu ismijiet u jaqblu dwar espert speċifiku. Jekk qorti tiddeċiedi li taħtar espert ġudizzjarju ex ufficio, hija għandha tavża b’dan lill-partijiet u tfittex il-kummenti tagħhom qabel ma tieħu din id-deċiżjoni. Il-qrati ma humiex obbligati jaħtru esperti li jidhru fir-reġistru tal-esperti, għalkemm din hija ġeneralment il-prassi tagħhom.
b) Ħatra mill-partijiet
Filwaqt li l-partijiet qatt ma jaħtru esperti ġudizzjarji, il-partijiet jistgħu jiġu involuti fil-ħatra ta’ espert mill-qorti. Huma jistgħu jaqblu fuq il-missjoni tal-espert, fuq il-piż tal-ispejjeż u saħansitra fuq espert speċifiku. Imbagħad jibagħtu ittra tal-ħatra komuni lill-espert magħżul. Jekk iż-żewġ partijiet jaqblu, l-imħallef jista’ jippermetti li jinħatar dak l-espert. Dan jiġri ta’ spiss fil-proċedimenti preliminari.
2. Proċedura (ċivili)
Ladarba jinħatar, l-espert ġudizzjarju jlaqqa’ lill-partijiet biex jiddiskuti l-każ magħhom. L-esperti ġeneralment jikkomunikaw permezz tal-avukati mal-partijiet u jinfurmaw ukoll lill-qorti dwar l-iżviluppi. Ma hemm l-ebda regola speċifika dwar kif dan jiġi mmaniġġjat ħlief għar-rekwiżit li jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ proċedimenti kontenzjużi f’kull ħin: kull parti għandha d-dritt li tesprimi l-fehmiet tagħha fuq l-aspetti kollha tal-każ f’kull ħin.
Hemm żewġ attenwazzjonijiet ta’ dan il-prinċipju. Dawn jikkonċernaw l-eżamijiet ta’ aspetti purament fattwali mill-esperti u l-investigazzjonijiet li jinvadu l-isfera privata (jiġifieri eżami mediku). Iżda f’dawn il-każijiet, l-espert irid jippreżenta r-riżultati tal-investigazzjonijiet lill-partijiet l-oħra qabel ma jiffinalizza l-perizja tiegħu.
Il-progress tal-investigazzjonijiet tal-espert jiġi mmonitorjat mill-qorti kompetenti. Meta ssirilha talba għal dan l-għan, il-qorti tista’ taqbel li l-espert ma jkunx kwalifikat b’mod suffiċjenti u taħtar espert differenti. Billi fil-maġġoranza kbira tal-każijiet jinħatar biss espert wieħed, ma hemm l-ebda proċedura li biha l-esperti jiltaqgħu qabel il-proċess biex inaqqsu l-kwistjonijiet.
a) Perizja
L-espert jippreżenta l-perizja tiegħu bil-miktub. Ma hemm l-ebda struttura partikolari li l-espert irid isegwi fil-perizja tiegħu. L-espert għandu l-obbligu li jwettaq il-missjoni tiegħu b’lealtà u billi jirrispetta l-prinċipju tal-proċedimenti kontenzjużi. Huwa jrid jindirizza l-mistoqsijiet fattwali kollha inklużi fil-missjoni tiegħu iżda ma jistax iwieġeb mistoqsijiet legali. Il-mandat tal-espert se jkun limitat mill-qorti, ħlief għall-proċeduri li fihom l-espert ikun inħatar mill-partijiet, mingħajr l-intervent tal-imħallef, fejn huwa jindirizza t-tħassib tal-partijiet.
Mhuwiex obbligatorju li ssir perizja preliminari, iżda din tista’ tiġi ppreżentata jekk tkun meħtieġa miċ-ċirkustanzi tal-każ speċifiku. Dan huwa partikolarment il-każ jekk jinqalgħu mistoqsijiet ġodda matul it-twettiq tal-missjoni jew jekk il-partijiet jonqsu milli jikkollaboraw mal-espert.
Il-każijiet li fihom l-espert jista’ jkollu jippreżenta perizja addizzjonali huma rari. Dan jista’ jseħħ meta l-espert ma jkunx wieġeb il-mistoqsijiet kollha inklużi fil-missjoni tiegħu jew meta jinqalgħu mistoqsijiet addizzjonali aktar ’il quddiem. Il-qorti toħroġ ordni ġdida li tiddikjara l-ħtieġa ta’ input addizzjonali u tispeċifika l-mistoqsijiet li jridu jitwieġbu. Il-partijiet jistgħu jagħmlu talba għal kjarifika ulterjuri lill-imħallef. Madankollu, fil-prattika huwa aktar probabbli li jinħatar espert ieħor, skont jekk il-partijiet ikunux issodisfati bl-ewwel perizja.
Il-perizji jistgħu jiġu kkontestati kemm mid-dikjarazzjonijiet tal-partijiet kif ukoll minn kontrokompetenza esperta. Il-qrati ma humiex marbuta bl-opinjoni espressa fil-perizji. Il-ġurisprudenza tgħid li l-qorti tista’ tiddevja mill-perizja jekk ikun hemm raġunijiet tajba biex tagħmel dan, jiġifieri jekk parti waħda jew iż-żewġ partijiet jagħtu prova li l-espert ikun żbaljat. Il-perizji kontradittorji għandhom l-istess valur probatorju, irrispettivament minn jekk l-espert ikunx inħatar mill-qorti jew mill-partijiet. Il-perizji mibdija minn xi waħda mill-partijiet, il-perizji kontradittorji kif ukoll il-perizji miktuba mingħajr ma l-espert ikun irrispetta l-prinċipju tal-proċedimenti kontenzjużi, jistgħu jiġu ppreżentati u diskussi fil-proċess, iżda m’għandhomx l-istess valur probatorju bħall-perizji ppreżentati b’ħarsien ta’ dan il-prinċipju.
b) Seduta fil-qorti
L-esperti ma għandhom għalfejn jattendu għall-ebda seduta preliminari. Huma għandhom jattendu seduta sabiex iwieġbu mistoqsijiet mill-qorti wara li jippreżentaw il-perizja tagħhom. Ma jsirilhomx kontroeżami fil-qorti.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.