Sib espert

Slovakkja

Il-kontenut ipprovdut minn
Slovakkja

I. Listi u reġistri ta’ esperti

Hemm lista uffiċjali/reġistru tal-esperti fir-Repubblika Slovakka. Kulħadd jista’ jaċċessa l-lista ta’ esperti online.

L-entità responsabbli għaż-żamma tar-reġistru tal-esperti hija l-Ministeru għall-Ġustizzja.

Sabiex jiġu elenkati fir-reġistru, l-esperti jridu jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

  • kapaċità legali sħiħa,
  • silta mill-kondotta mingħajr ebda kundanna kriminali elenkata,
  • edukazzjoni korrispondenti (grad universitarju, jekk possibbli),
  • kors speċifiku fuq żmien qasir dwar l-istandards legali li jirregolaw il-professjoni tal-esperti ġudizzjarji,
  • mill-inqas seba’ snin esperjenza fil-qasam rilevanti tal-għarfien espert (kollha wara li wieħed ikun kiseb il-lawrja),
  • eżami speċifiku organizzat mill-Ministeru għall-Ġustizzja jew minn entità delegata,
  • kors speċifiku fit-tul dwar l-istandards legali li jirregolaw il-professjoni tal-esperti ġudizzjarji u dwar is-sezzjoni jew is-subsezzjoni rilevanti tal-lista (meħtieġ biss għal ċerti sezzjonijiet u subsezzjonijiet),
  • it-tagħmir materjali meħtieġ,
  • l-ebda tħassir mil-lista matul l-aħħar 3 snin minħabba reat amministrattiv bħala espert ġudizzjarju u l-ebda projbizzjoni kurrenti minħabba reat amministrattiv bħala espert ġudizzjarju,
  • il-ġurament ta’ espert ġudizzjarju.

L-esperti jridu jieħdu ġurament sabiex jiġu rreġistrati. L-esperti jridu japplikaw sabiex jiġu elenkati. Il-Ministeru għall-Ġustizzja huwa obbligat jirreġistra fil-lista tal-esperti persuna li tissodisfa r-rekwiżiti statutorji.

Il-Ministeru għall-Ġustizzja jista’ jneħħi lill-espert mil-lista:

  • fuq talba bil-miktub tal-espert,
  • jekk il-persuna ma tibqax tissodisfa r-rekwiżiti msemmija hawn fuq,
  • bħala sanzjoni dixxiplinarja,
  • jekk il-persuna twettaq attività mingħajr assigurazzjoni ta’ responsabbiltà ċivili,
  • jekk il-persuna ma tgħaddix mill-verifika tal-kompetenza professjonali.

Il-lista ta’ esperti tiġi aġġornata kontinwament mill-Ministeru għall-Ġustizzja.

Wieħed jista’ jfittex espert billi juża l-għodda ta’ tiftix. Din l-għodda ta’ tiftix tkopri l-esperti kollha. L-esperti huma elenkati skont l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom u l-ispeċjalizzazzjonijiet huma aċċessibbli fir-reġistru.

II. Il-kwalifiki tal-espert

L-esperti jridu jiksbu ċertu livell edukattiv fid-dixxiplina speċjalizzata tagħhom sabiex jiġu rreġistrati. L-esperti ma għandhomx għalfejn ikunu membri ta’ korp professjonali biex jipprattikaw bħala espert. L-esperti iridu jaġġornaw il-ħiliet tagħhom b’mod regolari. Hemm istituti speċjalizzati għall-esperti li huma intitolati li jorganizzaw taħriġ professjonali kontinwu.

III. Ir-remunerazzjoni tal-esperti

L-espert jista’ jiftiehem mal-awtorità kontraenti, li mhijiex qorti jew awtorità pubblika oħra, dwar ir-remunerazzjoni kuntrattwali jew l-ammont tal-espert. Jekk ma jaqblux, l-espert huwa intitolat għal tariffa, għal kumpens għall-ispejjeż u għal kumpens għat-telf ta’ ħin. L-ammont tat-tariffa għall-esperti jiġi bbażat jew fuq il-ħin, jew skont il-metodu ta’ proporzjon jew skont il-metodu b’rata fissa.

L-esperti maħtura mill-qorti jistgħu jirċievu ħlas bil-quddiem. Fil-proċeduri ċivili, ir-remunerazzjoni tal-espert titħallas mill-partijiet, filwaqt li fil-proċedimenti kriminali din titħallas mill-Istat.

IV. Responsabbiltà tal-esperti

Ir-regolamenti tar-Repubblika Slovakka jinkludu dispożizzjoni partikolari li tittratta r-responsabbiltà tal-espert. L-Att Nru 382/2004 Coll., kif emendat l-aħħar, jirregola diversi tipi ta’ reati amministrattivi.

L-esperti huma obbligati jkopru r-responsabbiltà possibbli tagħhom permezz ta’ assigurazzjoni ta’ indennizz professjonali. Tali assigurazzjoni ma tkoprix ir-responsabbiltà tal-espert għall-pariri li jagħti fl-Istati Membri l-oħrajn.

Ir-responsabbiltà tal-espert hija suġġetta għal limitu massimu ta’ EUR 33 193.

V. Informazzjoni addizzjonali dwar l-esperti fil-proċedimenti

Id-dispożizzjonijiet legali ewlenin applikabbli għall-perizja ġudizzjarja fir-Repubblika Slovakka huma l-Att Nru 382/2004 Coll. kif emendat l-aħħar, ir-Regolament Nru 228/2018 Coll., il-Kodiċi dwar il-Proċedura Ċivili, il-Kodiċi dwar il-Proċedura Kriminali u l-Kodiċi dwar il-Proċedura Amministrattiva.

Ir-regoli ġenerali għall-ħatra tal-esperti għall-fini ta’ proċedimenti quddiem il-qrati ċivili, kriminali jew amministrattiva huma simili.

Is-sistema ġuridika tar-Repubblika Slovakka ma tiddistingwix bejn xhieda esperti, esperti tekniċi, esperti legali jew kwalunkwe tip ieħor ta’ espert. L-għadd totali ta’ esperti reġistrati huwa ta’ madwar 3 000.

Ħatra tal-esperti

L-esperti jistgħu jinħatru minn qorti jew minn awtorità pubblika oħra. L-esperti jistgħu jinħatru għall-fini ta’ proċedimenti preliminari jew ta’ qabel il-proċess. Fi proċedimenti kriminali ta’ qabel il-proċess, l-espert jista’ jinħatar mill-pulizija jew mill-prosekutur.

Ma hemm l-ebda differenza bejn il-ħatra ta’ espert għall-fini ta’ proċedimenti quddiem qorti ċivili, kriminali u amministrattiva. L-esperti maħturin mill-qorti għandhom obbligu legali li jirrappurtaw kwalunkwe kunflitt ta’ interess. F’każijiet fejn l-esperti jinħatru mill-qrati, il-qorti tuża lista jew reġistru ta’ esperti biex tagħżilhom. Perit mil-lista jista’ jinħatar mill-qorti jew jintgħażel minn waħda mill-partijiet. Jekk ma jkun hemm l-ebda espert ġudizzjarju reġistrat fil-lista jew l-ebda espert ġudizzjarju reġistrat ma jkun jista’ jwettaq il-perizja, il-qorti tista’ taħtar espert ġudizzjarju fuq bażi ad hoc.

Proċedura

Proċedura Ċivili

L-esperti normalment jiġu kontroeżaminati matul il-proċess. Il-qorti ma hijiex marbuta bl-opinjoni tal-espert. Ir-rapport tal-espert huwa importanti daqs kwalunkwe prova oħra; l-imħallef huwa obbligat li jevalwaha liberament u fir-rigward tal-mezzi ta’ prova l-oħrajn.

Ma hemm l-ebda proċedura li permezz tagħha l-esperti jiltaqgħu qabel il-proċess jew jiġu kontroeżaminati qabel il-proċess biex jippruvaw isolvu l-kwistjonijiet u biex il-qorti tifhem l-opinjonijiet differenti.

Fuq talba tal-qorti, il-partijiet ikunu obbligati jikkooperaw mal-espert fil-kisba tas-sorsi jew tad-data għall-perizja.

1. Rapport tal-espert

Ir-rapport tal-espert irid ikun strutturat b’dan il-mod:

  • paġna bit-titolu
  • introduzzjoni
  • ir-rapport
  • konklużjoni
  • annessi
  • il-klawżola tal-espert

L-esperti ma humiex meħtieġa jipprovdu rapport preliminari. L-esperti ma humiex obbligati li jindirizzaw l-argumenti tal-partijiet fir-rapport tagħhom.

Il-qorti tista’ tordna li l-espert jipprovdi rapport addizzjonali. L-esperti jippreżentaw ir-rapport tagħhom bil-miktub jew bil-fomm.

2. Seduta fil-qorti

L-espert ikollu jattendi seduta preliminari. L-espert ikollu jattendi s-seduta ewlenija sabiex iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-qorti u tal-partijiet. L-esperti normalment jiġu kontroeżaminati matul il-proċess.


L-informazzjoni ppreżentata hawn inġabret waqt il-Proġett Sib Espert minn kuntatti għal kull pajjiż magħżula mill-Istitut Ewropew tal-Kompetenzi u l-Esperti EEEI.

L-aħħar aġġornament: 05/10/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.