Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Portugiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Medjazzjoni tal-familja

Portugall
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

MEDJAZZJONI FI KWISTJONIJIET TAL-FAMILJA FIL-PORTUGALL

Il-prinċipju ta’ parteċipazzjoni volontarja u l-approvazzjoni tal-ftehim

Fil-Portugall il-medjazzjoni ssir fuq bażi volontarja. Il-partijiet fi kwistjoni tal-familja dwar it-tfal jew il-konjuġi jistgħu jużaw medjazzjoni tal-familja pubblika jew privata bi ftehim bejniethom. Il-qorti wkoll tista’ tirreferi lill-partijiet għall-medjazzjoni, iżda ma tistax timponi dan mingħajr il-kunsens tagħhom. Il-medjazzjoni tal-familja tista’ sseħħ qabel isir rikors quddiem il-qorti jew l-Uffiċċju tar-Reġistru Ċivili (Conservatória do Registo Civil), jew waqt li l-kawża tkun pendenti. F’kull każ, il-ftehim rigward materji familjali jrid jiġi approvat biex ikun eżegwibbli. Ir-rappreżentanti tal-partijiet (jekk ikun hemm) ukoll jistgħu jattendu s-sessjonijiet ta’ medjazzjoni - u fil-prattika xi kultant hekk iseħħ. Il-Liġi Nru 29/2013 tad-19 ta’ April 2013 tispjega fid-dettall il-prinċipji ġenerali applikabbli għall-medjazzjoni.

Medjazzjoni fil-qorti

Jekk il-partijiet jużaw il-medjazzjoni tal-familja qabel jiftħu l-kawża u jilħqu ftehim, huma għandhom jitolbu lill-Uffiċċju tar-Reġistru Ċivili tal-għażla tagħhom biex japprova l-ftehim. Dawn il-ftehimiet jistgħu jkopru kwistjonijiet marbuta mal-konjuġi (eż. divorzju, il-ħlas ta’ manteniment bejn il-konjuġi, id-dar matrimonjali, l-użu tal-kunjom tal-eks konjuġi) kif ukoll kwistjonijiet rigward it-tfal (eż. ftehim rigward ir-responsabbiltà tal-ġenituri marbuta ma’ ftehim ta’ divorzju jew ftehim għal ħlas tal-manteniment ta’ tfal adulti). Qabel l-approvazzjoni mill-uffiċċju tar-reġistru, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku (Ministério Público) jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-ftehim, sa fejn ikollu x’jaqsam mar-responsabbiltà tal-ġenituri fuq it-tfal.

Jekk il-medjazzjoni sseħħ qabel ma tinfetaħ kawża l-qorti u jekk l-għan waħdieni tagħha jkun li jintlaħaq qbil dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq it-tfal (mingħajr ftehim ta’ divorzju jew separazzjoni legali mehmuż), il-partijiet iridu jitolbu lill-qorti kompetenti biex tapprova l-ftehim.

Jekk il-medjazzjoni tal-familja ssir waqt li l-kawża tkun għadha pendenti, hija tkompli kif ġej:

  • F’kawżi dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri (pereżempju kustodja, aċċess għat-tfal, manteniment tat-tfal) ikun hemm stadju ta’ medjazzjoni u smigħ speċjalizzat minn esperti. Wara li l-partijiet jkunu ġew imsejħa għal laqgħa minn imħallef, u jekk ma jkunux laħqu ftehim, l-imħallef jiddifferixxi l-laqgħat għal perjodu ta’ bejn xahrejn jew tlieta u jirreferi lill-partijiet lejn wieħed mill-mekkaniżmi alternattivi li ġejjin: il-medjazzjoni, sakemm il-partijiet ikunu taw il-kunsens tagħhom jew talbu għall-medjazzjoni; jew seduta speċjalizzata mal-esperti, li ssir mis-servizzi ta’ appoġġ tekniku tal-qorti. Hekk kif jiskadi l-perjodu ta’ differiment, jerġgħu jibdew il-laqgħat, u jekk jintlaħaq ftehim permezz ta’ wieħed mill-metodi msemmija aktar ’il fuq, l-imħallef jara u japprova l-ftehim. Jekk ma jkunx hemm ftehim, il-kawża tkompli bil-fażi kontenzjuża.
  • Bħala regola ġenerali, fil-kawżi ċivili, inkluż dawk dwar il-konjuġi (pereżempju divorzju u separazzjoni legali, ħlas ta’ manteniment bejn il-konjuġi u eks konjuġi, l-assenjazzjoni tad-dar matrimonjali, meta ma jkunx hemm ftehim minn qabel), l-Artikolu 273 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Código de Processo Civil) jippermetti lill-qorti tissospendi l-proċedimenti u tirreferi l-kawża għall-medjazzjoni, sakemm waħda mill-partijiet ma topponix il-medjazzjoni.
  • F’konformità mal-Artikolu 272(4) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, il-partijiet jistgħu wkoll jitolbu s-sospensjoni tal-proċedimenti bi ftehim reċiproku għal perjodu ta’ tliet xhur u jmorru għall-medjazzjoni fuq inizjattiva tagħhom stess.

Jekk jintlaħaq ftehim bil-medjazzjoni waqt li jkunu għadhom pendenti l-proċedimenti fil-kawżi msemmija hawn fuq, il-partijiet iridu jitolbu l-qorti biex tapprovah.

Il-kawżi dwar kwistjonijiet tal-familja li jaqgħu taħt il-kompetenza tar-reġistratur pubbliku jridu jitressqu bil-kunsens minn qabel tal-partijiet, għaliex inkella jaqgħu taħt il-kompetenza tal-qrati. Għal dik ir-raġuni, l-aċċess għall-medjazzjoni fuq inizjattiva tal-partijiet jista’ jkun utli qabel ma jibdew il-proċedimenti. Wara li jingħata bidu għall-proċedimenti fl-uffiċċju tar-reġistru ċivili, l-Artikolu 14(3) tad-Digriet Amministrattiv Nru 272/2001 tat-13 ta’ Jannar 2001 jgħid illi r-reġistratur għandu jinforma lill-konjuġi li jridu divorzju bis-servizzi ta’ medjazzjoni. Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-partijiet, sakemm il-proċedimenti ta’ divorzju bil-kunsens reċiproku jkunu pendenti quddiem l-uffiċċju tar-reġistru ċivili, jużaw il-medjazzjoni biex jirrikonċiljaw bejniethom jew biex jirrevedu l-ftehim dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, mehmuż mal-ftehim ta’ divorzju, fejn ikun hemm mozzjoni mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku f’dan ir-rigward.

Għażla ta’ medjatur pubbliku jew privat, tul u spiża tal-medjazzjoni

Bħala regola ġenerali, il-medjazzjoni tal-familja tieħu massimu ta’ tliet xhur, skont il-prinċipju fl-Artikolu 272(4) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. Dan il-perjodu jista’ jinqabeż biss f’każijiet eċċezzjonali u ġustifikati.

Jekk il-partijiet jużaw il-medjazzjoni privata, iridu jħallsu t-tariffi tal-medjatur. Dan l-ammont, ir-regoli u l-iskeda tal-medjazzjoni jiġu stabbiliti fil-protokoll tal-medjazzjoni iffirmat mill-partijiet u mill-medjatur fil-bidu tal-medjazzjoni. Il-Ministeru għall-Ġustizzja jżomm lista tal-medjaturi pubbliċi u privati illi tista’ tiġi kkonsultata mill-partijiet sabiex jagħżlu medjatur privat.

Sabiex imorru għal medjazzjoni pubblika, il-partijiet għandhom jikkuntattjaw lill-Uffiċċju għas-Soluzzjonijiet Alternattivi għat-Tilwim (Gabinete de Resolução Alternativa de Conflitos) tad-Direttorat Ġenerali għall-Politika dwar il-Ġustizzja (Direcção Geral da Política de Justiça) u jitolbu sessjoni ta’ qabel il-medjazzjoni. Din is-sessjoni tista’ tiġi riservata b’telefonata, b’email jew b’formola online. Fis-sessjoni pubblika ta’ qabel il-medjazzjoni, il-protokoll tal-medjazzjoni jiġi ffirmat mill-partijiet u mill-medjatur. Jiġi stabbilit ammont ta’ żmien, jiġu skedati s-sessjoniiet u jiġu spjegati r-regoli proċedurali.

L-ispiża ta’ sessjoni ta’ medjazzjoni pubblika tal-familja tiswa EUR 50 għal kull waħda mill-partijiet, irrispettivament min-numru ta’ sessjonijiet ippjanati. Din it-tariffa ta’ EUR 50 titħallas mill-partijiet kollha kif tkun se tibda l-medjazzjoni pubblika. It-tariffi tal-medjaturi li jaħdmu fis-sistema pubblika ma jitħallsux mill-partijiet. Jitħallsu mid-Direttorat-Ġenerali għall-Politika dwar il-Ġustizzja, skont skeda legali.

Is-sessjonijiet ta’ medjazzjoni pubblika jistgħu jsiru fil-bini tad-Direttorat-Ġenerali għall-Politika dwar il-Ġustizzja, jew fil-bini disponibbli tal-muniċipalità fejn jgħixu l-partijiet.

Fil-medjazzjoni pubblika, il-partijiet jistgħu jagħżlu medjatur minn lista ta’ medjaturi pubbliċi magħżula. Jekk ma ssirx għażla, l-Uffiċċju għas-Soluzzjonijiet Alternattivi għat-Tilwim tad-Direttorat Ġenerali għall-Politika dwar il-Ġustizzja jagħżel medjatur mil-lista ta’ medjaturi pubbliċi b’mod sekwenzjali u skont kemm ikun viċin iż-żona fejn jgħixu l-partijiet. Bħala regola, din il-ħatra ssir elettronikament.

Jekk il-partijiet għandhom dritt għall-għajnuna legali, din tista’ tkopri l-ispiża tal-medjazzjoni.

Medjazzjoni transfruntiera u Komedjazzjoni

F’każ ta’ tilwim transfruntier, fejn mhux possibbli jsiru sessjonijiet wiċċ imb wiċċ, jistgħu jintużaw sistemi ta’ vidjokonferenza għal medjazzjoni aktar faċli.

Fil-Portugall, il-medjaturi mill-Istati Membri l-oħra mhux biss jistgħu jirreġistraw biex jiġu inklużi fil-lista ta’ medjaturi tal-familja kkumpilata mill-Ministeru għall-Ġustizzja (li tinkludi medjaturi pubbliċi u privati), iżda jistgħu jiġu magħżula wkoll għal-lista ta’ medjaturi tal-familja pubbliċi (permezz ta’ sejħa għall-offerti). Fiż-żewġ każijiet, dan isir skont l-istess kundizzjonijiet li japplikaw għall-medjaturi nazzjonali.

Fil-Portugall, hija permessa l-komedjazzjoni, kemm fis-sistema pubblika u kemm fis-sistema privata ta’ medjazzjoni. Il-komedjazzjoni sseħħ bl-għażla tal-partijiet, jew fuq suġġeriment tal-medjatur, jekk huwa jaħseb li dan ikun l-aħjar approċċ għall-każ.

Ħoloq utli

Ara is-sit web tad-DGPJ: għall-ħolqa għal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-medjazzjoni; għall-ħolqa li tagħti aċċess għal-lista ta’ medjaturi tal-familja pubbliċi u privati; għall-ħolqa li tagħti aċċess għal informazzjoni dwar il-medjazzjoni tal-familja u l-medjazzjoni b’mod ġenerali.

It-talbiet għal medjazzjoni pubblika jistgħu jsiru billi ċċempel + 351 808 26 2000, b’email lil lilsmf@gral.mj.pt, jew permezz tal-formola online li tinsab hawnhekk http://smf.mj.pt/.

Biex issir taf kemm tiswa l-medjazzjoni pubblika, segwi dan il-link: https://justica.gov.pt/Servicos/Pedir-mediacao-familiar#Comopedir

Il-prezzijiet għall-medjazzjoni privata jistgħu jvarjaw minn dawk elenkati għall-medjazzjoni pubblika.

L-aktar verżjoni aġġornata tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili tinsab hawnhekk: http://www.pgdlisboa.pt/leis/lei_mostra_articulado.php?artigo_id=1959A0272&nid=1959&tabela=leis&pagina=1&ficha=1&so_miolo=&nversao=#artigo

 

Nota finali

L-informazzjoni f’din l-iskeda informattiva hija ta’ natura ġenerali u mhix eżawrjenti. Hija ma torbotx lill-punt ta’ kuntatt, lin-Network Ġudizzjarju Ewropew fl-oqsma ċivili u kummerċjali, lill-qrati jew lil xi persuni oħra. Mhijiex intiża li tissostitwixxi l-konsultazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli fis-seħħ.

L-aħħar aġġornament: 08/07/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.