Medjazzjoni tal-familja

Spanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1. Regoli tal-Medjazzjoni

Fi Spanja ma hemmx regoli speċifiċi dwar il-medjazzjoni tal-familja. Madankollu, bħala materja tad-dritt ċivili hija inkluża fil-Liġi 5/12 tas-6 ta’ Lulju 2012, dwar il-Medjazzjoni f’Materji Ċivili u Kummerċjali, li tirregola, f’termini ġenerali, il-medjazzjoni f’dawk l-oqsma.

L-Artikoli 3 u 27 tal-Liġi 5/12 fuq imsemmija, jinkludu regoli speċifiċi dwar il-medjazzjoni fi kwistjonijiet transfruntieri.

Ċerti komunitajiet awtonomi li għandhom ġuriżdizzjoni f’dan il-qasam irregolaw ukoll il-medjazzjoni b’mod li huwa simili għal leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-leġiżlazzjoni dwar il-medjazzjoni fuq il-livell ta’ Komunità Awtonoma hija disponibbli fuq:

http://www.poderjudicial.es/cgpj/es/Temas/Mediacion/Normativa-y-jurisprudencia/Leyes-Autonomicas/

2 Il-Proċedura tal-Medjazzjoni tal-Familja

Fi Spanja l-medjazzjoni tal-familja hija kompletament volontarja u hija rregolata, fost oħrajn, mill-prinċipji tal-kunfidenzjalità, tal-ugwaljanza bejn il-partijiet fil-kawża u tal-imparzjalità tal-medjatur.

Sabiex tiffaċilita l-medjazzjoni fil-każijiet li jinvolvu, fost l-oħrajn, il-medjazzjoni transfruntiera tal-familja, il-leġiżlazzjoni ġenerali dwar il-medjazzjoni tippermetti espressament li din titwettaq permezz ta’ vidjokonferenza jew mezzi elettroniċi oħra li jippermettu t-trażmissjoni tal-leħen jew tal-immaġni. Il-partijiet jistgħu jirrikorru għall-medjazzjoni qabel il-bidu tal-proċedimenti tal-qorti, waqt li dawn ikunu għaddejjin, u anki wara li dawn jiġu konklużi, sabiex jibdlu l-eżitu jew biex jiffaċilitaw l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-qorti.

Il-proċedura tal-medjazzjoni hija relattivament sempliċi, irrispettivament minn meta titwettaq. Il-partijiet jikkuntattjaw lill-medjatur tal-għażla tagħhom, jew jekk ikunu involuti fi proċedimenti tal-familja li għadhom għaddejjin, il-medjatur li kien maħtur mill-imħallef. L-ewwel, tinżamm seduta ta’ informazzjoni sabiex il-partijiet jitgħallmu dwar il-proċedura tal-medjazzjoni, u jekk it-tnejn jaqblu, din tkun tista’ tibda. Il-medjatur imexxi s-seduti tal-medjazzjoni sabiex jippermetti lil kull parti tistabbilixxi l-pożizzjoni tagħha u jipprova jilħaq ftehim. Il-proċedura tispiċċa bi ftehim jew mingħajru fuq il-kwistjonijiet kollha jew uħud minnhom. Ir-riżultat jitniżżel f’rapport u jekk ikun hemm ftehim, dan irid jiġi sottomess lill-awtorità ġudizzjarja għall-approvazzjoni, jew jekk ma jkunx hemm tfal minorenni jew b’diżabbiltà involuti, ir-rapport jista’ jiġi sottomess lil nutar, li jirreġistrah f’att pubbliku. Imbagħad jista’ jiġi eżegwit.

Jekk il-partijiet jattendu għall-medjazzjoni qabel jinbdew il-proċedimenti tal-qorti u jilħqu ftehim, il-proċess legali jitħaffef għaliex il-partijiet jgħaddu għal proċedura ssimplifikata li fiha ż-żewġ partijiet jippreżentaw il-ftehim lill-Qorti tal-Familja (Juzgado de Familia), li tapprova l-ftehim jekk ma jkunx imur kontra l-liġi jew l-interessi tat-tfal minorenni jew b’diżabbiltà li jaf ikollha l-koppja. (Ara l-Artikolu 777 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili)

Jekk il-proċedimenti tal-qorti jkunu nbdew mingħajr ma l-partijiet jirrikorru għall-medjazzjoni, l-imħallef, filwaqt li jqis iċ-ċirkostanzi tal-każ, jista’ jaqbel li l-partijiet jeħtieġ jirrikorru għall-medjazzjoni u l-Qorti tal-Familja tirreferihom għal seduta ta’ informazzjoni bla ħlas. Jekk jiddeċiedu li jirrikorru għall-medjazzjoni, il-proċedimenti legali ma jiġux sospiżi, sakemm il-partijiet ma jitolbux sospensjoni tal-proċedimenti, u jekk fl-aħħar mill-aħħar jintlaħaq ftehim, dan jiġi approvat mill-qorti. Madankollu, jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim jew il-partijiet ma ridux jużaw il-medjazzjoni, tingħata sentenza fuq dawk il-punti kollha li l-partijiet ma jaqblux dwarhom.

Il-medjazzjoni tal-familja ma hijiex possibbli meta jkun hemm proċedimenti bejn il-partijiet minħabba vjolenza abbażi tas-sess.

Is-seduta ta’ informazzjoni hija bla ħlas, iżda l-medjazzjoni nnifisha tinvolvi spiża li għandha tiġġarrab mill-partijiet sakemm dawn ma jikkwalifikawx għall-għajnuna legali. L-informazzjoni kollha dwar il-kontenut u r-rekwiżiti sabiex tinkiseb l-għajnuna legali hija disponibbli fuq:

https://www.mjusticia.gob.es/cs/Satellite/Portal/es/servicios-ciudadano/tramites-gestiones-personales/asistencia-juridica-gratuita

3 Il-Professjoni ta’ Medjatur tal-Familja u Aċċess għal Medjatur

Il-medjatur irid ikollu lawrea universitarja jew taħriġ vokazzjonali għoli u, barra minn hekk, irid ikollu taħriġ speċifiku biex jipprattika l-medjazzjoni li jingħata f’istituzzjonijiet akkreditati għal dak l-iskop.

Ma hemm l-ebda rekwiżit ta’ reġistrazzjoni f’xi reġistru sabiex wieħed ikun jista’ jipprattika l-medjazzjoni tal-familja, iżda ġew stabbiliti reġistri fejn l-medjaturi jistgħu jirreġistraw kemm fil-livell nazzjonali (ir-Reġistru tal-Medjaturi u l-Istituzzjonijiet tal-Medjazzjoni li s-sit web tagħhom qiegħed jingħata aktar ’l isfel – Registro de Mediadores e Instituciones de Mediación) kif ukoll fil-livell tal-Komunitajiet Awtonomi.

F’dan il-livell tal-aħħar, kważi l-Komunitajiet Awtonomi kollha ħolqu servizz pubbliku ta’ medjazzjoni. Għal informazzjoni dwar dan, żur it-taqsima dwar il-medjazzjoni tas-siti web istituzzjonali tagħhom li fiha ssib spjegazzjoni fi gradi varji ta’ dettall dwar kif taħdem is-sistema tal-medjazzjoni u informazzjoni dwar u ħolqa għar-Reġistru tal-Medjaturi, meta jkun hemm tali reġistru. Normalment is-siti web ikollhom ukoll formoli għal rikjesta ta’ medjazzjoni li jirreferu għall-aġenziji speċjalizzati stabbiliti minnhom biex iwettqu l-medjazzjoni.

Sabiex issib medjatur tal-familja, trid tiddistingwi bejn jekk il-medjazzjoni hijiex se ssir waqt li l-proċedimenti jkunu bdew jew indipendentement mill-proċedimenti. Jekk il-medjazzjoni tintalab meta l-proċedimenti jkunu bdew, il-Qorti tal-Familja rilevanti tirreferi lill-partijiet għall-entitajiet ta’ medjazzjoni tal-familja li jaqgħu taħtha, filwaqt li jekk il-medjazzjoni tintuża qabel jew apparti l-proċedimenti tal-qorti, il-parti jkollha hija stess tfittex medjatur tal-familja. Is-sorsi ta’ informazzjoni li ġejjin jistgħu jkunu utli:

– Ir-Reġistru tal-Medjaturi u l-Istituzzjonijiet ta’ Medjazzjoni fil-livell nazzjonali msemmija qabel:

https://www.mjusticia.gob.es/es/ciudadania/registros/mediadores-instituciones

– L-istituzzjonijiet segwenti indikati mill-Ministeru tal-Ġustizzja:

https://remediabuscador.mjusticia.gob.es/remediabuscador/RegistroInstitucion

– Is-Servizzi ta’ Medjazzjoni indikati għal kull provinċja mill-Kunsill Ġenerali tal-Ġudikatura (Consejo General del Poder Judicial):

http://www.poderjudicial.es/cgpj/es/Temas/Mediacion/Servicios-de-Mediacion-Intrajudicial/Mediacion-Familiar/

– Is-Servizzi ta’ Medjazzjoni mwaqqfa mill-Komunitajiet Awtonomi varji. Normalment, is-siti web istituzzjonali tal-Komunitajiet Awtonomi jinkludu informazzjoni.

Apparti dak li jissemma hawn fuq, aktar informazzjoni dwar il-proċedura ta’ medjazzjoni tal-familja, il-leġiżlazzjoni applikabbli, is-servizzi ta’ medjazzjoni li jeżistu fil-Komunitajiet Awtonomi differenti u l-formalitajiet rilevanti huma disponibbli fuq is-sit web tal-Kunsill Ġenerali tal-Ġudikatura:

http://www.poderjudicial.es/cgpj/es/Temas/Mediacion

L-aħħar aġġornament: 05/07/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.