Sib informazzjoni għal kull reġjun
X'inhi l-medjazzjoni tal-familja transfruntiera?
Il-medjazzjoni tal-familja transfruntiera hija proċess immexxi minn parti terza (jew diversi) kkwalifikata u imparzjali, il-medjatur. Il-medjatur ma għandux is-setgħa li jiddeċiedi iżda jgħin lill-partijiet biex jerġgħu jibdew jikkomunikaw u jgħinhom biex isolvu l-problemi tagħhom waħedhom.
Il-ftehim milħuq huwa soluzzjoni maħluqa apposta għall-kwistjoni tagħhom illi tiżgura illi d-deċiżjonijiet tagħhom bħala ġenituri jqisu l-aħjar interessi tat-tfal, jekk ikunu nvoluti t-tfal.
Il-kwistjonijiet tal-familja jinkludu: ir-responsabbiltà tal-ġenituri u d-drittijiet għall-aċċess, is-sekwestru tal-minuri, il-miżuri għall-protezzjoni tat-tfal, il-manteniment tat-tfal jew l-eks sieħeb u l-konsegwenzi l-oħra ta' divorzju jew separazzjoni.
Il-ġenituri huma mħeġġa jerfgħu ir-responsabbiltà għad-deċiżjonijiet dwar il-familja tagħhom u biex l-ewwel jippruvaw jaslu għal ftehim mingħajr ma jersqu l-qorti.
Għalhekk il-medjazzjoni tista' toħloq ambjent li jwassal għal diskussjonijiet u tiżgura negozjati ġusti bejn il-ġenituri li jqisu wkoll l-aħjar interessi tat-tfal.
Ikkonsulta l-paġni li ġejjin għal aktar dettalji dwar:
- Il-prinċipji u l-istadji ewlenin tal-medjazzjoni
- Il-partikolaritajiet tal-medjazzjoni transfruntiera
- L-ispejjeż tal-medjazzjoni transfruntiera
- Il-kuntest ġuridiku tal-medjazzjoni transfruntiera
Jekk jogħġbok agħżel il-bandiera tal-pajjiż rilevanti biex tikseb informazzjoni nazzjonali dettaljata.
X'jinvolvi l-proċess?
Bħala parti fil-kwistjoni tista' tapplika għall-medjazzjoni fl-Istati Membri kollha. F'xi Stati Membri l-imħallef jista' jistieden lill-partijiet biex jippruvaw il-medjazzjoni.
Jekk il-partijiet kollha jaqblu li jużaw il-medjazzjoni, il-medjatur magħżul ifassal l-iskeda għall-medjazzjoni. Il-mod li bih jintagħżel il-medjatur jiddependi mill-pajjiż partikolari - tista' ssib din l-informazzjoni fil-paġni nazzjonali rispettivi disponibbli fuq in-naħa tal-lemin ta' din il-paġna.
Ir-rappreżentanti legali jistgħu jilgħabu rwol importanti meta jagħtu l-informazzjoni legali neċessarja lill-partijiet biex jieħdu deċiżjoni infurmata.
Il-ftehimiet milħuqa bil-medjazzjoni jistgħu jsiru eżegwibbli fuq talba taż-żewġ partijiet. Dan jista' jinkiseb, pereżempju, permezz tal-approvazzjoni tal-qorti jew ċertifikazzjoni ta' nutar pubbliku.
Ir-rappreżentanti legali jistgħu jerġgħu jeżaminaw il-ftehim milħuq bil-medjazzjoni biex jiżguraw illi dan il-ftehim għandu effett legali fis-sistemi ġuridiċi konċernati.
Għalfejn għandek tipprova?
- Għandek l-opportunità tikkontrolla r-riżultat tal-kwistjoni tiegħek stess.
- Il-medjazzjoni sseħħ f'ambjent faċli għall-utent fejn il-parti tmexxi l-proċess.
- Il-medjazzjoni tħallik tirrevedi u tirranġa l-ambitu tal-kunflitt.
- Int tiddeċiedi u tilħaq ftehim iżda mhemmx għalfejn tilħaq ftehim.
- Billi tipprova l-medjazzjoni ma jfissirx illi tirrinunzja għad-dritt li tiftaħ kawża l-qorti.
- Kulħadd jirbaħ meta jieħu sehem fil-medjazzjoni.
- Il-medjatur huwa persuna ta' għajnuna imparzjali u mħarrġa biex tassistik ħalli ssolvi l-kwistjoni waħdek.
- Meta mqabbla ma' proċess, l-ispejjeż tal-medjazzjoni huma relattivament baxxi.
- Il-medjazzjoni hija pjuttost imħaffa. Is-sessjonijiet jistgħu jiġu ppjanati faċilment f'kull ħin skont id-disponibbiltà tal-partijiet u tista' ssir f'numru ta' postijiet.
- Il-medjazzjoni tippermetti soluzzjonijiet flessibbli (magħmula apposta għal dak li jkun) u tgħin fiż-żamma jew fil-ħolqien ta' relazzjonijiet futuri kostruttivi u l-kuntatt bejn il-partijiet.
- L-għajnuna u l-pariri ta' rappreżentant legali huma disponibbli waqt medjazzjoni.
- Il-medjazzjoni tista' tnaqqas il-litigazzjoni iktar il-quddiem.
Din il-ħolqa tieħdok fil-paġna Sib medjatur.
Il-limiti tal-medjazzjoni
Meta jkun hemm indikazzjonijiet illi l-każ mhux adattat għall-medjazzjoni jew li wieħed mill-partijiet (jew it-tnejn) mhux lesti jippruvaw il-medjazzjoni, jkun meħtieġ l-intervent tal-awtoritajiet ġudizzjarji. Fl-iskrinjar tal-idoneità tal-każ, trid tingħata attenzjoni speċjali lill-identifikazzjoni tar-riskji possibbli bħal l-vjolenza domestika u kemm hi serja, l-abbuż tad-droga jew tal-alkoħol, l-abbuż tat-tfal, eċċ... L-idoneità tal-każ trid tiġi deċiża fuq bażi individwali flimkien ma' standards applikati mill-medjatur u l-organizzazzjoni ta' medjazzjoni.
Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.