Sib informazzjoni għal kull reġjun
SIB QRATI/AWTORITAJIET KOMPETENTI
L-għodda ta' tiftix hawn taħt se tgħinek tidentifika qorti/qrati jew awtorità(jiet) kompetenti għal strument legali Ewropew speċifiku. Jekk jogħġbok innota li għalkemm sar kull sforz biex tiġi aċċertata l-preċiżjoni tar-riżultati, jista' jkun hemm xi każijiet eċċezzjonali li jikkonċernaw id-determinazzjoni ta' kompetenza li mhumiex neċessarjament koperti.
1. Proċeduri għall-korrezzjoni u l-irtirar (Art. 10(2))
Rigward il-proċedura ta' rettifika jew ta' rtirar imsemmija fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament, it-talba trid tkun indirizzata lill-persuna responsabbli fl-entità ġudizzjarja li tkun ħarġet iċ-ċertifikat tal-Ordni Ewropew ta’ Infurzar. Jekk iċ-ċertifikat ikun relatat ma' strument awtentiku, dik it-talba trid tkun indirizzata lin-nutar li jkun ħareġ iċ-ċertifikat. Jekk il-persuna responsabbli jew in-nutar jiddeċiedi li jirrettifika jew jannulla ċ-ċertifikat, dan isir bla effett. Ladarba l-iżball ta' kopjar jitranġa (f'każ ta' rettifika) jew il-persuna responsabbli jew in-nutar jistipula li l-eżiġenzi kollha tar-Regolament ġew issodisfati (f'każ ta’ rtirar), jinħareġ ċertifikat ġdid li jissostitwixxu lil ta' qablu.
2. Proċeduri għar-reviżjoni (Art.19 (1))
Fid-dritt Belġjan, hemm diversi azzjonijiet li jistgħu jintużaw biex isir rieżami ta' deċiżjoni, li jiddependu miċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ:
- L-ewwel nett, l-Artikolu 1051 tal-Kodiċi Ġudizzjarju jagħti l-possibbiltà li jsir appell minn sentenza fi żmien xahar min-notifika tagħha jew, f’ċerti każijiet, mill-avviż tagħha skont l-Artikolu 792, paragrafi 2 u 3 ta’ dan il-Kodiċi. Dan japplika għal sentenzi kontradittorji u għal sentenzi b'kontumaċja.
- It-tieni, l-Artikolu 1048 tal-Kodiċi Ġudizzjarju jipprovdi l-possibbiltà li titressaq oġġezzjoni kontra sentenza mogħtija f'kontumaċja fi żmien xahar min-notifika tagħha jew, f’ċerti każijiet, mill-avviż tagħha skont l-Artikolu 792, paragrafi 2 u 3 ta’ dan il-Kodiċi.
- Fir-rigward ta' sentenzi li jkunu saru res judicata, mogħtija mill-qrati ċivili jew mill-qrati kriminali li jqisu aspetti ċivili, tista' tiġi ppreżentata talba għal rieżami straordinarju (requête civile), f’ċerti ċirkustanzi previsti mill-Artikolu 1133 tal-Kodiċi Ġudizzjarju fi żmien 6 xhur minn meta ssir magħrufa s-sentenza, u dan sabiex jiġu rrevokati dawn is-sentenzi.
Biex isir appell, biex titressaq oġġezzjoni jew biex tiġi ppreżentata talba għal rieżami straordinarju jgħoddu t-termini perentorji kif indikati hawn fuq u dan:
- suġġett għat-termini previsti fid-dispożizzjonijiet imperattivi sopranazzjonali u internazzjonali;
- mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà offruta mill-Artikolu 50 tal-Kodiċi Ġudizzjarju biex jiġi estiż terminu perentorju f'ċerti kundizzjonijiet previsti mil-liġi;
- mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jiġi applikat il-prinċipju ġenerali tad-dritt, ikkonfermat f'diversi okkażjonijiet mill-Qorti tal-Kassazzjoni Belġjana, li skontu t-terminu perentorju għat-twettiq ta' att jiġi estiż favur parti li, minħabba forza maġġuri, ma tkunx setgħet twettaq l-att qabel l-iskadenza tat-terminu perentorju.
3. Lingwi aċċettati (Art. 20(2)(c))
Skont l-Artikolu 20(2)(c) tar-Regolament, irid ikun hemm traduzzjoni taċ-ċertifikat fil-lingwa uffiċjali tal-post tal-eżekuzzjoni, jiġifieri l-Franċiż, l-Olandiż jew il-Ġermaniż flimkien mal-kopja tad-deċiżjoni u taċ-ċertifikat ta' Ordni Ewropew ta’ Infurzar.
Il-lista tal-lingwi applikabbli tinsab fil-manwal tal-aġenziji li jirċievu skont ir-Regolament (KE) Nru 1348/2000 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u ekstraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (L-Atlas Ġudizzjarju Ewropew dwar kwistjonijiet ċivili).
4. Awtoritajiet nominati biex jiċċertifikaw id-dokumenti awtentiċi (Art. 25)
Fil-Belġju, l-awtorità nnominata għall-finijiet tal-Artikolu 25 tar-Regolament hija n-nutar li jkun ħejja l-att awtentiku suġġett tat-talba għall-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ Ordni Ewropew ta’ Infurzar.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.