1. Proċeduri għall-korrezzjoni u l-irtirar (Art. 10(2))
Rikors għal rettifika jew għall-irtirar ta' ċertifikat tal-qorti jrid jiġi ppreżentat:
- lill-qorti li ħarġet iċ-ċertifikat.
Rikors għal rettifika jew għall-annullament ta' dokument pubbliku mħejji minn nutar, awtorità amministrattiva jew persuna fiżika jew ġuridika b'setgħat pubbliċi, irid jiġi ppreżentat:
- lill-awtorità jew lill-persuna li ħejjiet id-dokument, li mbagħad tkun obbligata tgħaddi r-rikors għand il-qorti muniċipali kompetenti abbażi tal-lokazzjoni tal-uffiċċju rreġistrat/tar-residenza rreġistrata, sabiex dan tal-aħħar ikun jista' jagħti deċiżjoni valida.
2. Proċeduri għar-reviżjoni (Art.19 (1))
F’konformità mal-Artikolu 19(1) tar-Regolament, il-proċeduri għar-rieżami tad-deċiżjonijiet fir-Repubblika tal-Kroazja huma stipulati fl-Att dwar il-Proċedura Ċivili (Zakon o parničnom postupku) – (Narodne novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja) Nri 53/91, 91/92, 112/99, 88/01, 117/03, 88/05, 2/07, 84/08, 96/08, 123/08, 57/11, 148/11 — test konsolidat, 25/13, 89/14 — Id-Deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Kroazja, 70/19, 80/22 u 114/22).
Dawn il-proċeduri huma:
- Talba għar-riistituzzjoni ta’ status preċedenti (l-Artikoli 117-122a tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili). Talba trid tiġi ppreżentata fi żmien tmint ijiem mid-data li fiha l-parti tkun saret taf bir-raġuni għall-ommissjoni jew, jekk il-parti tkun saret taf bl-ommissjoni f’data aktar tard, il-perjodu ta’ żmien imsemmi preċedentement jibda jiddekorri mid-data li fiha l-parti tkun saret taf bir-raġuni għaliex tkun inqabżet l-iskadenza. Ladarba jkunu għaddew xahrejn (fi proċedimenti quddiem il-qrati muniċipali) jew ikunu għaddew 30 jum (fi proċedimenti quddiem il-qrati kummerċjali) mill-ommissjoni, ma tistax aktar tiġi ppreżentata talba għar-riistituzzjoni ta’ status preċedenti.
- Ritrattazzjoni (l-Artikoli 421-432 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili). Rikors għal ritrattazzjoni jrid jiġi ppreżentat fi żmien 30 jum mid-data li fiha l-parti tkun saret taf bir-raġuni għall-preżentazzjoni tar-rikors jew mid-data li fiha d-deċiżjoni tal-qorti tkun ġiet innotifikata lilha.
3. Lingwi aċċettati (Art. 20(2)(c))
Il-lingwa Kroata. It-traduzzjonijiet Kroati jridu jiġu ċċertifikati minn traduttur ikkwalifikat f'wieħed mill-Istati Membri tal-UE.
4. Awtoritajiet nominati biex jiċċertifikaw id-dokumenti awtentiċi (Art. 25)
Il-qrati kompetenti, l-awtoritajiet amministrattivi, in-nutara, il-persuni ġuridiċi u fiżiċi b'setgħat pubbliċi li huma awtorizzati bil-ħruġ ta' strumenti ta' eżekuzzjoni jew ordnijiet ta' eżekuzzjoni għal talbiet mhux ikkuntestati taħt il-liġi nazzjonali applikabbli.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.