1. Proċeduri għall-korrezzjoni u l-irtirar (Art. 10(2))
Meta jkun inħareġ ċertifikat ta' ordni ta' eżekuzzjoni Ewropea għal sentenza tal-qorti, il-proċedura għar-rettifika jew għall-irtirar taċ-ċertifikat huma stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 805/2004, u din il-proċedura tapplika wkoll għaċ-ċertifikati tas-soluzzjonijiet bil-qorti (l-Artikolu 24(3) tar-Regolament) u għall-istrumenti awtentiċi (l-Artikolu 25(3)). Fil-Greċja, dan it-tip ta' proċedimenti, u allura l-proċedimenti fuq il-kwistjoni tal-ġuriżdizzjoni, huma regolati bl-Artikolu 933 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (κώδικας πολιτικής δικονομίας), li jittratta l-preżentazzjoni ta' oġġezzjonijiet kontra l-validità ta' titolu eżekutorju. Madankollu r-rettifika jew l-irtirar ma jistgħux jiġu kontestati għax l-Artikolu 10(4) tar-Regolament japplika mutatis mutandis, u skont l-Artikolu 24(3) u l-Artikolu 25(3) japplika bl-istess mod fejn jidħlu s-soluzzjonijiet bil-qorti u l-istrumenti awtentiċi.
2. Proċeduri għar-reviżjoni (Art.19 (1))
Meta sentenza ċċertifikata bħala ordni ta' eżekuzzjoni Ewropea tkun trid tiġi riveduta għax id-debitur ma setax jiddefendi lilu nnifsu minħabba taħrika fit-tard jew forza maġġuri, jiġifieri minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali li ma kellux kontroll fuqhom, il-proċedura li trid tiġi segwita hija l-proċedura applikata mill-qorti li tat is-sentenza inkwistjoni Din hija l-proċedura biex jiġu ppreżentati oġġezzjonijiet fuq il-bażi ta' kontumaċja previsti fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (l-Artikolu 495 u l-Artikolu 501 ff.).
3. Lingwi aċċettati (Art. 20(2)(c))
Għaċ-ċertifikazjoni bħala ordni ta' eżekuzzjoni Ewropea ta' strument awtentiku li jkun eżekutorju fi Stat Membru, skont l-Artikolu 25(1) tar-Regolament, it-talbiet jintlaqgħu bil-Grieg jew bl-Ingliż.
4. Awtoritajiet nominati biex jiċċertifikaw id-dokumenti awtentiċi (Art. 25)
L-awtorità kompetenti li tiċċertifika ordni ta' eżekuzzjoni Ewropea, jiġifieri strument awtentiku fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament, flimkien mal-Artikolu 904(2)(d) u (g) tal-Kodiċi Grieg tal-Proċedura Ċivili, hija l-persuna li l-liġi Griega tawtorizzaha biex toħroġ id-dokument eżekutorji, li fil-każ ta' att notarili jkun in-nutar li jkun ħarġu. Fil-każ tad-dokumenti li l-liġi tqishom bħala eżekutorji iżda li ma jkunux ħarġu mill-qorti, l-awtorità kompetenti hija l-persuna li tkun ħarġet id-dokument, bħalma hu l-każ tal-atti notarili.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.