1. Proċeduri għall-korrezzjoni u l-irtirar (Art. 10(2))
F’konformità ma’ l-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April li ħoloq l-Ordni Ewropea ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati (minn hawn ‘il quddiem “ir-Regolament”), il-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja hawnhekk jippreżenta informazzjoni relatata mal-proċeduri tar-rettifika, il-lingwa u l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 30. Fl-istess ħin, qegħdin nipprovdu t-test tal-Liġi relevanti tar-Repubblika tal-Litwanja li timplimenta r-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li joħloq l-Ordni Ewropea ta’ l-Infurzar għal talbiet mhux kontestati (Il-Gazzetta Uffiċjali Nru 58 tas-7 ta’ Mejju 2005) (minn hawn 'il quddiem "il-Liġi") u l-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja (Il-Gazzetta Uffiċjali Nru 36-1340 tas-6 ta’ April 2002); Il-Gazzetta Uffiċjali Nru 42 ta' l-24 ta' April 2002) (minn hawn 'il quddiem "il-Kodiċi").
Il-qorti li ħarġet iċ-ċertifikat ta’ l-Ordni Ewropea ta’ Infurzar tista’ tirrettifikah fuq talba ta’ parti interessata (f’konformità ma’ l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament, l-Artikolu 5(1) tal-Liġi u l-Artikolu 648(6) tal-Kodiċi). Ċertifikat maħruġ ta’ l-Ordni Ewropea ta' Infurzar li jikkonċerna strument awtentiku jista’ jkun rettifikat mill-qorti tad-distrett fil-post tan-negozju tan-nutar li jkun għamel ir-rekord ta’ infurzar ta’ l-istrument awtentiku. Ma titħallas l-ebda bolla fuq applikazzjoni għar-rettifika ta’ ċertifikat ta’ l-Ordni Ewropea ta’ Infurzar.
Il-qorti li ħarġet iċ-ċertifikat ta’ l-Ordni Ewropea ta' Infurzar tista’, permezz ta' ordni tal-qorti, tirtirah (f'konformità ta' l-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament u l-Artikolu 5(2) tal-Liġi). Ċertifikat maħruġ ta’ l-Ordni Ewropea ta' Infurzar li jikkonċerna strument awtentiku jista’ jkun irtirat mill-qorti tad-distrett fil-post tan-negozju tan-nutar li jkun għamel ir-reġistrazzjoni ta’ infurzar ta’ l-istrument awtentiku. Ma titħallas l-ebda bolla fuq applikazzjoni għall-irtirar ta’ ċertifikat ta’ l-Ordni Ewropea ta’ Infurzar.
L-Artikolu 5 tal-Liġi jaqra hekk:
“Artikolu 5 Rettifika jew irtirar ta’ ċertifikat ta’ l-Ordni Ewropea ta’ Infurzar.
1. Fejn, minħabba żball ortografiku jew ieħor, iċ-ċertifikat ta’ l-Ordni Ewropea ta’ infurzar hu differenti mis-sentenza jew l-istrument awtentiku, id-dispożizjzonijiet ta’ l-Artikolu 648(6) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja għandu japplika mutatis mutandis għall-iskopijiet tar-rettifika taċ-ċertifikat ta’ l-Ordni Ewropea ta’ Infurzar.
2. Il-qorti li ħarġet iċ-ċertifikat ta’ l-Ordni Ewropea ta' infurzar għandha, permezz ta' ordni tal-qorti, tirtira jew tirrifjuta li tirtira ċ-ċertifikat ta' l-Ordni Ewropea ta' Infurzar fiċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament.
3. Applikazzjonijiet ipprezentati mill-partijiet f'materji msemmija f'dan l-Artikolu għandhom ikunu ħielesa minn ħlas ta' bolla.
4. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw wkoll fejn id-distrett fil-post tan-negozju tan-nutar li għamel ir-rekord ta’ infurzar hu mitlub li jirrettifika jew jirtira ċ-ċertifikat ta' l-Ordni Ewropea ta' Infurzar maħruġ skond il-proċedura ffissata fl-Artikolu 4(2) ta' din il-Liġi."
L-Artikolu 648(6) tal-Liġi jaqra hekk:
“Fejn isir żball ortografiku jew ieħor fil-ħruġ ta' dokument ta' infurzar, l-istituzzjoni li tkun ħarġitu għandha tikkoreġi d-dokument fuq talba tal-parti interessata."
2. Proċeduri għar-reviżjoni (Art.19 (1))
Qegħdin nipprovdu t-test tal-Liġi relevanti tar-Repubblika tal-Litwanja li timplimenta ir-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li joħloq l-Ordni Ewropea ta’ l-Infurzar għal talbiet mhux kontestati (Il-Gazzetta Uffiċjali Nru 58 tas-7 ta’ Mejju 2005) (minn hawn 'il quddiem "il-Liġi") u l-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja (Il-Gazzetta Uffiċjali Nru 36-1340 tas-6 ta’ April 2002); Il-Gazzetta Uffiċjali Nru 42 ta' l-24 t'April 2002) (minn hawn 'il quddiem "il-Kodiċi").
Sentenza tal-qorti kontumaċja bbażata fuq applikazzjoni raġunata ta’ parti assenti mis-smigħ u ppreżentata fi żmien 20 jum mid-data li fiha s-sentenza kontumaċja ngħatat tista’ tkun riveduta (dan il-limitu ta’ żmien ta’ 20 jum jista', skond l-Artikolu 78 tal-kodiċi, ikun estiż għal persuni li naqsu li jissodisfawh għal raġunijiet li l-qorti tagħraf li huma serji). Wara li tintlaqa’ l-applikazzjoni, il-qorti tibgħatha, flimkien ma' kopji ta' l-annessi tagħha, lill-partijiet u persuni terzi u tinformahom li l-partijiet huma meħtieġa u persuni terzi huma intitolati li jippreżentaw osservazzjonijiet fi żmien 14-il jum. Il-qorti teżamina l-applikazzjoni bi proċedura miktuba fi żmien 14-il jum mid-data ta' skadenza għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet. Jekk, wara li tkun eżaminat l-applikazzjoni, il-qorti tosserva li l-parti kienet assenti mis-smigħ għal raġunijiet serji li dwarhom hu/hi ma setax/setgħetx tinforma lill-qorti fil-ħin u l-applikazzjoni tirreferi għal evidenza li tista’ taffettwa l-leġittimità u l-validità tas-sentenza kontumaċja in kwistjoni, il-qorti tirtira s-sentenza kontumaċja u tirrevedi l-każ.
Meta każ ikun eżaminat skond il-proċedura dokumentarja (Kapitlu XXII tal-Kodiċi), il-qorti għandha d-dritt, meta ġustifikata b’raġunijiet serji, li testendi l-limitu taż-żmien tal-konvenut biex jippreżenta l-oġġezzjonijiet skond l-Artikolu 430(5) tal-Kodiċi, u f’dawk il-waqtiet li fihom il-każ ikun qed ikun eżaminat skond ir-regoli tal-Kapitlu XXIII tal-Kodiċi (karatteristiċi speċifiċi tal-każijiet relatati mal-ħruġ ta’ ordni tal-qorti), il-qorti tista’, fejn hemm raġunijiet serji, testendi l-limitu taż-żmien tal-konvenut biex jippreżenta l-oġġezzjonijiet li jikkonċernaw it-talba tal-kreditur skond l-Artikolu 439(2) tal-Kodiċi.
L-Artikolu 287 tal-Kodiċi:
“1. Parti li ma tkunx preżenti għal sessjoni tal-qorti għandha d-dritt li tippreżenta applikazzjoni għar-reviżjoni ta’ sentenza kontumaċja lill-qorti li tat is-sentenza kontumaċja fi żmien 20 jum mid-data li fiha s-sentenza tkun ingħatat.
2. Din l-applikazzjoni għandha tindika:
1) il-ħatra tal-qorti li tat is-sentenza kontumaċja;
2) il-ħatra ta’ l-applikant;
3) iċ-ċirkostanzi li wasslu għall-assenza ta’ l-applikant mis-sessjoni tal-qorti u n-nuqqas li jinforma lill-qorti bin-natura serja tar-raġunijiet għal din l-assenza sad-data tas-sessjoni, inkluża l-evidenza ta' dawk iċ-ċirkostanzi;
4) iċ-ċirkostanzi li jistgħu jaffettwaw il-legalità u l-validità tas-sentenza u kwalunkwe evidenza ta’ dawk iċ-ċirkostanzi;
5) detallji ta’ dak li qed jitlob l-applikant;
6) lista ta’ dokumenti ta’ prova annessi ma’ l-applikazzjoni;
7) il-firma ta’ l-applikant u d-data li fiha l-applikazzjoni tfasslet.
3. Għandhom ikunu pprovduti numru ta’ kopji ta’ l-applikazzjoni u l-annessi lill-qorti daqs kemm hemm partijiet u persuni terzi.
4. Żbalji fl-applikazzjoni għandhom ikunu eliminati skond il-proċedura dwar it-tneħħija ta’ l-iżbalji mit-talbiet.
5. Fejn l-appelli u l-applikazzjonijiet għar-reviżjoni tas-sentenza kontumaċja ikunu ppreżentati fl-istess każ, applikazzjonijiet għar-reviżjoni ta' sentenza kontumaċja u kwalunkwe ordnijiet tal-qorti mogħtija fir-rigward ta' sentenzi għandhom ikunu eżaminati l-ewwel."
L-Artikolu 430(5) tal-Kodiċi:
“Fejn l-oġġezzjonijiet ikunu ppreżentati wara li jkun skada l-limitu ta’ għoxrin jum jew fejn ma jkunux jissodisfawx il-ħtiġijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-qorti m’għandhiex taċċettahom. Appell separat jista’ jkun ippreżentat kontra ordni tal-qorti li biha qorti tirrifjuta li taċċetta l-oġġezzjonijiet. Fejn il-konvenut jonqos li jissodisfa l-limitu ta' żmien għal raġunijiet serji, il-qorti tista', wara li ssir talba, testendi l-limitu taż-żmien."
L-Artikolu 439(2) tal-Kodiċi:
Oġġezzjonijiet minn debituri fir-rispett tat-talba ta’ kreditur għandhom ikunu ppreżentati bil-miktub fi żmien 20 jum tad-data li fiha n-notifika ta’ l-ordni tal-qorti tkun ippreżentata lid-debitur. Oġġezzjonijiet għandhom jissodisfaw il-ħtiġijiet ġenerali f’dak li hu kontenut u forma tad-dokumenti proċedurali, bl-eċċezzjoni tal-ħtieġa li tindika r-raġunijiet. Fejn, għal raġunijiet serji, id-debitur jippreżenta oġġezzjoni wara li l-limitu taż-żmien imsemmi f'dan il-paragrafu ikun skada, il-qorti tista', fuq talba tad-debitur, testendi l-limitu taż-żmien għall-preżentazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet. Appell separat jista’ jkun ppreżentat kontra ordni li biha din it-talba mill-parti ta’ debitur tkun miċħuda.
L-Artikolu 78(1) tal-Kodiċi:
“Persuni li naqsu li jissodisfaw il-limitu taż-żmien stabbilit mil-liġi jew impost minn qorti għal raġunijiet li l-qorti jidhrilha li huma serji jistgħu jingħataw estensjoni ta’ l-imsemmi limitu taż-żmien.”
3. Lingwi aċċettati (Art. 20(2)(c))
F’konformità ma’ l-Artikolu 2(4) tal-Liġi, il-lingwa li għandha tintuża għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 20(2)(c) tar-Regolament hu l-Litwan
l-Artikolu 2(4) tal-Liġi:
“L-Ordni Ewropea ta’ Infurzar jew kopja tagħha li trid tkun infurzata fir-Repubblika tal-Litwanja għandha tkun tradotta fil-Litwan u infurzata mingħajr ma jkunu applikati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7 tal-Kapitlu LX tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja.”
4. Awtoritajiet nominati biex jiċċertifikaw id-dokumenti awtentiċi (Art. 25)
F’konformità ma’ l-Artikolu 4(2) tal-Liġi#_ftn1[1], l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 25 tar-Regolament, i.e. l-awtoritajiet maħtura biex joħorġu Ordni Ewropea ta’ infurzar li tikkonċerna dokument awtentiku, huma n-nutara.
l-Artikolu 4(2) tal-Liġi#_ftn2[1]:
“Fuq talba tal-kreditur, Ordni Ewropea ta' Infurzar li tikkonċerna dokument awtentiku msemmi f'paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tinħareġ min-nutar li jkun abbozza l-istrument awtentiku. In-nutar għandu joħroġ l-Ordni Ewropea ta’ Infurzar mhux aktar tard minn ħamest’ijiem wara l-jum li fih it-talba għall-ħruġ ta’ Ordni Ewropea ta’ infurzar tkun intlaqgħet.”
#_ftnref1[1] Ordni Ewropea ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati (Il-Gazzetta Uffiċjali Nru 58 tas-7 ta’ Mejju 2005)
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.