Titolu eżekuttiv ewropew

Rumanija

Il-kontenut ipprovdut minn
Rumanija

SIB QRATI KOMPETENTI

L-għodda ta' tiftix hawn taħt se tgħinek tidentifika qorti/qrati jew awtorità(jiet) kompetenti għal strument legali Ewropew speċifiku. Jekk jogħġbok innota li għalkemm sar kull sforz biex tiġi aċċertata l-preċiżjoni tar-riżultati, jista' jkun hemm xi każijiet eċċezzjonali li jikkonċernaw id-determinazzjoni ta' kompetenza li mhumiex neċessarjament koperti.

Rumanija

Ir-Rikonoxximent u l-Infurzar ta' Sentenzi fi Kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali - Ordni ta' Infurzar Ewropew


*input mandatarju

1. Proċeduri għall-korrezzjoni u l-irtirar (Art. 10(2))

Jekk it-Titolu Eżekuttiv ikun sentenza mill-qorti, li tinkludi soluzzjonijiet bil-qorti jew ftehimiet ġuridiċi bejn il-partijiet, iċ-ċertifikazzjoni taqa' taħt il-kompetenza ta' qorti tal-prim'istanza (l-Artikolu 2(1) tad-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 119/2006 dwar il-miżuri meħtieġa sabiex jiġu implimentati ċerti Regolamenti tal-Komunità mid-data tal-adeżjoni tar-Rumanija mal-UE, approvat bl-emendi mil-Liġi Nru 191/2007, kif emendata).

L-applikazzjoni għar-rettifika ta' ċertifikat hija l-kompetenza tal-qorti li ħarġet iċ-ċertifikat. Il-qorti tiddeċiedi dwar l-applikazzjonijiet sabiex jinħarġu ċertifikati billi tieħu deċiżjoni mingħajr ma tikkonvoka l-partijiet. Deċiżjoni dwar l-aċċettazzjoni ta' applikazzjoni ma tkunx suġġetta għall-appell. Jinħareġ ċertifikat lill-kreditur u tintbagħat kopja lid-debitur. Jista' jitressaq appell kontra deċiżjoni għaċ-ċaħda ta' applikazzjoni fi żmien 15-il jum minn meta toħroġ id-deċiżjoni jekk il-kreditur kien preżenti, u fi żmien 15-il ġurnata minn meta tkun ġiet innotifikata d-deċiżjoni jekk il-kreditur ma kienx preżenti. L-istess dispożizzjonijiet japplikaw f'każ ta' rieżami dwar punt tal-liġi (recurs) (l-Artikolu 2, l-Artikolu 3, l-Artikolu 5 u l-Artikolu 6 tal-Artikolu I1 tad-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 119/2006 dwar il-miżuri meħtieġa sabiex jiġu implimentati ċerti Regolamenti tal-Komunità mid-data ta' adeżjoni tar-Rumanija mal-UE, approvati permezz tal-emendi mil-Liġi Nru 191/2007, kif emendata).

Applikazzjoni sabiex jiġi rtirat ċertifikat trid tiġi ppreżentata lill-qorti li ħarġitu fi żmien xahar minn meta jkun ġie nnotifikat iċ-ċertifikat. Jekk wara li jissejħu l-partijiet, il-qorti ssib li nħareġ ċertifikat mingħajr ma ntlaħqu l-kundizzjonijiet previsti fir-Regolament (UE) Nru 805/2004, hija terġa' teżamina mill-ġdid il-miżuri li ttieħdu u tirtira ċ-ċertifikat, kollu kemm hu jew parti minnu. Jista’ jitressaq appell kontra deċiżjoni fi żmien 15-il jum minn meta tkun ġiet notifikata. L-istess dispożizzjonijiet japplikaw f'każ ta' rieżami dwar punt tal-liġi (recurs) (l-Artikolu 7 tal-Artikolu I1 tad-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 119/2006 dwar il-miżuri meħtieġa sabiex jiġu implimentati ċerti Regolamenti tal-Komunità mid-data ta' adeżjoni tar-Rumanija mal-UE, approvati permezz tal-emendi mil-Liġi Nru 191/2007, kif emendata).

Il-proċedimenti ta' rieżami msemmijin fl-Artikolu 19(1)

Il-proċedimenti ta' rieżami skont il-leġiżlazzjoni Rumena li huma msemmijin fl-Artikolu 19(1) jikkostitwixxu forom ta' rimedju ordinarju: appell (apel); u rimedju straordinarju: ir-rieżami dwar punt tal-liġi (recurs), ir-rikors għall-annullament (contestație în anulare) u r-rieżami (revizuire).

2. Proċeduri għar-reviżjoni (Art.19 (1))

Il-proċeduri ta’ rieżami msemmjin fl-Artikolu 19(1)

Il-proċeduri ta’ rieżami skont il-leġiżlazzjoni Rumena li huma msemmijin fl-Artikolu 19(1) jikkostitwixxu forom ta’ rimedju ordinarju: appell (apel) u rimedju straordinarju: rieżami dwar punt tal-liġi (recurs), rikors għall-annullament (contestație în anulare) u rieżami (revizuire).

L-appelli huma rregolati mill-Artikoli 466 sa 482 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

Is-sentenzi mogħtija fl-ewwel istanza jistgħu jiġu appellati. Il-limitu ta’ żmien biex jitressaq appell huwa ta’ 30 jum min-notifika tas-sentenza. L-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-ewwel istanza tiġi sospiża fil-proċedura tal-appell. L-appell u r-raġunijiet li fuqhom jkun bbażat jiġu ppreżentati lill-qorti li d-deċiżjoni tagħha tkun qed tiġi appellata.

Ladarba jiskadi t-terminu għall-appell, il-konvenut huwa intitolat, skont il-proċess legali li fih ikun qed jinstema’ l-appell magħmul mill-parti opposta, li jifformula appell bil-miktub (magħruf bħala appell inċidentali: apel incident) billi jagħmel rikors li jkollu l-għan li jaqleb id-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza.

Fil-każ ta’ litigazzjoni konġunta u meta partijiet terzi jkunu intervjenew fil-proċedimenti tal-ewwel istanza, il-konvenut huwa intitolat, ladarba jiskadi l-limitu ta’ żmien għall-appell, li jressaq appell bil-miktub (magħruf bħala appell provokat: apel provocat) kontra l-konvenut l-ieħor jew il-persuna li dehru fil-kawża li nstemgħet fl-ewwel istanza u li mhumiex parti fl-appell prinċipali, jekk l-involviment ta’ dawn tal-aħħar huwa fl-aħħar mill-aħħar tali li jkollu konsegwenzi fuq il-pożizzjoni legali tal-konvenut fil-proċeduri.

L-appell inċidentali u l-appell provokat huma ppreżentati mill-konvenut flimkien mar-risposta għall-appell prinċipali.

L-appell, debitament ippreżentat fil-limitu ta’ żmien, jagħti lok għal evalwazzjoni ġdida tal-merti tal-kawża, u l-qorti tal-appell tagħti s-sentenza tagħha kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt (effett devoluttiv tal-appell: efectul devolutiv al apelului).

Il-Qorti tal-appell terġa’ tevalwa l-merti tal-kawża fil-limiti stabbiliti mill-appellant u b’riferiment għas-soluzzjonijiet li jiddependu fuq il-parti tas-sentenza li ġiet appellata. Id-devoluzzjoni tapplika għall-kawża kollha meta l-appell ma jkunx limitat għal ċerti soluzzjonijiet tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, meta s-sentenza x’aktarx li tiġi annullata jew meta s-suġġett tat-tilwima jkun indiviżibbli.

Il-Qorti tal-appell tista’ tikkonferma s-sentenza appellata, f’liema każ hija tiċħad jew tannulla l-appell jew tiddikjara li r-rikors jkun skada. Jekk l-appell jintlaqa’, il-qorti tista’ tannulla jew tbiddel is-sentenza appellata.

Jekk jinstab li l-qorti tal-ewwel istanza ddeċidiet b’mod żbaljat il-kawża mingħajr ma eżaminat il-merti tagħha, jew li l-kawża nstemgħet fin-nuqqas tal-partijiet, li ma ġewx ikkonvokati legalment, il-qorti tal-appell tannulla s-sentenza appellata u tisma’ l-kawża filwaqt li taqta’ sentenza. Madankollu, il-qorti tal-appell tannulla s-sentenza appellata u tirreferi l-każ għal proċess mill-ġdid fil-qorti tal-ewwel istanza; ir-riferiment għal proċess mill-ġdid jista’ jseħħ darba biss matul il-proċedimenti.

Jekk il-qorti tal-appell issib li l-qorti tal-ewwel istanza ma kellhiex il-ġuriżdizzjoni, hija tannulla s-sentenza appellata u tirreferi l-kwistjoni lill-qorti li għandha l-ġuriżdizzjoni biex teżaminaha jew, skont il-każ, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli.

Jekk il-qorti tal-appell tikkonstata li għandha l-ġuriżdizzjoni fl-ewwel istanza, hija tannulla s-sentenza appellata u teżamina l-mertu tal-kawża.

L-appellant ma jistax, minħabba l-appell tiegħu stess, jitqiegħed f’sitwazzjoni agħar minn dik li tirriżulta mis-sentenza li qed tiġi appellata.

Ir-rieżami dwar punt tal-liġi huwa rregolat mill-Artikoli 483 sa 502 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

Is-sentenzi appellati, dawk mogħtija mingħajr id-dritt ta’ appell u oħrajn f’każijiet espressament previsti huma soġġetti għar-rieżami dwar punt tal-liġi. Is-sentenzi mogħtija dwar ċerti suġġetti bħal dawn li ġejjin, mhumiex soġġetti għal tali rieżami: il-kustodja legali, il-familja, l-istat ċivili, l-amministrazzjoni tal-bini, l-evakwazzjoni; is-servitujiet, il-bidliet fil-konfini, l-immarkar tal-konfini, l-obbligi li jitwettqu jew li ma jitwettqux azzjonijiet li ma jistgħux jitkejlu f’termini ta’ flus, id-dikjarazzjoni ġudizzjarja dwar il-mewt ta’ persuna, id-diviżjoni ġudizzjarja, il-patrimonju ta’ persuna mejta, il-preskrizzjoni pożittiva, is-sjieda tal-art, in-navigazzjoni ċivili u l-attivitajiet tal-port, it-tilwim industrijali, is-sigurtà soċjali, l-esproprjazzjoni, il-protezzjoni tal-konsumatur, l-assigurazzjoni, il-pretensjonijiet skont l-Att Nru 77/2016 dwar id-datio in solutum ta’ proprjetà immobbli biex jintemmu l-obbligi skont ftehim ta’ kreditu. Is-sentenzi minn qrati tal-appell mhumiex soġġetti għal rieżami dwar punt tal-liġi f’kawżi fejn il-liġi tipprevedi li s-sentenzi mogħtija fl-ewwel istanza huma soġġetti biss għal appell.

It-terminu ta’ żmien għal rikors għal rieżami dwar punt tal-liġi huwa ta’ 30 jum min-notifika tas-sentenza. L-istħarriġ fuq punt tal-liġi jiġi ttrattat mill-qorti ġerarkikament superjuri għal dik li tkun tat is-sentenza li qed tiġi appellata. Fuq talba tal-appellant, il-qorti li tkun qed tittratta r-rieżami tista’ tordna s-sospensjoni tas-sentenza soġġetta għal rieżami dwar punt tal-liġi.

Kontrorieżami dwar punt tal-liġi u rieżami provokat dwar punt tal-liġi jistgħu jiġu eżerċitati fil-kawżi speċifikati għal appell inċidentali u għal appell provokat.

Meta rieżami dwar punt tal-liġi jkun ġie ddikjarat fil-prinċipju ammissibbli, il-qorti, wara li tkun ivverifikat ir-raġunijiet kollha mressqa u wara li tkun eżaminat il-punt tal-liġi, tista’ tippermetti, tirrifjuta jew tannulla jew tiddikjara li l-proċedimenti skadew. Jekk ikun permess rieżami dwar punt tal-liġi, is-sentenza appellata tista’ tiġi annullata kompletament jew parzjalment. Is-sentenza annullata ma għandhiex saħħa. Il-miżuri ta’ eżekuzzjoni jew ta’ assigurazzjoni mwettqa abbażi ta’ tali sentenza ma għandhomx saħħa fil-liġi. Il-Qorti tistabbilixxi dan, ex officio, permezz tas-sentenza li tannulla l-appell.

Jekk l-appell jiġi annullat, is-sentenzi tal-qorti tal-appell dwar il-kwistjonijiet tal-liġi li jkunu ġew riżolti jorbtu lill-qorti li tkun eżaminat il-merti tal-kawża. Meta s-sentenza tiġi annullata minħabba ksur tar-regoli proċedurali, il-proċedimenti jerġgħu jibdew mill-att annullat. Wara li jiġi annullat appell, il-qorti tal-ewwel istanza terġa’ tisma’ l-kawża fil-limiti tal-annullament filwaqt li tqis ir-raġunijiet kollha invokati quddiem il-qorti li s-sentenza tagħha tkun ġiet annullata.

Meta punt tal-liġi jkun qed jiġi rieżaminat u meta jkun hemm kawża mill-ġdid wara li sentenza tkun ġiet annullata mill-qorti tal-appell, il-parti kkonċernata ma tistax titqiegħed f’sitwazzjoni li tkun agħar.

Ir-rikorsi għal annullament huma rregolati mill-Artikoli 503 sa 508 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

Is-sentenzi finali jistgħu jiġu appellati permezz ta’ rikors għall-annullament meta l-kwerelant ma jkunx ġie debitament ikkonvokat u ma kienx preżenti meta l-każ ġie eżaminat. Rikors għall-annullament jiġi ppreżentat lill-qorti li s-sentenza tagħha tkun qed tiġi kkontestata. Jista’ jiġi ppreżentat fi żmien 15-il jum min-notifika tas-sentenza u mhux aktar tard minn sena fuq id-data li tkun saret finali. Il-Qorti tista’ tissospendi l-eżekuzzjoni tas-sentenza li fir-rigward tagħha jintalab l-annullament bil-kundizzjoni li tiġi ddepożitata garanzija. Jekk l-aggravju jkun fondat, il-qorti tagħti sentenza waħda li tannulla s-sentenza appellata u tiddeċiedi l-kawża. Sentenza mogħtija f’rikors għall-annullament tista’ tiġi kkontestata bl-istess mod bħas-sentenza appellata.

Ir-rieżamijiet huma rregolati mill-Artikoli 509 sa 513 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

Rieżami ta’ sentenza dwar il-merti tal-kawża jew li tirreferi għall-merti ta’ kawża tista’ tintalab jekk, pereżempju, il-parti kkonċernata, f’ċirkostanzi lil hinn mill-kontroll tagħha, ma tkunx tħalliet tidher fil-qorti u tkun innotifikat lill-qorti b’dan. Il-limitu ta’ żmien għal rieżami huwa ta’ xahar, li jibda jgħodd minn tmiem l-impediment. Il-Qorti tista’ tissospendi l-eżekuzzjoni tas-sentenza li fir-rigward tagħha qed jintalab rieżami bil-kundizzjoni li tiġi ddepożitata garanzija. Jekk il-qorti tilqa’ r-rikors għal rieżami, din tbiddel, kompletament jew parzjalment, is-sentenza appellata u, fil-każ ta’ sentenzi finali kunfliġġenti, tannulla dawk is-sentenzi. Sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ rikors għal rieżami hija suġġetta għall-proċeduri ta’ appell stabbiliti mil-liġi fir-rigward ta’ sentenzi rieżaminati.

3. Lingwi aċċettati (Art. 20(2)(c))

Il-lingwa Rumena.

4. Awtoritajiet nominati biex jiċċertifikaw id-dokumenti awtentiċi (Art. 25)

Jekk it-Titolu Eżekuttiv ikun strument awtentiku, jaqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti distrettwali tad-distrett fejn jinsab l-emittent tal-att (l-Artikolu 2(2) tal-Artikolu I 1 tad-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 119/2006 dwar il-miżuri meħtieġa sabiex jiġu implimentati ċerti Regolamenti tal-Komunità mid-data tal-adeżjoni tar-Rumanija mal-UE, approvat bl-emendi tal-Liġi Nru 191/2007, kif emendata).

L-aħħar aġġornament: 11/01/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.