Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Titolu eżekuttiv ewropew

Skozja

Il-kontenut ipprovdut minn
Skozja

1. Proċeduri għall-korrezzjoni u l-irtirar (Art. 10(2))

Ir-regoli tal-qorti eżistenti, kemm fil-Qorti tax-Sheriff (Sheriff Court) kif ukoll fil-Qorti Suprema Ċivili (Court of Session) tal-Iskozja, idaħħlu fis-seħħ ir-Regolament b’kull adattament meħtieġ.

Ir-regoli jipprevedu li talba għal rettifika jew irtirar ta’ Ċertifikat ta’ Ordni Ewropew ta’ Infurzar irid ikun fil-forma stabbilita fl-Anness VI tar-Regolament. Il-formola trid tiġi ppreżentata lill-Iskrivan tax-Sheriff (Sheriff Clerk) għar-rikorsi tal-Qorti tax-Sheriff. Ir-rikorsi fil-Qorti Suprema Ċivili jiġu ttrattati daqslikieku huma talbiet, u għandhom jiġu ppreżentati lill-Assistent Skrivan (Assistant Clerk of Session) tal-Qorti Suprema Ċivili.

Il-formoli u r-Regoli jistgħu jiġu kkonsultati wkoll fis-sit web tas-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali Skoċċiżi (Scottish Courts and Tribunals Service - SCTS) f’din il-ħolqa:

https://www.scotcourts.gov.uk/taking-action/european-applications/european-enforcement-orders

2. Proċeduri għar-reviżjoni (Art.19 (1))

L-Artikolu 19(1) jipprevedi li d-debitur ikollu d-dritt li jitlob ir-rieżami tas-sentenza meta ma jkunx wasallu d-dokument li jagħti bidu għall-proċeduri jew meta huwa, għal raġunijiet indipendenti minnu, ikun twaqqaf milli jikkuntesta t-talba.

Ir-regoli tal-qorti eżistenti, kemm tal-Qorti tax-Sheriff kif ukoll tal-Qorti Suprema Ċivili tal-Iskozja, se jintużaw biex idaħħlu fis-seħħ ir-Regolament b’kull adattament meħtieġ.

Ir-Regoli tal-Qorti tax-Sheriff u r-Regoli tal-Qorti Suprema Ċivili rilevanti huma deskritti fil-qosor hawn taħt. It-test sħiħ tar-regoli u l-formoli rilevanti jinstabu hawn: http://www.scotcourts.gov.uk/.

  • Ir-Regoli tal-Qorti tax-Xeriff
  • Proċedura Sempliċi

Mit-28 ta’ Novembru 2016, jekk tkun qed tagħmel talba li jkollha valur monetarju ta’ £5000 jew anqas li tfittex ħlas, teħid jew irkupru ta’ pussess ta’ proprjetà mobbli, jew ordni biex xi ħadd jagħmel xi ħaġa speċifika, ikollok tuża l-Proċedura Sempliċi.

Reviżjoni tas-sentenza:

Hemm żewġ tipi ta’ reviżjoni — revoka ta’ deċiżjoni u appell.

Skont ir-Regola 13.6, parti tista’ titlob ir-revoka ta’ deċiżjoni li tkun ittieħdet billi tippreżenta Rikors għal Revoka bl-użu tal-Formola 13B(1) għal deċiżjoni meħuda qabel it-30 ta’ Lulju 2018 jew tal-Formola 13B(2) għal deċiżjonijiet meħuda fit-30 ta’ Lulju 2018 jew wara bi spjega tar-raġunijiet għaliex id-deċiżjoni għandha tiġi rrevokata.  Il-parti għandha timla wkoll Formola ta’ Rispons (il-Formola 4A) u tibgħatha lill-qorti flimkien mal-Formola 13B xierqa.

Skont ir-Regola 16.2, parti tista’ tappella lill-Qorti tal-Appell tax-Sheriff (Sheriff Appeal Court) billi tippreżenta Appell (il-Formola 16A) fi żmien 4 ġimgħat minn meta tintbagħat il-Formola tad-Deċiżjoni li tispeċifika l-punti tad-dritt li l-Qorti tal-Appell tax-Sheriff għandha tikkunsidra.

Ir-regoli sħaħ jinsabu fit-taqsima tal-Qorti tax-Sheriff:

tal-Qrati Skoċċiżi (Scot Courts)

skont l-Att ta’ Sederunt li jirregola l-Proċedura Sempliċi.  Il-formoli u l-Ordnijiet Standard jinsabu fit-taqsima ta’ taħtha.

Talbiet żgħar

Ir-Regoli tat-Talbiet iż-Żgħar tal-2002 jirregolaw il-proċedura f’każijiet fejn il-valur tat-talba jkun sa £3000. (Mit-28 ta’ Novembru 2016, jekk tkun qed tagħmel talba li jkollha valur monetarju ta’ £5000 jew anqas li tfittex ħlas, teħid jew irkupru ta’ pussess ta’ proprjetà mobbli, jew ordni biex xi ħadd jagħmel xi ħaġa speċifika, ikollok tuża l-Proċedura Sempliċi - ara aktar ’il fuq).

Reviżjoni tas-sentenza:

Hemm tliet tipi ta’ reviżjoni - ir-revoka ta’ digriet, l-appell u r-rikorsi fl-istess talba għal tibdil, eċċ. ta’ digriet.

Skont ir-Regola 21.10, parti tista’ titlob li digriet jiġi mmodifikat, annullat jew jitħassar, jew li l-eżekuzzjoni tiegħu tkun sospiża billi jiġi ppreżentat rapport rigward dan, li jindika fil-qosor ir-raġunijiet tat-talba.

Skont ir-Regola 22.1, parti tista’ titlob li digriet mogħti jiġi rtirat billi tiġi ppreżentata, flimkien mar-rapport, il-Formola 20, fejn ikun hemm spjegat għaliex il-parti ma dehritx u tiġi indikata d-difiża proposta.

Skont ir-Regola 23.1, parti tista’ tappella mal-prinċipal tax-sheriff (sheriff principal) billi tippreżenta nota għal appell fil-Formola 21 sa mhux aktar tard minn 14-il jum wara d-data tad-digriet finali fejn titressaq talba dwar każ u jkunu speċifikati l-punti legali li fuqhom għandu jipproċedi l-appell.

Skont ir-Regola 25.4, talba għall-permess sabiex isir appell kontra deċiżjoni rigward l-ordni ta’ ħlas fi żmien stipulat, jew kull ordni relatata magħha, għandha ssir fuq il-Formola 22 u trid tispeċifika l-kwistjoni legali li fuqha għandu jipproċedi l-appell. Jekk il-permess għall-appell jingħata, l-appell irid jiġi ppreżentat fuq il-Formola 33 u r-rikorrent jintimah lil kull parti oħra fi żmien 14-il jum mid-deċiżjoni li jingħata l-permess.

Ir-regoli sħaħ jinsabu fit-taqsima tal-Qorti tax-Sheriff tas-sit tal-SCTS: Ir-Regoli għal Talbiet Żgħar u l-formoli jinsabu fil-Formoli għal Talbiet Żgħar

Kawża Sommarja

Ir-Regoli tal-2002 għall-Kawżi Sommarji jirregolaw il-proċedura fil-każijiet meta l-valur tat-talba jkun aktar minn £3000 u sa £5000. (Mit-28 ta’ Novembru 2016, jekk tkun qed tagħmel talba li jkollha valur monetarju ta’ £5000 jew anqas li tfittex ħlas, teħid jew irkupru ta’ pussess ta’ proprjetà mobbli, jew ordni biex xi ħadd jagħmel xi ħaġa speċifika, ikollok tuża l-Proċedura Sempliċi - ara aktar ’il fuq).

Reviżjoni tas-sentenza:

Hemm tliet tipi ta’ reviżjoni - ir-revoka ta’ digriet, l-appell u r-rikorsi fl-istess talba għal tibdil, eċċ. ta’ digriet. Barra minn hekk hemm dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appelli marbutin mal-ordni ta’ ħlas fi żmien stipulat.

Skont ir-Regola 24.1, parti tista’ titlob li digriet mogħti jiġi rtirat billi jiġi ppreżentat rapport bil-Formola 30, fejn ikun hemm spjegat għaliex il-parti ma dehritx u tiġi indikata d-difiża proposta.

Skont ir-Regola 25.1, parti tista’ tappella mal-Prinċipal tax-Sheriff billi tippreżenta nota għal appell bil-Formola 31 sa mhux aktar tard minn 14-il jum wara d-data tad-digriet finali fejn titressaq talba dwar każ u jkunu speċifikati l-punti legali li fuqhom għandu jipproċedi l-appell.

Skont ir-Regola 25.4, talba għall-permess sabiex isir appell kontra deċiżjoni rigward l-ordni ta’ ħlas fi żmien stipulat, jew kull ordni relatata magħha, għandha ssir fuq il-Formola 32 u trid tispeċifika l-kwistjoni legali li fuqha għandu jipproċedi l-appell. Jekk il-permess għall-appell jingħata, l-appell irid jiġi ppreżentat fuq il-Formola 33 u l-appellant jiddikjarah lil kull parti oħra fi żmien 14-il jum mid-deċiżjoni li jingħata l-permess.

Ir-regoli sħaħ jinsabu fit-taqsima tal-Qorti tax-Sheriff tas-sit tal-SCTS fir-Regoli tal-Kawżi Sommarji u l-formola fil-Formoli tal-Kawżi Sommarji.

Kawża Ordinarja

Ir-Regoli tal-Kawżi Ordinarji tal-1993 jirregolaw il-proċedura f’każijiet ta’ ħlas fejn il-valur tat-talba jkun aktar £5000.

Ir-rieżami tas-sentenza:

Hemm żewġ metodi ta’ appell disponibbli, l-appelli quddiem il-Prinċipal tax-Sheriff jew il-Qorti Suprema Ċivili, u l-proċedura ta’ Reponing.

Skont ir-Regola 8.1 il-konvenut jista’ jitlob l-irtirar ta’ digriet f’kontumaċja billi jippreżenta “nota ta’ reponing” li tindika d-difiża proposta minnu u li tispjega r-raġuni għala ma deherx. Ma hemm l-ebda formola speċifika preskritta għal din it-talba, iżda normalment issir fuq l-istil taċ-Ċitazzjoni Inizjali (il-Formola G1). Jekk din tintlaqa’, l-azzjoni tkompli daqslikieku l-konvenut ikun ippreżenta avviż tal-intenzjoni tiegħu li jressaq difiża.

Ir-Regola 31.3 tipprevedi li appell fil-Qorti Suprema Ċivili isir permezz ta’ nota għal appell miktuba fil-folji tal-interlokutur prinċipali jew fuq folja separata, u għandu jiġi ppreżentat lill-iskrivan tax-sheriff. Ir-Regola 31.4 tipprevedi li appell mal-Prinċipal tax-Sheriff isir billi fil-Formola A1 tiġi ppreżentata nota għal appell. Ir-Regoli 31.1 u 31.2 jispeċifikaw l-iskadenzi mitluba.

Ir-regoli sħaħ jinsabu fit-taqsima tal-Qorti tax-Sheriff tas-sit tal-SCTS: fir-Regoli tal-Kawżi Ordinarji.

  • Ir-Regoli tal-l-Qorti Suprema Ċivili tal-1994

Ir-rieżami tas-sentenza:

Skont ir-Regola 19.2, konvenut jista’ permezz ta’ mozzjoni jitlob li jkun irtirat id-digriet u fl-istess waqt irid jippreżenta d-difiża tiegħu fil-proċess. L-azzjoni tkompli daqslikieku d-difiżi ġew ippreżentati fil-ħin.

Ir-regoli sħaħ jinsabu fit-taqsima tal-Qorti Suprema Ċivili tas-sit tal-SCTS: Ir-Regoli tal-Qorti Suprema Ċivili.

3. Lingwi aċċettati (Art. 20(2)(c))

Iċ-ċertifikati mibgħuta l-Iskozja jiġu aċċettati bl-Ingliż.

4. Awtoritajiet nominati biex jiċċertifikaw id-dokumenti awtentiċi (Art. 25)

Meta l-istrumenti awtentiċi jiġu rreġistrati sabiex jinżammu u jiġu eżegwiti fil-Books of Council and Session, imbagħad il-Kustodju tar-Reġistri (Keeper of Registers) joħroġ iċ-ċertifikat.

Id-dettalji ta’ kuntatt tal-Kustodju tar-Reġistri huma:

Registers of Scotland

Erskine House

68 Queen Street

Edinburgh

EH2 4NF

Nru tat-telefown: 0845 607 0161

Posta elettronika: customer.services@ros.gov.uk

Meta l-istrument ikun irreġistrat fil-kotba tal-Qorti tax-Sheriff sabiex jinżamm u jiġi eżegwit, l-iskrivani tax-sheriff joħorġu ċ-ċertifikat. Rigward ir-Regola 5 tar-Regoli ta’ Eżekuzzjoni Ewropej tal-Qorti tax-Sheriff, talba għal ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 25(1) tar-Regolament għandha tkun akkumpanjata minn affidavit. Id-dettalji tal-Qrati tax-Sheriff jinstabu billi wieħed jinnaviga fit-taqsima tal-Postijiet tal-Qrati u t-Tribunali (Courts and Tribunals Locations) tas-sit web tal-SCTS taħt “Court Locations”.

L-aħħar aġġornament: 27/07/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.