Titolu eżekuttiv ewropew

Svezja

Il-kontenut ipprovdut minn
Svezja

SIB QRATI/AWTORITAJIET KOMPETENTI

L-għodda ta' tiftix hawn taħt se tgħinek tidentifika qorti/qrati jew awtorità(jiet) kompetenti għal strument legali Ewropew speċifiku. Jekk jogħġbok innota li għalkemm sar kull sforz biex tiġi aċċertata l-preċiżjoni tar-riżultati, jista' jkun hemm xi każijiet eċċezzjonali li jikkonċernaw id-determinazzjoni ta' kompetenza li mhumiex neċessarjament koperti.

Svezja

Ir-Rikonoxximent u l-Infurzar ta' Sentenzi fi Kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali - Ordni ta' Infurzar Ewropew


*input mandatarju

1. Proċeduri għall-korrezzjoni u l-irtirar (Art. 10(2))

Iċ-ċertifikati jistgħu jiġu rrettifikati skont l-Artikolu 14 tal-Att (2014:912) li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet supplimentari dwar il-ġuriżdizzjoni tal-qrati u dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni internazzjonali ta' ċerti sentenzi (l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament dwar it-Titolu Eżekuttiv Ewropew).

"L-Artikolu 14 tal-Att (2014:912) li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet supplementari dwar il-ġuriżdizzjoni tal-qrati kif ukoll ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni internazzjonali ta' ċerti sentenzi.

Jekk, minħabba żball materjali, ċertifikat dwar titolu eżekuttiv Ewropew ma jikkorrispondix mas-sentenza sottostanti, mal-istrument awtentiku jew mad-deċiżjoni, iċ-ċertifikat jiġi rrettifikat mill-qorti jew l-awtorità li ħarġitu. Ma jista' jsir l-ebda appell kontra deċiżjoni ta' rettifika.

Iċ-ċertifikati jistgħu jiġu rrevokati skont l-Artikolu 15 tal-Att (2014:912) li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet supplimentari dwar il-ġuriżdizzjoni tal-qrati u dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni internazzjonali ta' ċerti sentenzi (l-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament dwar it-Titolu Eżekuttiv Ewropew).

"L-Artikolu 15 tal-Att (2014:912) li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet supplementari dwar il-ġuriżdizzjoni tal-qrati kif ukoll ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni internazzjonali ta' ċerti sentenzi.

Jekk jinħareġ ċertifikat dwar titolu eżekuttiv Ewropew kontra r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament dwar it-Titolu Eżekuttiv Ewropew, iċ-ċertifikat għandu jiġi rrevokat mill-qorti jew mill-awtorità li tkun ħarġitu.

Qabel ma ċ-ċertifikat jiġi rrevokat, il-partijiet jingħataw l-opportunità jesprimu ruħhom, jekk dan ikun meħtieġ.

Ma jista' jsir l-ebda appell kontra deċiżjoni ta' revoka.

2. Proċeduri għar-reviżjoni (Art.19 (1))

Rikors għal rieżami jista' jsir permezz ta' appell (överklagande) skont il-Kapitolu 50, l-Artikolu 1 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja (rättegångsbalken), rikors għal ritrattazzjoni (återvinning) skont il-Kapitolu 44 l-Artikolu 9 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja (rättegångsbalken), rikors għal ritrattazzjoni (återvinning) skont l-Artikolu 52 tal-Att (1990:746) dwar l-ordnijiet ta' pagamenti u ta' assistenza, rikors sabiex tiġġedded l-iskadenza li ma nżammitx (återställande av försutten tid) skont il-Kapitolu 58, l-Artikolu 11 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja, jew ilment dwar żball proċedurali gravi (klagan över domvilla) skont il-Kapitolu 59, l-Artikolu 1 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja (l-Artikolu 19 tar-Regolament dwar it-Titolu Eżekuttiv Ewropew).

"il-Kapitolu 50, l-Artikolu 1 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja

Parti li tixtieq tappella kontra sentenza ta' qorti distrettwali (tingsrätt) f'kawża ċivili għandha tagħmel dan bil-miktub. L-appell għandu jitressaq fil-qorti distrettwali. Il-qorti trid tirċivih fi żmien tliet ġimgħat minn meta tinqata' s-sentenza.

Il-Kapitolu 44, l-Artikolu 9 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja

Parti, li b'kontumaċja tingħata sentenza, tista' tagħmel rikors biex jiġi ritrattat il-każ fil-qorti fejn ir-rikors ġie ppreżentat fi żmien xahar mid-data li nqatgħet is-sentenza. Jekk ma jkunx hemm rikors għal ritrattazzjoni, is-sentenza ma tkunx tista' tiġi kkuntestata sal-punt li tkun kontra l-parti kontumaċi.

Rikors għal ritrattazzjoni għandu jiġi preżentat bil-miktub. Jekk is-sentenza f'kontumaċja ngħatat mingħajr smigħ dwar il-merti, ir-rikors irid ikollu kulma huwa meħtieġ mir-rikorrent fid-dawl ta' dan is-smigħ.

Il-Kapitolu 58, l-Artikolu 11 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja

Jekk persuna għal raġunijiet leġittimi tkun qabżet l-iskadenza biex tappella kontra sentenza jew deċiżjoni, jew biex tiftaħha mill-ġdid jew għar-riistituzzjoni, iż-żmien li jkun skada jista' jiġġedded jekk din tagħmel rikors.

Il-Kapitolu 59, l-Artikolu 1 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja

Sentenza li jkollha s-saħħa ta' res judicata għandha tiġi annullata minħabba żball proċedurali gravi fuq rikors minn persuna li d-drittijiet legali tagħha jiġu affettwati mis-sentenza:

1. jekk għalkemm kien jeżisti impediment proċedurali, tkun ġiet deċiża kawża li qorti superjuri waqt is-smigħ ta' kawża ta' appell tkun obbligata tivverifika ex officio.

2. jekk is-sentenza tingħata kontra xi ħadd li ma ġiex imħarrek b’mod regolari u ma deherx fil-kawża, jew jekk id-drittijiet ta' persuna li ma kinitx parti fil-proċess jiġu affettwati ħażin mis-sentenza,

3. jekk is-sentenza tkun daqshekk vaga jew mhux kompluta li mhuwiex possibbli li jiġi aċċertat li d-deċiżjoni tal-qorti tkun abbażi tal-merti, jew

4. jekk seħħ żball proċedurali gravi ieħor waqt il-proċedimenti li jista' jiġi preżunt li affettwa r-riżultat tal-kawża.

Ilment dwar żball proċedurali gravi kif imsemmi fil-paragrafu 4 ta' hawn fuq li huwa bbażat fuq ċirkustanza li preċedentement ma tressqitx fil-kawża għandu jiġi miċħud dment li l-ilmentatur ma jkunx jista' juri li huwa ġie impedit milli jressaq iċ-ċirkustanza tul il-proċedimenti, jew kellu raġuni valida oħra biex ma jagħmilx hekk.

L-Artikolu 15 tal-Att (1990:746) dwar l-ordnijiet ta' pagamenti u ta' assistenza

Jekk l-intimat mhux sodisfatt bis-sentenza ta' kawża li tirrigwarda ordni ta' pagament jew ta' assistenza ordinarja, jista' jitlob li l-proċedimenti jerġgħu jinfetħu."

3. Lingwi aċċettati (Art. 20(2)(c))

Iċ-ċertifikat jista' jimtela bil-lingwi li ġejjin: l-Iżvediż u l-Ingliż

4. Awtoritajiet nominati biex jiċċertifikaw id-dokumenti awtentiċi (Art. 25)

Jekk il-Bord tal-Assistenza Soċjali (Socialnämnd) Żvediż ikun ħareġ strument awtentiku, huwa jista' wkoll jiċċertifika l-istrument bħala Titolu Eżekuttiv Ewropew.

L-aħħar aġġornament: 22/09/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.