Ir-Regolament Brussell IIb - Kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri (riformulazzjoni)

Ġermanja

Il-kontenut ipprovdut minn
Ġermanja

SIB QRATI/AWTORITAJIET KOMPETENTI

L-għodda ta' tiftix hawn taħt se tgħinek tidentifika qorti/qrati jew awtorità(jiet) kompetenti għal strument legali Ewropew speċifiku. Jekk jogħġbok innota li għalkemm sar kull sforz biex tiġi aċċertata l-preċiżjoni tar-riżultati, jista' jkun hemm xi każijiet eċċezzjonali li jikkonċernaw id-determinazzjoni ta' kompetenza li mhumiex neċessarjament koperti.

Ġermanja

Liġi tal-Familja - Ir-Regolament Brussell IIb - Kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri (riformulazzjoni)


*input mandatarju

L-Artikolu 103(1) (a) (l-ewwel parti) - Awtoritajiet pubbliċi jew awtoritajiet oħra awtorizzati biex jistabbilixxu strument awtentiku msemmi fil-punt (2)(b) tal-Artikolu 2(2), u awtoritajiet pubbliċi awtorizzati li jirreġistraw ftehim imsemmi fil-punt (3) tal-Artikolu 2(2)

Mhux applikabbli.

Fil-liġi tal-Ġermanja, bħalissa ma hemmx strumenti awtentiċi jew ftehimiet dwar is-separazzjoni legali u d-divorzju skont it-tifsira tal-Artikolu 65(1) li għandhom effett legali vinkolanti fil-Ġermanja; lanqas ma hemm xi strument awtentiku jew ftehim fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri skont it-tifsira tal-Artikolu 65(2) li huma eżegwibbli fil-Ġermanja. Għalhekk, ma hemmx strumenti awtentiċi jew ftehimiet Ġermaniżi li jistgħu jiġu rrikonoxxuti jew eżegwiti fi Stat Membru ieħor skont ir-Regolament. Minn dan isegwi li ma hemmx bżonn li jiġu nnominati awtoritajiet responsabbli għat-tfassil ta’ strumenti awtentiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 2(2)(2)(b) u għar-reġistrazzjoni ta’ ftehimiet skont it-tifsira tal-Artikolu 2(2)(3).

L-Artikolu 103 (1) (a) (it-tieni parti) - Awtoritajiet amministrattivi li jagħtu l-għajnuna legali msemmija fl-Artikolu 74(2)

Xejn.

Bħalissa, l-ordinament ġuridiku tal-Ġermanja ma jipprevedix xi proċediment mingħajr ħlas quddiem awtorità amministrattiva skont it-tifsira tal-Artikolu 74(2).

L-Artikolu 103 (1) (b) (l-ewwel parti) - Qrati kompetenti biex joħorġu ċertifikati għal deċiżjoni skont l-Artikolu 36(1), u qrati u awtoritajiet kompetenti biex joħorġu ċertifikat għal strument awtentiku jew ftehim imsemmija fl-Artikolu 66

Qorti kompetenti biex toħroġ iċ-ċertifikat għal deċiżjoni (l-Artikolu 36(1)):

il-qorti li ħadet id-deċiżjoni.

Qrati jew awtoritajiet kompetenti biex joħorġu ċertifikat għal strument awtentiku jew għal ftehim (l-Artikolu 66):

l-ebda.

Fil-liġi tal-Ġermanja, bħalissa ma hemmx strumenti awtentiċi jew ftehimiet Ġermaniżi li jistgħu jiġu rikonoxxuti jew eżegwiti fi Stati Membri oħrajn skont l-Artikolu 65 tar-Regolament. Għalhekk, ma hemmx bżonn li jinħarġu ċertifikati skont l-Artikolu 66 jew li tiġi ddeterminata l-kompetenza għall-ħruġ tagħhom.

L-Artikolu 103 (1) (b) (it-tieni parti) - Qrati kompetenti biex jirrettifikaw iċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 37(1), l-Artikolu 48(1) u qrati kompetenti biex joħorġu ċertifikat li jispeċifika n-nuqqas jew il-limitazzjoni ta’ deċiżjoni ċċertifikata msemmi fl-Artikolu 49; u qrati u awtoritajiet kompetenti biex jirrettifikaw iċ-ċertifikat, maħruġ skont l-Artikolu 66(1), imsemmi fl-Artikolu 67(1);

Il-qorti kompetenti biex tirrettifika (l-Artikolu 37(1) u l-Artikolu 48(1)) ċertifikat (l-Artikolu 36 u l-Artikolu 48) għal deċiżjoni: il-qorti li ħarġet iċ-ċertifikat.

Il-qorti kompetenti biex toħroġ ċertifikat dwar nuqqas jew limitazzjoni tal-eżegwibbiltà ta’ deċiżjoni ċċertifikata (l-Artikolu 49): il-qorti li ssospendiet jew illimitat l-eżegwibbiltà tad-deċiżjoni.

Qrati u awtoritajiet kompetenti biex jirrettifikaw (l-Artikolu 67(1)) ċertifikat (l-Artikolu 66) għal strument awtentiku jew għal ftehim: l-ebda. Fil-liġi tal-Ġermanja, bħalissa ma hemmx strumenti awtentiċi jew ftehimiet Ġermaniżi li jistgħu jiġu rikonoxxuti jew eżegwiti fi Stati Membri oħrajn skont l-Artikolu 65 tar-Regolament. Għalhekk, ma hemmx bżonn li jinħarġu ċertifikati skont l-Artikolu 66, li jiġu rrettifikati skont l-Artikolu 67 jew li tiġi ddeterminata r-responsabbiltà għall-ħruġ u għar-rettifika tagħhom.

L-Artikolu 103 (1) (c) — Qrati kompetenti għar-rikonoxximent ta’ deċiżjoni (l-Artikolu 30(3)) jew għar-rifjut tar-rikonoxximent (l-Artikolu 40(2)), kif ukoll qrati u awtoritajiet kompetenti għar-rifjut tal-infurzar, għall-kontestazzjoni jew l-appell, u għall-kontestazzjoni jew l-appell ulterjuri msemmija fl-Artikoli 58(1), 61(2) u 62

Il-qorti kompetenti

  • għar-rikonoxximent ta’ deċiżjoni (l-Artikolu 30(3))
  • għar-rifjut ta’ rikonoxximent (l-Artikolu 40(1))
  • għar-rifjut ta’ eżekuzzjoni (l-Artikolu 58(1)) għar-raġunijiet previsti fl-Artikolu 39 flimkien mal-Artikoli 41, 50, 56(6), 68(2) u 68(3)

hija

  1. fil-prim’istanza: il-qorti tal-familja b’ġuriżdizzjoni fuq il-post ta’ residenza abitwali tal-persuna li r-rikors jiġi ppreżentat kontriha jew li d-deċiżjoni tkun tikkonċerna t-tfal tagħha, fil-mument meta jinfetħu l-proċedimenti;
  2. jekk ma jkunx hemm kompetenza fuq il-bażi ta’ dak li hu spjegat hawn fuq: il-qorti tal-familja b’ġuriżdizzjoni fuq il-post fejn jirriżulta l-interess fid-determinazzjoni jew fejn issir magħrufa l-ħtieġa għall-indukrar, fiż-żmien meta jinfetħu l-proċedimenti;
  3. jekk xorta ma jkunx għad hemm kompetenza fuq il-bażi ta’ dak li hu spjegat hawn fuq: il-qorti mitluba tieħu deċiżjoni (il-Qorti tal-Familja ta’ Pankow) fid-distrett tal-Kammergericht (il-Qorti Reġjonali Superjuri fil-Land ta’ Berlin).

Il-kompetenza skont a) u (b) għad-distrett sħiħ ta’ qorti reġjonali superjuri f’kull kawża tiġi kkonċentrata fil-qorti tal-familja li fid-distrett tagħha jkollha s-sede tagħha l-qorti reġjonali superjuri. B’hekk, il-kompetenza ta’ din il-qorti tal-familja testendi għad-distrett sħiħ tal-qorti reġjonali superjuri. Barra minn hekk, il-gvernijiet tal-Länder jingħataw is-setgħa li jikkonċentraw il-kompetenza f’qorti tal-familja oħra fid-distrett tal-qorti reġjonali superjuri, jew, jekk ikun hemm aktar minn qorti reġjonali superjuri waħda f’Land wieħed, li jikkonċentrawha f’qorti tal-familja waħda għad-distretti ta’ diversi qrati reġjonali superjuri jew ta’ kollha kemm huma. Kemm il-gvernijiet tal-Länder se jużaw din is-setgħa għad irridu naraw.

Għar-rifjut ta’ eżekuzzjoni (l-Artikolu 58(1)) fuq il-bażi tar-raġunijiet previsti fil-liġi nazzjonali Ġermaniża dwar l-eżekuzzjoni u approvati skont l-Artikolu 57,

trid issir distinzjoni:

  • Appell immedjat skont l-Artikolu 87(4) FamFG (l-Att dwar il-proċedimenti fi kwistjonijiet tal-familja u fi kwistjonijiet ta’ ġuriżdizzjoni volontarja) kontra deċiżjoni fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni jista’ jiġi ppreżentat quddiem il-qorti tal-familja li toħroġ id-deċiżjoni jew quddiem il-qorti tal-appell kompetenti (il-qorti reġjonali superjuri li l-qorti tal-familja li ħarġet id-deċiżjoni kkontestata tkun tinsab fid-distrett tagħha).
  • Għal deċiżjoni dwar l-oġġezzjoni (Erinnerung) kontra l-kwistjoni ta’ eżekuzzjoni forzata mill-uffiċjal imqabbad mill-qorti skont l-Artikolu 766 ZPO (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), il-kompetenza hija tal-qorti tal-familja kompetenti għall-eżekuzzjoni forzata ta’ dik l-ordni. Ara l-informazzjoni dwar l-Artikolu 103(1)(d).
  • Għal azzjoni li topponi l-eżekuzzjoni skont l-Artikolu 767 ZPO (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) f’ordnijiet għar-rimborż tal-ispejjeż tal-proċedimenti (deċiżjonijiet dwar l-ispejjeż), il-kompetenza hija biss tal-qorti li ddeċidiet dwar ir-rikors għar-rifjut ta’ eżekuzzjoni fil-prim’istanza jew tal-qorti li tkun kompetenti biex tiddeċiedi dwar rikors bħal dan (ara aktar ’il fuq).

Appell (l-Artikolu 61(2)) jista’ jiġi ppreżentat quddiem il-qorti tal-familja li tiġi kkontestata d-deċiżjoni tagħha jew quddiem il-qorti reġjonali superjuri b’kompetenza fuq il-qorti tal-familja. Għal appell ulterjuri (l-Artikolu 62), il-kompetenza hija tal-Qorti Federali tal-Ġustizzja.

L-Artikolu 103 (1) (d) — Awtoritajiet kompetenti għall-infurzar imsemmija fl-Artikolu 52

Trid issir distinzjoni:

Għall-eżekuzzjoni forzata ta’ ordni f’konformità mal-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) 2019/1111, li tikkonċerna l-konsenja jew ir-ritorn ta’ persuni jew ir-regolar tal-aċċess, japplikaw l-istess regoli dwar il-kompetenza bħal dawk previsti fl-Artikolu 103(1)(c) għar-rikonoxximent ta’ deċiżjoni, għar-rifjut ta’ rikonoxximent u għar-rifjut ta’ eżekuzzjoni fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni.

Għall-eżekuzzjoni forzata ta’ ordni f’konformità mal-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) 2019/1111, li ma tikkonċernax il-konsenja jew ir-ritorn ta’ persuni jew ir-regolar tal-aċċess (primarjament deċiżjonijiet dwar l-ispejjeż), il-kompetenza hija rregolata bid-dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-eżekuzzjoni ta’ titoli f’materji ċivili u kummerċjali. Jekk jogħġbok, ara l-informazzjoni li tinsab hawnhekk: https://e-justice.europa.eu/52/MT/how_to_enforce_a_court_decision?GERMANY&init=true&member=1.

L-Artikolu 103 (1) (e) — Proċeduri ta’ rimedju kontra deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għar-rifjut tal-infurzar imsemmija fl-Artikoli 61 u 62

L-appell imsemmi fl-Artikolu 61 huwa l-appell immedjat (sofortige Beschwerde). L-appell ulterjuri msemmi fl-Artikolu 62 huwa l-appell fuq punt tad-dritt (Rechtsbeschwerde).

L-Artikolu 103 (1) (f) — Ismijiet, indirizzi u mezzi ta’ komunikazzjoni għall-Awtoritajiet Ċentrali maħtura biex jassistu fl-applikazzjoni tar-Regolament fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri. F’każ li tinħatar aktar minn Awtorità Ċentrali waħda, il-ġuriżdizzjoni ġeografika u funzjonali ta’ kull Awtorità Ċentrali għandha tiġi indikata kif imsemmi fl-Artikolu 76

L-Awtorità Ċentrali msemmija fl-Artikolu 76 hija l-Uffiċċju Federali tal-Ġustizzja (Bundesamt für Justiz).

L-indirizz postali tiegħu huwa:

Bundesamt für Justiz

Unit II 3

53094 Bonn.

L-Uffiċċju jista’ jiġi kkuntattjat bit-telefown, bil-faks jew bil-posta elettronika:

Telefown: +49 228 99 410-5212

Faks: +49 228 410-5401

Indirizz tal-posta elettronika: int.sorgerecht@bfj.bund.de.

L-Artikolu 103 (1) (g) — Jekk applikabbli, kategoriji ta’ qraba stretti, minbarra ġenituri, li magħhom il-minuri jista’ jitqiegħed fit-territorju ta’ Stat Membru, mingħajr il-kunsens minn qabel ta’ dak l-Istat Membru kif imsemmi fl-Artikolu 82

Xejn.

Il-Ġermanja ma użatx il-possibbiltà skont l-Artikolu 82 biex teskludi ċerti kategoriji ta’ qraba mir-rekwiżit li jiksbu kunsens għat-tqegħid transfruntier ta’ tfal fil-Ġermanja.

L-Artikolu 103 (1) (h) — Lingwi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għajr il-lingwa ta’ Stat Membru, li fihom jistgħu jiġu aċċettati komunikazzjonijiet lill-Awtoritajiet Ċentrali tiegħu kif imsemmi fl-Artikolu 91(3))

Minbarra l-Ġermaniż, l-Ingliż huwa aċċettat ukoll għall-komunikazzjonijiet lill-Awtorità Ċentrali.

L-Artikolu 103 (1) (i) — Lingwi aċċettati għat-traduzzjonijiet ta’ talbiet u dokumenti li jakkumpanjawhom mibgħuta skont l-Artikoli 80, 81, 82 u ta’ partijiet b’test liberu taċ-ċertifikati kif imsemmi fl-Artikolu 91(2)

Il-Ġermaniż.

L-aħħar aġġornament: 02/04/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.