Ir-Regolament Brussell IIb - Kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri (riformulazzjoni)

Latvja

Il-kontenut ipprovdut minn
Latvja

SIB QRATI/AWTORITAJIET KOMPETENTI

L-għodda ta' tiftix hawn taħt se tgħinek tidentifika qorti/qrati jew awtorità(jiet) kompetenti għal strument legali Ewropew speċifiku. Jekk jogħġbok innota li għalkemm sar kull sforz biex tiġi aċċertata l-preċiżjoni tar-riżultati, jista' jkun hemm xi każijiet eċċezzjonali li jikkonċernaw id-determinazzjoni ta' kompetenza li mhumiex neċessarjament koperti.

Latvja

Liġi tal-Familja - Ir-Regolament Brussell IIb - Kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri (riformulazzjoni)


*input mandatarju

L-Artikolu 103(1) (a) (l-ewwel parti) - Awtoritajiet pubbliċi jew awtoritajiet oħra awtorizzati biex jistabbilixxu strument awtentiku msemmi fil-punt (2)(b) tal-Artikolu 2(2), u awtoritajiet pubbliċi awtorizzati li jirreġistraw ftehim imsemmi fil-punt (3) tal-Artikolu 2(2)

Fiċ-ċirkostanzi previsti fl-Artikolu 325 tal-Liġi dwar in-nutara (Notariāta likums), nutar iċċertifikat (zvērināts notārs) huwa kompetenti biex ixolji żwieġ u joħroġ ċertifikat tad-divorzju.

Il-Liġi dwar in-nutara u t-traduzzjoni bl-Ingliż tagħha huma disponibbli fuq Notariāta likums (likumi.lv)

L-Artikolu 103 (1) (a) (it-tieni parti) - Awtoritajiet amministrattivi li jagħtu l-għajnuna legali msemmija fl-Artikolu 74(2)

L-Amministrazzjoni tal-Għajnuna Legali (Juridiskās palīdzības administrācija).

L-Artikolu 103 (1) (b) (l-ewwel parti) - Qrati kompetenti biex joħorġu ċertifikati għal deċiżjoni skont l-Artikolu 36(1), u qrati u awtoritajiet kompetenti biex joħorġu ċertifikat għal strument awtentiku jew ftehim imsemmija fl-Artikolu 66

Ċertifikat għal deċiżjoni skont l-Artikolu 36(1)(a) tar-Regolament jinħareġ mill-qorti li tkun tat id-deċiżjoni inkwistjoni.

Ċertifikat għal deċiżjoni skont l-Artikolu 36(1)(b) tar-Regolament jinħareġ mill-qorti li tkun tat id-deċiżjoni inkwistjoni. Jekk id-deċiżjoni tkun ingħatat minn qorti tal-familja (bāriņtiesa) skont l-Artikolu 1(2)(b), (c), (d) jew (e), iċ-ċertifikat korrispondenti, skont l-Artikolu 36(1)(b), jinħareġ mill-qorti tal-familja li tkun tat id-deċiżjoni inkwistjoni.

Ċertifikat għal deċiżjoni skont l-Artikolu 36(1)(c) tar-Regolament jinħareġ mill-Qorti tal-Belt ta’ Riga (Rīgas pilsētas tiesa).

Ċertifikat għal strument awtentiku f’materji matrimonjali skont l-Artikolu 66(1)(a) tar-Regolament jinħareġ minn nutar iċċertifikat.

L-Artikolu 103 (1) (b) (it-tieni parti) - Qrati kompetenti biex jirrettifikaw iċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 37(1), l-Artikolu 48(1) u qrati kompetenti biex joħorġu ċertifikat li jispeċifika n-nuqqas jew il-limitazzjoni ta’ deċiżjoni ċċertifikata msemmi fl-Artikolu 49; u qrati u awtoritajiet kompetenti biex jirrettifikaw iċ-ċertifikat, maħruġ skont l-Artikolu 66(1), imsemmi fl-Artikolu 67(1);

Il-qorti li hija kompetenti biex tirrettifika ċertifikat skont l-Artikolu 37 tar-Regolament hija l-qorti li tkun iddeċidiet li għandu jiġi rretifikat.

Il-qorti li hija kompetenti biex tirrettifika jew tirtira ċertifikat skont l-Artikolu 48(1) tar-Regolament hija l-qorti li tkun iddeċidiet li għandu jiġi rretifikat jew irtirat.

Il-qorti li hija kompetenti biex toħroġ ċertifikat dwar in-nuqqas jew il-limitazzjoni tal-eżegwibbiltà, kif imsemmi fl-Artikolu 49 tar-Regolament, hija l-qorti li tkun tat id-deċiżjoni li toħroġ dan iċ-ċertifikat.

L-Artikolu 103 (1) (c) — Qrati kompetenti għar-rikonoxximent ta’ deċiżjoni (l-Artikolu 30(3)) jew għar-rifjut tar-rikonoxximent (l-Artikolu 40(2)), kif ukoll qrati u awtoritajiet kompetenti għar-rifjut tal-infurzar, għall-kontestazzjoni jew l-appell, u għall-kontestazzjoni jew l-appell ulterjuri msemmija fl-Artikoli 58(1), 61(2) u 62

Il-qorti kompetenti skont l-Artikoli 30(3), 40(2) u 58(1) tar-Regolament huma l-qorti distrettwali (tal-belt) (rajona (pilsētas) tiesa) li fiż-żona ta’ ġuriżdizzjoni tagħha jinsab il-post tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni jew il-post ta’ residenza ddikjarat (deklarētā dzīvesvieta) tal-konvenut jew – fin-nuqqas ta’ dan – fejn jinsab il-post ta’ residenza (dzīvesvieta) tal-konvenut jew il-post tan-negozju rreġistrat (juridiskā adrese).

Id-deċiżjoni tal-qorti tal-prim’istanza li tirrikonoxxi deċiżjoni ta’ qorti barranija tista’ tiġi kkontestata bil-preżentazzjoni ta’ lment anċillari (blakus sūdzība). L-ilment anċillari jrid jiġi ppreżentat lill-qorti li tkun tat id-deċiżjoni inkwistjoni u indirizzat lill-qorti tal-appell rilevanti. Madankollu, id-deċiżjoni tal-qorti tal-appell dwar l-ilment anċillari tista’ tiġi kkontestata billi jiġi ppreżentat ilment anċillari lill-Qorti Suprema (Augstākā tiesa).

Id-deċiżjoni tal-qorti tal-prim’istanza li tirrifjuta li tirrikonoxxi jew teżegwixxi deċiżjoni ta’ qorti barranija tista’ tiġi kkontestata bil-preżentazzjoni ta’ lment anċillari. L-ilment anċillari jrid jiġi ppreżentat lill-qorti li tkun tat id-deċiżjoni inkwistjoni u jrid jiġi indirizzat lill-qorti tal-appell rilevanti (l-Artikolu 61 tar-Regolament).

Id-deċiżjoni ta’ qorti reġjonali (apgabaltiesa) li tirrikonoxxi s-sentenza ta’ qorti barranija tista’ tiġi kkontestata biss billi jiġi ppreżentat ilment anċillari lill-Qorti Suprema (l-Artikolu 62 tar-Regolament).

L-Artikolu 103 (1) (d) — Awtoritajiet kompetenti għall-infurzar imsemmija fl-Artikolu 52

Uffiċjali ġudizzjarji awtorizzati

L-Artikolu 103 (1) (e) — Proċeduri ta’ rimedju kontra deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għar-rifjut tal-infurzar imsemmija fl-Artikoli 61 u 62

Il-qorti li hija kompetenti skont l-Artikolu 61 tar-Regolament hija l-qorti tal-appell rilevanti. L-ilment anċillari jrid jiġi ppreżentat lill-qorti li tkun tat id-deċiżjoni inkwistjoni, iżda jrid jiġi indirizzat lill-qorti tal-appell rilevanti.

Id-deċiżjoni ta’ qorti reġjonali li tirrikonoxxi s-sentenza ta’ qorti barranija tista’ tiġi kkontestata biss billi jiġi ppreżentat ilment anċillari lill-Qorti Suprema (l-Artikolu 62 tar-Regolament). L-ilment anċillari jrid jiġi ppreżentat lill-qorti reġjonali li tkun tat id-deċiżjoni suġġett tal-appell, iżda jrid jiġi indirizzat lill-qorti tal-kassazzjoni rilevanti (kasācijas instances tiesa).

Fil-każ kemm tal-Artikoli 61 u 62 tar-Regolament, jista’ jiġi ppreżentat ilment anċillari fi żmien 10 ijiem mid-data meta tingħata d-deċiżjoni. Parti f’kawża li lilha tkun intbagħtet deċiżjoni tal-qorti skont l-Artikolu 56.2 tal-Liġi dwar il-proċedura ċivili (Civilprocesa likums) (jiġifieri persuna li ma tkunx tinsab fil-Latvja jew il-post ta’ residenza tagħha ma jkunx fil-Latvja) tista’ tippreżenta lment anċillari fi żmien 15-il jum mid-data meta tkun inħarġet it-traskrizzjoni tad-deċiżjoni.

Meta jiġi ppreżentat ilment anċillari, għandha titħallas tariffa ta’ EUR 70.

L-ilment anċillari jiġi eżaminat bi proċedura bil-miktub. Il-qorti tinnotifika d-data meta jkun se jiġi eżaminat l-ilment anċillari lill-partijiet fil-kawża. Kopja tad-deċiżjoni tingħata lill-partijiet fil-kawża fi żmien tlett ijiem mid-data meta jiġi eżaminat l-ilment anċillari. Id-deċiżjoni mogħtija dwar l-ilment anċillari ma tistax tiġi appellata u tidħol fis-seħħ malli tiġi adottata.

Il-proċedura għall-preżentazzjoni u l-eżami ta’ lment anċillari hija stabbilita fil-Kapitolu 55 tal-Liġi dwar il-proċedura ċivili.

L-Artikolu 103 (1) (f) — Ismijiet, indirizzi u mezzi ta’ komunikazzjoni għall-Awtoritajiet Ċentrali maħtura biex jassistu fl-applikazzjoni tar-Regolament fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri. F’każ li tinħatar aktar minn Awtorità Ċentrali waħda, il-ġuriżdizzjoni ġeografika u funzjonali ta’ kull Awtorità Ċentrali għandha tiġi indikata kif imsemmi fl-Artikolu 76

L-Awtorità Ċentrali skont ir-Regolament hija:

Il-Ministeru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Latvja (Latvijas Republikas Tieslietu ministrija)

Brīvības bulvāris 36, Riga, LV-1536

Email: tm.kanceleja@tm.gov.lv

Numru tat-tel: +371 67036802

L-Artikolu 103 (1) (g) — Jekk applikabbli, kategoriji ta’ qraba stretti, minbarra ġenituri, li magħhom il-minuri jista’ jitqiegħed fit-territorju ta’ Stat Membru, mingħajr il-kunsens minn qabel ta’ dak l-Istat Membru kif imsemmi fl-Artikolu 82

Bħala regola, fi ħdan il-qafas regolatorju tal-Latvja, huwa meħtieġ kunsens għat-tqegħid ta’ wild minuri ma’ xi qarib tiegħu, ma’ persuni li magħhom il-wild minuri għandu relazzjoni mill-qrib, jew ma’ persuni oħra. Madankollu, issir eċċezzjoni fir-rigward tad-durata tat-tqegħid. Jiġifieri, f’konformità mal-Artikolu 451 tal-Liġi dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal (Bērnu tiesību aizsardzības likums), il-ġenituri jistgħu jqiegħdu wild fil-kustodja ta’ persuna oħra fil-Latvja għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur. F’ċirkostanza bħal din, wieħed mill-ġenituri jkun irid jagħmel prokura, li tispeċifika sa liema punt il-ġenituri jagħtu lill-persuna l-oħra s-setgħa li tirrappreżenta l-aħjar interessi tal-wild tagħhom.

Din il-kundizzjoni tapplika biss għal ulied fil-kustodja tal-ġenituri u għal każijiet fejn il-wild minuri jitqiegħed fil-kustodja ta’ persuna oħra għal mhux aktar minn tliet xhur.

L-Artikolu 103 (1) (h) — Lingwi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għajr il-lingwa ta’ Stat Membru, li fihom jistgħu jiġu aċċettati komunikazzjonijiet lill-Awtoritajiet Ċentrali tiegħu kif imsemmi fl-Artikolu 91(3))

Il-lingwi ta’ komunikazzjoni huma l-Latvjan u l-Ingliż.

L-Artikolu 103 (1) (i) — Lingwi aċċettati għat-traduzzjonijiet ta’ talbiet u dokumenti li jakkumpanjawhom mibgħuta skont l-Artikoli 80, 81, 82 u ta’ partijiet b’test liberu taċ-ċertifikati kif imsemmi fl-Artikolu 91(2)

Traduzzjoni għal-Latvjan għandha tiġi mehmuża mat-talbiet imsemmija fl-Artikolu 80(1) u (2) u ma’ kwalunkwe dokument ta’ akkumpanjament.

Traduzzjoni għal-Latvjan għandha tiġi mehmuża mat-talba msemmija fl-Artikolu 81(1) u ma’ kwalunkwe dokument ta’ akkumpanjament.

Traduzzjoni għal-Latvjan għandha tiġi mehmuża mat-talba msemmija fl-Artikolu 82(1) u ma’ kwalunkwe dokument ta’ akkumpanjament.

L-ispazji tat-test liberu taċ-ċertifikati jridu jiġu tradotti għal-Latvjan.

L-aħħar aġġornament: 15/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.