Ir-Regolament Brussell IIb - Kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri (riformulazzjoni)

Litwanja

Il-kontenut ipprovdut minn
Litwanja

L-Artikolu 103(1) (a) (l-ewwel parti) - Awtoritajiet pubbliċi jew awtoritajiet oħra awtorizzati biex jistabbilixxu strument awtentiku msemmi fil-punt (2)(b) tal-Artikolu 2(2), u awtoritajiet pubbliċi awtorizzati li jirreġistraw ftehim imsemmi fil-punt (3) tal-Artikolu 2(2)

L-awtoritajiet kompetenti msemmijin fil-punt 2(b) tal-Artikolu 2(2) (“strument awtentiku”) tar-Regolament huma nutara. Informazzjoni dwar in-nutara li joperaw fir-Repubblika tal-Litwanja hija pprovduta fuq is-sit web tal-Kamra tan-Nutara tal-Litwanja:

Bħalissa, il-“ftehimiet” imsemmijin fil-punt (3) tal-Artikolu 2(2) ma humiex previsti fil-liġi nazzjonali tal-Litwanja.

L-Artikolu 103 (1) (a) (it-tieni parti) - Awtoritajiet amministrattivi li jagħtu l-għajnuna legali msemmija fl-Artikolu 74(2)

Is-Servizz tal-Għajnuna Legali ggarantit mill-Istat (Valstybės garantuojamos teisinės pagalbos tarnyba) (“is-Servizz”) huwa l-awtorità li tagħti l-għajnuna legali msemmija fl-Artikolu 74(2) tar-Regolament. L-applikazzjonijiet għal għajnuna legali sekondarja ggarantita mill-Istat isiru lit-taqsimiet territorjali tas-Servizz:

  • Vilnius Department (Odminių g. 3, Vilnius; Nru tat-Tel. (+370) 700 00 211);
  • Kaunas Department (Kęstučio g. 21, Kaunas; Nru tat-Tel. (+370) 700 00 177);
  • Klaipėda Department (Vilties g. 10, Klaipėda; Nru tat-Tel. (+370) 700 00 191);
  • Šiauliai Department (Vasario 16-osios g. 49, Šiauliai; Nru tat-Tel. (+370) 700 00 214);

Informazzjoni dwar il-muniċipalitajiet moqdijin mit-taqsimiet territorjali tas-Servizz hija pprovduta fuq is-sit web tas-Servizz:

L-Artikolu 103 (1) (b) (l-ewwel parti) - Qrati kompetenti biex joħorġu ċertifikati għal deċiżjoni skont l-Artikolu 36(1), u qrati u awtoritajiet kompetenti biex joħorġu ċertifikat għal strument awtentiku jew ftehim imsemmija fl-Artikolu 66

Il-qorti distrettwali (apylinkės teismas) li tieħu d-deċiżjoni hija kompetenti biex toħroġ iċ-ċertifikat skont l-Artikolu 36(1)(a) u (b), filwaqt li l-qorti reġjonali ta’ Vilnius (apygardos teismas) li ħadet id-deċiżjoni hija kompetenti biex toħroġ iċ-ċertifikat skont l-Artikolu 36(1)(c).

Informazzjoni dwar il-qrati tal-Litwanja u l-ġuriżdizzjonijiet ġeografiċi tagħhom hija pprovduta fuq is-sit web tal-qrati tal-Litwanja:

In-nutara li ċċertifikaw l-istrumenti awtentiċi huma kompetenti biex joħorġu ċertifikati skont l-Artikolu 66 tar-Regolament.

In-nutara li ċċertifikaw l-istrumenti awtentiċi huma kompetenti biex jirrettifikaw iċ-ċertifikati skont l-Artikolu 67(1) tar-Regolament.

L-Artikolu 103 (1) (b) (it-tieni parti) - Qrati kompetenti biex jirrettifikaw iċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 37(1), l-Artikolu 48(1) u qrati kompetenti biex joħorġu ċertifikat li jispeċifika n-nuqqas jew il-limitazzjoni ta’ deċiżjoni ċċertifikata msemmi fl-Artikolu 49; u qrati u awtoritajiet kompetenti biex jirrettifikaw iċ-ċertifikat, maħruġ skont l-Artikolu 66(1), imsemmi fl-Artikolu 67(1);

Il-qorti distrettwali li ħadet id-deċiżjoni jew il-qorti reġjonali ta’ Vilnius li ħadet id-deċiżjoni hija kompetenti biex tirrettifika ċ-ċertifikat, skont l-Artikolu 37(1) tar-Regolament.

Il-qorti distrettwali li ħadet id-deċiżjoni hija kompetenti biex tirrettifika ċ-ċertifikat skont l-Artikolu 48(1) tar-Regolament.

Il-qorti distrettwali li ħadet id-deċiżjoni hija kompetenti biex toħroġ iċ-ċertifikat dwar in-nuqqas jew il-limitazzjoni tal-eżegwibbiltà skont l-Artikolu 49 tar-Regolament.

Informazzjoni dwar il-qrati tal-Litwanja u l-ġuriżdizzjonijiet ġeografiċi tagħhom hija pprovduta fuq is-sit web tal-qrati tal-Litwanja:

In-nutara li ċċertifikaw l-istrumenti awtentiċi huma kompetenti biex joħorġu ċertifikati skont l-Artikolu 66 tar-Regolament.

In-nutara li ċċertifikaw l-istrumenti awtentiċi huma kompetenti biex jirrettifikaw iċ-ċertifikati skont l-Artikolu 67(1) tar-Regolament.

L-Artikolu 103 (1) (c) — Qrati kompetenti għar-rikonoxximent ta’ deċiżjoni (l-Artikolu 30(3)) jew għar-rifjut tar-rikonoxximent (l-Artikolu 40(2)), kif ukoll qrati u awtoritajiet kompetenti għar-rifjut tal-infurzar, għall-kontestazzjoni jew l-appell, u għall-kontestazzjoni jew l-appell ulterjuri msemmija fl-Artikoli 58(1), 61(2) u 62

Il-qorti kompetenti msemmija fl-Artikolu 30(3) tar-Regolament hija l-Qorti tal-Appell (apeliacinis teismas) tal-Litwanja.

Il-qorti kompetenti msemmija fl-Artikolu 40(2) tar-Regolament hija l-Qorti tal-Appell tal-Litwanja.

L-awtoritajiet jew il-qrati kompetenti msemmijin fl-Artikolu 58(1) tar-Regolament huma:

  • il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja, meta t-talba għal rifjut tal-eżekuzzjoni tkun ibbażata fuq l-Artikolu 39 tar-Regolament jew fuq raġunijiet oħra stabbiliti fir-Regolament;
  • uffiċjali ġudizzjarji, meta t-talba għal rifjut tal-eżekuzzjoni tkun ibbażata fuq raġunijiet stabbiliti fil-liġi nazzjonali permessi mir-Regolament.

L-awtoritajiet kompetenti msemmijin fl-Artikolu 61(2) huma:

  • il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja, meta t-talba għal rifjut tal-eżekuzzjoni tkun ibbażata fuq l-Artikolu 39 tar-Regolament jew fuq raġunijiet oħrajn stabbiliti fir-Regolament;
  • il-qrati distrettwali, permezz tal-uffiċjali ġudizzjarji li jimplimentaw id-deċiżjoni, meta t-talba għal rifjut tal-eżekuzzjoni tkun ibbażata fuq raġunijiet stabbiliti fil-liġi nazzjonali permessi mir-Regolament.

L-awtoritajiet kompetenti msemmijin fl-Artikolu 62(2) huma:

  • il-Qorti Suprema (Aukščiausiasis Teismas) tal-Litwanja, meta t-talba għal rifjut tal-eżekuzzjoni tkun ibbażata fuq l-Artikolu 39 tar-Regolament jew fuq raġunijiet oħrajn stabbiliti fir-Regolament;
  • il-qrati distrettwali, u sussegwentement il-Qorti Suprema tal-Litwanja, meta t-talba għal rifjut tal-eżekuzzjoni tkun ibbażata fuq raġunijiet stabbiliti fil-liġi nazzjonali permessi mir-Regolament.

L-Artikolu 103 (1) (d) — Awtoritajiet kompetenti għall-infurzar imsemmija fl-Artikolu 52

L-awtoritajiet kompetenti għall-eżekuzzjoni msemmijin fl-Artikolu 52 tar-Regolament huma l-uffiċjali ġudizzjarji. Informazzjoni dwar l-uffiċjali ġudizzjarji li joperaw fil-Litwanja u l-ġuriżdizzjonijiet ġeografiċi tagħhom hija pprovduta fuq is-sit web tal-Kamra tal-Uffiċjali Ġudizzjarji tal-Litwanja:

L-Artikolu 103 (1) (e) — Proċeduri ta’ rimedju kontra deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għar-rifjut tal-infurzar imsemmija fl-Artikoli 61 u 62

Il-proċeduri ta’ rimedju msemmijin fl-Artikolu 61 huma dawn li ġejjin:

  • meta t-talba għal rifjut ta’ eżekuzzjoni tkun ibbażata fuq l-Artikolu 39 tar-Regolament jew fuq raġunijiet oħra stabbiliti fir-Regolament – talba għal stħarriġ tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell tal-Litwanja li tikkonċerna t-talba għal rifjut ta’ eżekuzzjoni, li tista’ tiġi ppreżentata fi żmien tletin jum mid-data meta d-deċiżjoni tiġi nnotifikata lill-parti. Din it-talba tiġi eżaminata minn panel ta’ tliet imħallfin tal-Qorti tal-Appell tal-Litwanja. Ir-regoli għall-eżaminazzjoni ta’ lmenti individwali japplikaw mutatis mutandis għall-eżaminazzjoni ta’ dawn it-talbiet. Fil-każijiet kollha, il-qorti li tkun eżaminat it-talba għal stħarriġ tad-deċiżjoni dwar it-talba għal rifjut ta’ eżekuzzjoni tieħu d-deċiżjoni. Din id-deċiżjoni ssir finali dakinhar li tittieħed;
  • meta t-talba għal rifjut ta’ eżekuzzjoni tkun ibbażata fuq raġunijiet oħra stabbiliti fil-liġi nazzjonali permessi mir-Regolament – ilment dwar l-ordni tal-uffiċjal ġudizzjarju rigward it-talba għal rifjut ta’ eżekuzzjoni, li tista’ tiġi ppreżentata lill-uffiċjal ġudizzjarju fi żmien għoxrin jum mid-data meta l-persuna li tippreżenta l-ilment saret taf jew missha saret taf bl-ordni tal-uffiċjal ġudizzjarju dwar it-talba għal rifjut ta’ eżekuzzjoni, iżda mhux aktar tard minn disgħin jum mid-data meta tkun twettqet l-azzjoni inkwistjoni. L-uffiċjal ġudizzjarju jeżamina l-ilment fi żmien ħamest ijiem mir-riċevuta tal-ilment u joħroġ ordni dwaru. Jekk l-uffiċjal ġudizzjarju jirrifjuta l-ilment kollu kemm hu jew f’parti minnu, l-ilment u l-ordni tal-uffiċjal ġudizzjarju jingħaddew lill-qorti distrettwali bil-ġuriżdizzjoni għaż-żona li fiha jkun jinsab l-uffiċċju tal-uffiċjal ġudizzjarju mhux aktar tard mill-jum ta’ xogħol ta’ wara dak meta tinħareġ l-ordni.

Il-proċeduri ta’ rimedju msemmijin fl-Artikolu 62 huma dawn li ġejjin:

  • meta t-talba għal rifjut ta’ eżekuzzjoni tkun ibbażata fuq l-Artikolu 39 tar-Regolament jew fuq raġunijiet oħra stabbiliti fir-Regolament, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell tal-Litwanja li tikkonċerna talba għal rifjut ta’ eżekuzzjoni tista’ tiġi appellata f’kassazzjoni f’konformità mar-regoli li jirregolaw il-proċedimenti fil-qorti ta’ kassazzjoni. Appell f’kassazzjoni quddiem il-Qorti Suprema tal-Litwanja jista’ jiġi ppreżentat fi żmien tliet xhur mid-data meta tkun ġiet adottata d-deċiżjoni appellata;
  • meta t-talba għal rifjut ta’ eżekuzzjoni tkun ibbażata fuq raġunijiet oħrajn stabbiliti fil-liġi nazzjonali permessi mir-Regolament, appell separat kontra d-deċiżjoni tal-qorti distrettwali dwar l-ordni tal-uffiċjali ġudizzjarji rigward it-talba għal rifjut ta’ eżekuzzjoni jista’ jiġi ppreżentat fi żmien sebat ijiem ta’ xogħol mid-data meta d-deċiżjoni tiġi nnotifikata lill-parti. Dan l-appell separat quddiem il-qorti reġjonali jiġi ppreżentat permezz tal-qorti distrettwali li d-deċiżjoni tiegħu tkun qed tiġi appellata. Id-deċiżjoni tal-qorti reġjonali dwar l-appell separat kontra d-deċiżjoni tal-qorti distrettwali tista’ tiġi appellata f’kassazzjoni f’konformità mar-regoli li jirregolaw il-proċedimenti fil-qorti ta’ kassazzjoni. Appell f’kassazzjoni quddiem il-Qorti Suprema tal-Litwanja jista’ jiġi ppreżentat fi żmien tliet xhur mid-data meta tkun ġiet adottata d-deċiżjoni appellata.

L-Artikolu 103 (1) (f) — Ismijiet, indirizzi u mezzi ta’ komunikazzjoni għall-Awtoritajiet Ċentrali maħtura biex jassistu fl-applikazzjoni tar-Regolament fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri. F’każ li tinħatar aktar minn Awtorità Ċentrali waħda, il-ġuriżdizzjoni ġeografika u funzjonali ta’ kull Awtorità Ċentrali għandha tiġi indikata kif imsemmi fl-Artikolu 76

L-ismijiet, l-indirizzi u l-mezzi ta’ komunikazzjoni għall-Awtoritajiet Ċentrali maħtura skont l-Artikolu 76 tar-Regolament huma kif ġejjin:

- il-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja huwa l-Awtorità Ċentrali responsabbli għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-liġijiet, il-proċeduri u s-servizzi nazzjonali disponibbli fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri msemmija fl-Artikolu 77(1) tar-Regolament; indirizz: Gedimino pr. 30, 01104 Vilnius; Tel.: (+370 5) 266 29 81; Faks: (+370 5) 262 59 40; indirizz tal-posta elettronika: rastine@tm.lt; komunikazzjoni ta’ informazzjoni bil-posta u bil-posta elettronika; informazzjoni fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja bil-Litwan: https://tm.lrv.lt/lt; bl-Ingliż: https://tm.lrv.lt/en.

- is-Servizz Statali għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal u għall-Adozzjoni taħt il-Ministeru tas-Sigurtà Soċjali u tax-Xogħol (Valstybės vaiko teisių apsaugos ir įvaikinimo tarnyba prie Socialinės apsaugos ir darbo ministerijos) huwa l-Awtorità Ċentrali responsabbli għat-twettiq tal-funzjonijiet l-oħrajn stabbiliti għall-Awtoritajiet Ċentrali fir-Regolament; indirizz: Labdarių g. 8, 01120 Vilnius; Tel.: (+370 5) 231 0928; indirizz tal-posta elettronika: info@vaikoteises.lt; komunikazzjoni ta’ informazzjoni bil-posta u bil-posta elettronika; informazzjoni fuq is-sit web tas-Servizz Statali għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal u għall-Adozzjoni taħt il-Ministeru tas-Sigurtà Soċjali u tax-Xogħol bil-Litwan: https://vaikoteises.lt/; bl-Ingliż: https://vaikoteises.lrv.lt/en/.

L-Artikolu 103 (1) (g) — Jekk applikabbli, kategoriji ta’ qraba stretti, minbarra ġenituri, li magħhom il-minuri jista’ jitqiegħed fit-territorju ta’ Stat Membru, mingħajr il-kunsens minn qabel ta’ dak l-Istat Membru kif imsemmi fl-Artikolu 82

Il-liġi tal-Litwanja ma tipprovdix għall-kategoriji ta’ qraba msemmija fl-Artikolu 82(2), meta l-kunsens tal-awtorità kompetenti tal-Litwanja ma tkunx meħtieġa għat-tqegħid ta’ minuri.

L-Artikolu 103 (1) (h) — Lingwi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għajr il-lingwa ta’ Stat Membru, li fihom jistgħu jiġu aċċettati komunikazzjonijiet lill-Awtoritajiet Ċentrali tiegħu kif imsemmi fl-Artikolu 91(3))

L-Ingliż, kif ukoll il-Litwan, huma aċċettati għall-komunikazzjonijiet mal-Awtoritajiet Ċentrali skont l-Artikolu 91(3).

L-Artikolu 103 (1) (i) — Lingwi aċċettati għat-traduzzjonijiet ta’ talbiet u dokumenti li jakkumpanjawhom mibgħuta skont l-Artikoli 80, 81, 82 u ta’ partijiet b’test liberu taċ-ċertifikati kif imsemmi fl-Artikolu 91(2)

Il-lingwa aċċettata għat-traduzzjonijiet skont l-Artikolu 80(3), l-Artikolu 81(2), l-Artikolu 82(4) u l-Artikolu 91(2) hija l-Litwan.

L-aħħar aġġornament: 26/07/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.