Impatt tal-COVID-19 fuq materji ċivili u ta’ insolvenza

Iċ-Ċekja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Impatt tal-Covid-19 fuq proċedimenti ċivili

1.1 It-termini fi proċedimenti ċivili

Ittieħdu diversi miżuri biex jittaffew id-diffikultajiet l-aktar urġenti taċ-ċittadini fir-rigward ta’ proċedimenti tal-qorti, eżekuzzjonijiet jew proċedimenti ta’ insolvenza. L-użu estensiv ta’ dispożizzjonijiet eżistenti tal-kodiċijiet ta' proċedura dwar l-eżenzjoni mit-termini li ma ntlaħqux fil-proċedimenti tal-qorti, jekk it-terminu ma jkunx intlaħaq minħabba restrizzjonijiet li rriżultaw mill-miżuri straordinarji (kwarantini mandatorji, restrizzjonijiet fuq il-moviment u l-miġemgħa ta' persuni).

1.2 L-organizzazzjoni ġudizzjarja u l-Ġudikatura

Il-Ministeru tal-Ġustizzja rrakkomanda li s-seduti tas-smigħ kollha tal-qorti jiġu posposti. Jekk il-posponiment ma jkunx possibbli, is-seduta tas-smigħ għandha ssir strettament f’konformità mar-Regolament tal-Gvern dwar l-Istat ta’ Emerġenza. Il-pubbliku huwa eskluż fis-smigħ tal-qorti u l-moviment tiegħu fil-bini tal-qorti huwa ristrett.

L-informazzjoni tingħata mill-qrati permezz tat-telefown/tal-posta elettronika.

Id-dewmien fil-proċedimenti legali li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet mhux se jitqies mill-MtĠ bħala dewmien fl-eżerċizzju tas-setgħat superviżorji tiegħu.

Is- servizz notarili għadu disponibbli għall-pubbliku, iżda x-xogħol qed ikun limitat.

1.3 Il-Kooperazzjoni Ġudizzjarja tal-UE

L-Uffiċċju għall-Protezzjoni Legali Internazzjonali tat-Tfal (Brussell IIa u r-Regolament dwar il-Manteniment): L-aġenda tal-Uffiċċju se titwettaq skont l-istat ta' emerġenza; kull kuntatt personali mal-Uffiċċju se jkun sostitwit b’kuntatt bil-miktub (bil-miktub jew elettroniku) u bit-telefown; Il-ħinijiet tal-uffiċċju se jkunu limitati mid-9.00 ta’ filgħodu sa nofsinhar, kull nhar ta’ Tnejn u Erbgħa.

Il-Ministeru Ċek tal-Ġustizzja (ir-Regolamenti dwar l-Awtorità ċentrali għan-Notifika ta’ Dokumenti u l-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda): Il-parti l-kbira tal-membri tal-persunal (inklużi l-punti ta’ kuntatt kollha) bħalissa qed jaħdmu mid-dar. Il-komunikazzjoni elettronika/komunikazzjoni mill-bogħod huma mħeġġa ħafna. It-termini kollha għandhom jinżammu.

L-unika kumplikazzjoni hija r-restrizzjonijiet li qed jiżdiedu fuq is-servizzi postali f'xi Stati, li qed nippruvaw ngħelbu, bi qbil mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, bl-użu ta' mezzi diplomatiċi għan- notifika ta' dokumenti ġudizzjarji. L-Awtoritajiet Ċentrali barranin għandhom jagħtu parir lill-qrati/awtoritajiet kompetenti biex jibagħtu t-talbiet kollha dwar in-notifika ta’ dokumenti u l-kumpilazzjoni ta’ xhieda direttament lill-qrati kompetenti u mhux permezz tal-Awtorità Ċentrali (il-Ministeru tal-Ġustizzja) minħabba li dan attwalment inaqqas b’mod sinifikanti t-termini għat-twettiq b’suċċess tat-talba.

2 Miżuri relatati mal-insolvenza adottati jew ippjanati li jiġu adottati fl-Istati Membri wara t-tifqigħa tal-pandemija

2.1 Miżuri sostantivi ta’ insolvenza u kuntratti relatati li jaffettwaw il-miżura

2.1.1 Sospensjoni tal-insolvenza

2.1.1.1 Sospensjoni tad-dmir li wieħed japplika għall-insolvenza (debituri)

Sospensjoni tad-dmir tad-debitur li japplika għall-insolvenza (fil-każ ta’ falliment relatat mal-COVID li seħħ fi żmien sitt xhur mit-tmiem tal-miżuri straordinarji tal-gvern).

Data ta’ skadenza tas-sospensjoni estiża sat-30-06-2021.

2.1.1.2 Protezzjoni tad-debituri dwar applikazzjoni għall-insolvenza mill-kredituri

Id-dritt tal-kreditur li japplika għall-insolvenza ta’ debitur ġie sospiż sal-31-08-2020.

2.1.2 Sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ talba u sospensjoni tat-terminazzjoni ta’ kuntratt

2.1.2.1 Moratoria ġenerali / speċifiċi fuq l-eżekuzzjoni ta’ pretensjonijiet / l-eżekuzzjoni ta’ċerta tipi ta’ pretensjonijiet

Moratorju straordinarju jissospendi l-ordnijiet ta’ eżekuzzjoni u r-realizzazzjoni ta’ drittijiet kollaterali. Huwa faċilment aċċessibbli għad-debituri billi ma jirrikjedix il-kunsens tal-kredituri meħtieġ għall-ewwel tliet xhur; imbagħad huwa meħtieġ il-kunsens tal-kredituri għal estensjoni oħra ta’ tliet xhur.

It-tieni stadju għall-applikazzjonijiet ta’ moratorju straordinarju beda fit-13-11-2020 (sat-30-06-2021 u għall-applikanti għall-ewwel darba biss). L-estensjoni tal-moratorju straordinarju tal-ewwel stadju ma teħtieġx il-kunsens tal-kredituri.

2.1.2.2 Sospensjoni tat-terminazzjoni ta’ kuntratt (kuntratti ġenerali / speċifiċi)

Il-moratorju straordinarju jipproteġi wkoll lid-debitur mit-terminazzjoni tal-kuntratti għall-provvista tal-enerġija, il-materja prima, il-prodotti u s-servizzi, u jippermetti lid-debitur iħallas l-obbligi direttament relatati maż-żamma tan-negozju b’mod preferenzjali fuq djun aktar antiki.

2.2 Civili, inkluż is-sospensjoni tal-qrati tal-insolvenza u s-sospensjonijiet proċedurali

Il-Ministeru tal-Ġustizzja rrakkomanda li s-seduti kollha tal-qorti jiġu posposti, meta dan ikun possibbli. Tneħħija tal-limiti taż-żmien maqbuża fil-proċedimenti tal-qorti, jekk il-limitu taż-żmien inqabeż minħabba l-limitazzjonijiet attwali (bħall-kwarantini obbligatorji jew ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment).

2.3 Miżuri oħra ta’ insolvenza (dawk relatati mal-azzjonijiet revokatorji, pjani ta’ rijorganizzazzjoni, ftehimiet informali u oħrajn jekk ikun xieraq)

Sakemm l-obbligu tad-debituri li japplikaw għall-insolvenza jkun sospiż, id-dekorrenza tal-perjodi ta’ rkupru rilevanti għal azzjonijiet għall-evitar ta’ tranżazzjonijiet preċedenti wkoll se jiġi sospiż. Ġiet ippromulgata protezzjoni msaħħa lid-debituri mit-tħassir ta’ proċedimenti ta’ kwittanza li għaddejjin minħabba tnaqqis fl-introjtu.

2.4 Miżuri relatati mhux ta’ insolvenza (differimenti tal-pagamenti, self mill-banek, sigurtà soċjali, assikurazzjoni tas-saħħa, sussidji lin-negozji)

Il-pagamenti tas-self minn April sa Ottubru 2020 jistgħu jiġu differiti u t-terminu tal-kuntratti jiġi estiż b’mod awtomatiku. Ma jistgħu jinħolqu l-ebda penali jew imgħax fuq l-arretrati matul il-perjodu ta’ protezzjoni.

Il-biċċa l-kbira tat-tipi ta’ azzjonijiet ta’ eżekuzzjoni individwali mwettqa mill-uffiċjali ġudizzjarji ġew sospiżi sal-31-01-2021.

L-aħħar aġġornament: 26/10/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.