Impatt tal-COVID-19 fuq materji ċivili u ta’ insolvenza

Franza
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Impatt tal-Covid-19 fuq proċedimenti ċivili

1.1 It-termini fi proċedimenti ċivili

It-termini (proċedurali), inklużi l-perjodi ta' preskrizzjoni, li jiskadu bejn it-12 ta’ Marzu u t-tmiem tal-perjodu tal-istat ta' emerġenza + xahar, huma estiżi . Fit-tmiem tal-perjodu msemmi hawn fuq, it-termini kollha jissoktaw b’mod normali iżda fi żmien xahrejn. Madankollu, il-perjodu estiż ma għandux iżomm lill-partijiet milli jfittxu rimedju jew li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta’ azzjoni bi kwalunkwe mod possibbli matul il-perjodu tal-istat ta’ emerġenza, sa fejn ikun possibbli.

Fil-prinċipju, id-dmirijiet tal-eżekuzzjoni u t-termini previsti fil-kuntratti mhumiex affettwati, filwaqt li għandha tapplika l-liġi nazzjonali applikabbli għal ċirkostanzi speċifiċi (force majeure, eċċ.). Madankollu, is-sanzjonijiet kuntrattwali ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni mid-debitur (klawsola ta’ penali, klawsola ta’ terminazzjoni, eċċ.) tneħħew temporanjament sabiex jitqiesu d-diffikultajiet fl-eżekuzzjoni.

Il-penali kuntrattwali, it-tiġdid u l-perjodi ta’ notifika previsti mil-liġi huma wkoll sospiżi jew estiżi.

1.2 L-organizzazzjoni ġudizzjarja u l-Ġudikatura

Bejn is-17 ta’ Marzu u l-10 ta’ Mejju, il-qrati trattaw biss każijiet urġenti (is-smigħ rigward il-libertà ċivili u l-kustodja f’materji ċivili, l-eżekuzzjoni, il-protezzjoni tal-minuri, każijiet urġenti tal-qorti tal-familja, inklużi ordnijiet ta’ protezzjoni, u proċedimenti provviżorji ta’ emerġenza).

Il-qrati ssoktaw progressivament l-attività mill-11 ta’ Mejju fil-materji kollha.

F’każ li qorti ma tkunx tista’ topera, tista’ tinħatar qorti oħra biex tittratta każijiet urġenti.

Il-partijiet jiġu infurmati bid-deċiżjonijiet tal-qorti bil-mezzi kollha, b’mod partikolari bil-posta elettronika jew bit-telefown (id-deċiżjonijiet mhumiex se jitqiesu bħala nnotifikati lill-benefiċjarju).

Rigward il-miżuri protettivi għall-minuri u għall-adulti, dawk li jiskadu matul l-istat ta' emerġenza jiġu estiżi awtomatikament , sakemm l-imħallef ma jiddeċidix mod ieħor.

Il-perjodi ta’ żmien għall-miżuri ta’ medjazzjoni u inkjesta huma sospiżi u huma estiżi bi tliet xhur addizzjonali mit-23 ta’ Ġunju 2020.

Il-kapijiet tal-qrati jkunu jistgħu jirregolaw il-fluss ta’ nies li jidħlu fil-bini u jistabbilixxi l-għadd ta’ persuni li jistgħu jidħlu fl-awli tal-qorti biex tiġi aċċertata l-konformità mar-regoli tad-distanza fiżika.

Jistgħu jirċievu wkoll talbiet, b’kull mezz, mingħand persuni li jkunu jixtiequ jattendu seduta b’aċċess limitat.

Meta jintużaw mezzi ta’ komunikazzjoni awdjoviżivi jew mezzi oħra elettroniċi ta’ komunikazzjoni biex issir seduta ta’ smigħ, din ma tistax issir f’post wieħed.

Fl-aħħar nett, huwa mfakkar li l-mezzi ta’ komunikazzjoni użati jridu jiggarantixxu s-segretezza tad-deliberazzjonijiet.

1.3 Il-Kooperazzjoni Ġudizzjarja tal-UE

Fir-rigward tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, it-talbiet jiġu trattati bħas-soltu.

Koperazzjoni tal-familja (ir-Regolament 2201/2003): Fil-qasam tas-sekwestru internazzjonali ta’ minuri u l-protezzjoni ta’ minuri, il-ħaddiema tal-awtorità ċentrali Franċiża li jaħdmu fuq il-każijiet qegħdin jagħmlu telexogħol, fil-biċċa l-kbira tal-ħin u jkunu preżenti fl-uffiċċju minn tal-anqas darba fil-ġimgħa. Dan ifisser li t-talbiet il-ġodda kollha jistgħu jintbagħtu bil-posta, bil-faks jew bil-posta elettronika.

Kumpilazzjoni ta’ xhieda (Regolament 1206/2001): It-talbiet jiġu trattati bħas-soltu. Il-ħin tal-ipproċessar jaf ikun daqsxejn itwal mis-soltu billi l-ħaddiema fuq il-każijiet qed jagħmlu telexogħol u jkunu preżenti fl-uffiċċju jum fil-ġimgħa biex jittrattaw talbiet li jirċievu bil-posta jew bil-faks.

Notifika ta’ dokumenti (Regolament 1393/2007): Fiċ-ċirkostanzi attwali, in-notifika tad-dokumenti jaf issir aktar bil-mod. In-notifika elettronika tista’ ssir bil-kundizzjoni li r-riċevitur ikun ta l-kunsens tiegħu minn qabel.

Skont dawn it-tliet Regolamenti (2201/2003, 1206/2001, 1393/2007), l-Awtorità Ċentrali Franċiża tibqa’ tikkomunika permezz tal-posta elettronika (entraide-civile-internationale@justice.gouv.fr) iżda wkoll permezz tal-ittri jew bil-faks.

Taħt ir-Regolament (KE) 4/2009 dwar l-obbligi ta' manteniment, l-Awtorità Ċentrali Franċiża tikkomunika permezz tal-posta elettronika: obligation.alimentaire@diplomatie.gouv.fr

2 Miżuri relatati mal-insolvenza adottati jew ippjanati li jiġu adottati fl-Istati Membri wara t-tifqigħa tal-pandemija

2.1 Miżuri sostantivi ta’ insolvenza u kuntratti relatati li jaffettwaw il-miżura

2.1.1 Sospensjoni tal-insolvenza

2.1.1.1 Sospensjoni tad-dmir li wieħed japplika għall-insolvenza (debituri)

-

2.1.1.2 Protezzjoni tad-debituri dwar applikazzjoni għall-insolvenza mill-kredituri

-

2.1.2 Sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ talba u sospensjoni tat-terminazzjoni ta’ kuntratt

2.1.2.1 Moratoria ġenerali / speċifiċi fuq l-eżekuzzjoni ta’ pretensjonijiet / l-eżekuzzjoni ta’ċerta tipi ta’ pretensjonijiet

L-Ordinanza 2020-596 tipprevedi li d-debitur jista’ jitlob lill-president tal-qorti biex jagħti sospensjoni ġenerali għat-tul tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni. Matul dan il-proċediment, qed jiġu allegati wkoll il-kundizzjonijiet biex jingħata perjodu ta’ “grazzja”.

Ara l-Ordinanza 2020-596 - 20 ta’ Mejju 2020.

Tfakkira (miżuri li mhumiex speċifiċi għall-kuntest tal-Covid-19):

Matul il-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja (procédures de sauvegarde ou de redressement judiciaire), tapplika sospensjoni ġenerali ta’ azzjonijiet ta’ eżekuzzjoni individwali (b’eċċezzjonijiet speċifiċi).

Qabel il-ftuħ ta’ proċediment ta’ likwidazzjoni (procédure de liquidation judiciaire) jew proċediment ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja (procédure de sauvegarde ou redressement judiciaire), jista’ jinfetaħ proċediment informali u kunfidenzjali (proċediment ta’ konċiljazzjoni) fuq talba tad-debitur. Jekk kreditur jieħu azzjoni mhux ġudizzjarja jew ġudizzjarja kontra d-debitur matul il-proċediment ta’ konċiljazzjoni, id-debitur jista’ jitlob lill-president tal-qorti biex jagħtih perjodu ta’ “grazzja”.

2.1.2.2 Sospensjoni tat-terminazzjoni ta’ kuntratt (kuntratti ġenerali / speċifiċi)

Tfakkira (miżuri li mhumiex speċifiċi għall-kuntest tal-Covid-19):

Matul il-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja (procédures de sauvegarde ou de redressement judiciaire), il-kodiċi kummerċjali jipprevjeni lill-kredituri milli jtemmu jew jimmodifikaw kuntratti eżekutorji essenzjali għad-detriment tad-debitur.

2.2 Civili, inkluż is-sospensjoni tal-qrati tal-insolvenza u s-sospensjonijiet proċedurali

-

2.3 Miżuri oħra ta’ insolvenza (dawk relatati mal-azzjonijiet revokatorji, pjani ta’ rijorganizzazzjoni, ftehimiet informali u oħrajn jekk ikun xieraq)

L-Ordinanza 2020-596 tipprovdi l-possibbiltà li l-qorti tagħti lid-debitur modifika u estensjoni tat-tul tad-durata tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja tagħha.

Dawk li jagħtu finanzjament ġdid jew interim matul il-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja jistgħu jkunu intitolati jirċievu privileġġ speċifiku (prijorità ta’ pagament f’każ ta’ insolvenza sussegwenti). Dan il-privileġġ jingħata mill-qorti taħt kundizzjonijiet speċifiċi.

Proċedimenti simplifikati ta’ likwidazzjoni għal intraprendituri uniċi u negozji żgħar huma ffaċilitati.

Ara l-Ordinanza 2020-596 - 20 ta’ Mejju 2020.

2.4 Miżuri relatati mhux ta’ insolvenza (differimenti tal-pagamenti, self mill-banek, sigurtà soċjali, assikurazzjoni tas-saħħa, sussidji lin-negozji)

Il-miżuri emblematiċi ewlenin huma dawn li ġejjin:

Miżuri ekonomiċi u finanzjarji għall-appoġġ tal-attivitajiet kummerċjali: tapplika skema ta’ garanzija mill-Istat għal self ġdid ta’ flus mogħti minn istituzzjonijiet finanzjarji (b’kundizzjonijiet speċifiċi li jridu jiġu ssodisfati).

Miżuri soċjali: in-negozji jistgħu jitolbu skema ta’ attività parzjali taħt ċirkostanzi mhux tas-soltu.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok żur: https://www.economie.gouv.fr/covid19-soutien-entreprises/les-mesures

L-aħħar aġġornament: 26/10/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.