Impatt tal-COVID-19 fuq materji ċivili u ta’ insolvenza

Litwanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Impatt tal-Covid-19 fuq proċedimenti ċivili

1.1 It-termini fi proċedimenti ċivili

Il-Litwanja ma adottatx atti legali uffiċjali li jissospendu jew jestendu l-iskadenzi proċedurali f'każijiet ċivili. It-tiġdid jew l-estensjoni tat-termini proċedurali jiġu deċiżi fuq bażi ta’ każ b’każ mill-qorti li tkun qed tisma’ l-każ.

Il-Kunsill ġudizzjarju ċċirkola rakkomandazzjonijiet lill-qrati, fejn ħeġġeġ lill-qrati Litwani sabiex “jivvalutaw b’mod flessibbli t-talbiet tal-individwi biex iġeddu skadenza maqbuża għat-tressiq ta’ dokument proċedurali jew biex iwettqu azzjoni proċedurali” matul u wara l-perjodu ta’ kwarantina jekk l-azzjonijiet imsemmija ġew imxekkla mill-istat ta’ emerġenza ddikjarat fir-Repubblika tal-Litwanja u li sussegwentement biddel l-organizzazzjoni tax-xogħol fl-istituzzjonijiet tal-istat. Il-persuna li titlob li ġġedded l-iskadenzi mitlufa għandha tipprovdi lill-qorti bid- data li tissostanzja tali ċirkostanzi flimkien mat-talba.

1.2 L-organizzazzjoni ġudizzjarja u l-Ġudikatura

Il-Kunsill Ġudizzjarju ħareġ rakkomandazzjonijiet lill-Presidenti tal-qrati dwar l-organizzazzjoni tax-xogħol fil-qrati rispettivi tagħhom matul il-perjodu ta’ kwarantina, filwaqt li ħalla l-ispeċifikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet għad-diskrezzjoni ta’ kull President.

Il-proċedimenti ċivili jsiru b'mod normali u fejn possibbli permezz ta’ proċedura bil-miktub. F’każijiet ċivili fejn smigħ orali jkun obbligatorju u l-partijiet ikunu urew ix-xewqa li jieħdu sehem fis-seduta, is-seduti orali skedati għandhom jiġu aġġornati mingħajr data, il-parteċipanti fil-proċedimenti jiġu informati dwar dan u jkun hemm qbil dwar dati ta’ smigħ preliminari possibbli mal-partijiet.

Il-proċedimenti orali fil-qrati huma limitati għal każijiet ċivili li jridu jiġu trattati immedjatament, bħal każijiet ċivili li jikkonċernaw il-permess tal-qorti biex testendi l-ammissjoni involontarja fl-isptar u/jew it-trattament involontarju, it-tneħħija ta' tfal minn ambjent perikoluż, każijiet previsti mis-CPC u li jagħtu prijorità lill-organizzazzjoni ta’ laqgħat orali mill-bogħod jekk il-qorti jkollha l-mezzi biex tagħmel dan;

F’każijiet urġenti, jiġu segwiti r-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza waqt il-proċedimenti orali (tbegħid soċjali, diżinfezzjoni tal-awla tal-qorti)

Id-deċiżjonijiet proċedurali ġudizzjarji jintbagħtu permezz ta’ mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni, u tingħata prijorità lis-sistema ta’ informazzjoni ġudizzjarja. F’każijiet eċċezzjonali, id-dokumenti jintbagħtu bil-posta elettronika u bil-posta regolari lil persuni li ma jkollhomx aċċess għas-sistema ta’ informazzjoni ġudizzjarja. Dokumenti proċedurali u korrispondenza oħra jintbagħtu lil dawk li mhumiex parteċipanti fil-proċedimenti (eż. marixxalli, nutara) permezz tas-sistema ta’ konsenja elettronika tal-Istat jew permezz tal-posta elettronika, u f’każijiet eċċezzjonali biss bil-posta. Il-komunikazzjoni/il-kooperazzjoni sseħħ permezz ta’ mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni u bit-telefown.

Mas-sospensjoni tan-notifika diretta ta’ persuni fil-qrati, l-atti proċedurali jaslu elettronikament jew jintbagħtu bil-posta.

Marixxalli: Wara t-tranżizzjoni għax-xogħol mill-bogħod mis-16 ta’ Marzu, l-uffiċjali ġudizzjarji qed ikomplu jipprovdu l-biċċa l-kbira tas-servizzi regolari tagħhom lill-kredituri u lid-debituri matul il-perjodu ta' kwarantina. Għalkemm il-kuntatt dirett huwa limitat, l-uffiċjali ġudizzjarji u l-impjegati tagħhom se jikkomunikaw mal-parteċipanti fil-proċedimenti permezz tat-telefown, tal-posta elettronika, permezz tas-sit web http://www.antstoliai.lt/ jew bil-posta regolari. Il-kwarantina attwali mhijiex qiegħda tfixkel is-sottomissjoni ta’ ordnijiet ġodda ta’ infurzar: ordnijiet ta’ infurzar bil-miktub jistgħu jiġu sottomessi lill-uffiċjali ġudizzjarji bil-posta, u ordnijiet ta’ infurzar elettroniċi – bil-posta elettronika jew permezz tal-internet billi jidħlu fis-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Uffiċjali Ġudizzjarji fi http://www.antstoliai.lt/. Matul il-perjodu ta’ kwarantina, l-uffiċjali ġudizzjarji għandhom ukoll joqogħdu lura milli jħabbru rkanti ġodda.

Fir-rigward tal-organizzazzjoni tax-xogħol tan-nutara, qed jitħejjew abbozzi ta’ emendi għal-Liġi dwar il-Professjoni Notarili u l-Kodiċi Ċivili. Dawn jipprovdu li l-maġġoranza tas-servizzi notarili għandhom jiġu ttrasferiti online u pprovduti mill-bogħod. L-abbozz tal-emendi jipproponi li n-nutara jingħataw id-dritt iwettqu atti notarili mill-bogħod u jeżerċitawhom bħala dokumenti notarili elettroniċi. L-informazzjoni se tiġi trażmessa lir-reġistri operattivi tal-istat u lis-sistemi tal-informazzjoni. Iż-żjarat fl-uffiċċji tan-nutar ikunu riżervati biss għall-identifikazzjoni diretta ta’ persuna jew għall-espressjoni ta’ testment. Huwa ppjanat ukoll li tiġi miċħuda l-parteċipazzjoni tan-nutar fl-approvazzjoni ta’ xi mandati aktar sempliċi u li tiġi ffaċilitata r-reġistrazzjoni elettronika tal-mandati li għalihom mhijiex meħtieġa formola notarili. Is-servizzi notarili mill-bogħod se jeskludu ċ-ċertifikazzjoni tat-testmenti u l-aċċettazzjoni tagħhom f’kustodja, kif ukoll l-awtentikazzjoni tal-fatt li persuna tkun ħajja. Barra minn hekk, in-nutara ma għandhomx jipprovdu servizzi mill-bogħod jekk jemmnu li huma jkunu jistgħu jipproteġu aħjar l-interessi leġittimi ta’ klijent biss meta jiltaqgħu personalment miegħu jew f’każ li jkunu jridu jiddokumentaw it-testment ta’ persuna, jispjegaw il-konsegwenzi ta’ atti notarili jew jaċċertaw l-identità ta’ persuna.

Fir-rigward tal-provvediment ta' servizzi ta' għajnuna legali garantiti mill-Istat, ġew ippubblikati rakkomandazzjonijiet fuq il-paġna elettronika tas-servizz ta' għajnuna legali garantit mill-Istat. Huwa rrakkomandat ħafna li jiġi evitat il-kuntatt personali u li jiġi organizzat l-għoti ta’ għajnuna legali bl-użu ta’ għodod remoti tax-xogħol, jiġifieri li t-talbiet kollha jintbagħtu permezz tal-posta elettronika, il-konsultazzjonijiet jingħataw bit-telefown, online jew bl-użu ta’ mezzi oħra ta’ telekomunikazzjoni. F’każijiet urġenti fejn il-parteċipazzjoni ta’ avukat hija meħtieġa f’ċerti investigazzjonijiet qabel il-proċess jew fi proċedimenti tal-qorti, dawn għandhom jaġixxu b’attenzjoni xierqa, isegwu l-linji gwida nazzjonali għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-Covid-19 (distanza sikura, iġjene, eċċ.), jirrifjutaw li jattendu proċedimenti jekk ma jkunux ittieħdu miżuri ta’ protezzjoni adegwati (eż. il-kamra ma tkunx ventilata, ma jkunx hemm diżinfettant, ikun hemm suspetti dwar is-saħħa ta' oħrajn fil-kamra).

L-Assoċjazzjoni tal-Avukati Litwani ppubblikat ukoll rakkomandazzjonijiet simili għal dawk kollha li jipprattikaw il-professjoni fil-Litwanja.

1.3 Il-Kooperazzjoni Ġudizzjarja tal-UE

Ħafna mill-impjegati tal-awtoritajiet pubbliċi jaħdmu mill-bogħod. L-assistenza legali internazzjonali għadha qed tingħata, iżda xi proċessi jistgħu jdumu aktar.

2 Miżuri relatati mal-insolvenza adottati jew ippjanati li jiġu adottati fl-Istati Membri wara t-tifqigħa tal-pandemija

2.1 Miżuri sostantivi ta’ insolvenza u kuntratti relatati li jaffettwaw il-miżura

2.1.1 Sospensjoni tal-insolvenza

2.1.1.1 Sospensjoni tad-dmir li wieħed japplika għall-insolvenza (debituri)

Fil-21 ta’ April il-Parlament adotta l-Liġi dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq l-insolvenza ta’ persuni ġuridiċi:

Is-sospensjoni tad-dmir tad-debitur li japplika għal proċedimenti ta’ falliment jew ta’ ristrutturar għall-perjodu ta’ tliet xhur wara t-tmiem tal-perjodu ta’ kwarantina.

Il-gvern għandu l-abbiltà li jestendi dan il-perjodu sal-aħħar tal-2020.

2.1.1.2 Protezzjoni tad-debituri dwar applikazzjoni għall-insolvenza mill-kredituri

Il-Liġi dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq l-insolvenza ta’ persuni ġuridiċi tinkludi:

Id-dritt tal-kreditur li japplika għall-insolvenza huwa limitat għall-perjodu ta’ kwarantina.

2.1.2 Sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ talba u sospensjoni tat-terminazzjoni ta’ kuntratt

2.1.2.1 Moratoria ġenerali / speċifiċi fuq l-eżekuzzjoni ta’ pretensjonijiet / l-eżekuzzjoni ta’ċerta tipi ta’ pretensjonijiet

-

2.1.2.2 Sospensjoni tat-terminazzjoni ta’ kuntratt (kuntratti ġenerali / speċifiċi)

-

2.2 Civili, inkluż is-sospensjoni tal-qrati tal-insolvenza u s-sospensjonijiet proċedurali

Fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19, il-qrati tal-Litwanja applikaw proċedura bil-miktub meta kien possibbli li jisimgħu l-kawżi. Il-proċedimenti ċivili jsiru b'mod normali u fejn possibbli permezz ta’ proċedura bil-miktub. Ta’ min jinnota li skont il-Liġi dwar l-Insolvenza ta’ Persuni Ġuridiċi, għandha tingħata prijorità lill-proċedura bil-miktub. Is-seduti orali f’kawżi ta’ insolvenza, meta jkun meħtieġ, għandhom jiġu organizzati mill-bogħod, billi jiġu applikati teknoloġiji moderni.

2.3 Miżuri oħra ta’ insolvenza (dawk relatati mal-azzjonijiet revokatorji, pjani ta’ rijorganizzazzjoni, ftehimiet informali u oħrajn jekk ikun xieraq)

Il-Liġi dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq l-insolvenza ta’ persuni ġuridiċi tinkludi:

Il-kalkolu sospiż tat-terminu meta d-debitur ma jkunx jista’ jwettaq il-pjan ta’ ristrutturar approvat u b’riżultat ta’ dan, ir-ristrutturar jista’ jiġi tterminat – għall-perjodu ta’ tliet xhur wara t-tmiem tal-perjodu ta’ kwarantina.

Il-gvern għandu l-abbiltà li jestendi dan il-perjodu sal-aħħar tal-2020.

2.4 Miżuri relatati mhux ta’ insolvenza (differimenti tal-pagamenti, self mill-banek, sigurtà soċjali, assikurazzjoni tas-saħħa, sussidji lin-negozji)

Miżuri applikati mill-amministraturi tat-taxxa.

  1. Id-differiment jew l-arranġament tat-taxxi f’pagamenti parzjali skont l-iskeda maqbula mingħajr l-imgħax li jrid jitħallas.
  2. It-twaqqif tal-azzjonijiet ta’ rkupru tal-arretrati tat-taxxa skont il-kriterji tar-raġonevolezza.
  3. L-eżenzjoni tal-kontribwenti mill-multi, l-imgħax ta’ inadempjenza għan-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi tat-taxxa fil-ħin.

Skont il-Liġi dwar il-Kreditu Relatat ma’ Proprjetà Immobbli u l-Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsumatur, f’ċerti ċirkustanzi (eż. il-mutwatarju jsir qiegħed jew jitlef mill-anqas terz tad-dħul tiegħu), fuq talba tal-mutwatarju, il-fornitur tal-kreditu għandu obbligu li jiddifferixxi l-ħlas tal-pagamenti tal-kreditu, ħlief għall-imgħax, għall-perjodu li ma jaqbiżx it-tliet xhur. Tali obbligu għall-fornituri ta’ kreditu għall-konsumatur ġie introdott bl-emendi għal-Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsumatur mid-19 ta’ Marzu 2020.

Il-gvern tal-Litwanja adotta wkoll pakkett wiesa’ ta’ miżuri ekonomiċi għan-negozji (skemi ta’ għajnuna mill-Istat, diversi benefiċċji u sussidji, differimenti tat-taxxa u tas-self, eċċ.).

L-aħħar aġġornament: 26/10/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.