Sib informazzjoni għal kull reġjun
1 Impatt tal-Covid-19 fuq proċedimenti ċivili
1.1 It-termini fi proċedimenti ċivili
L-istat ta’ kriżi, ibbażat fuq ir-Regolament Gran Dukali tat-18 ta’ Marzu 2020 li introduċa sensiela ta' miżuri bħala parti mill-ġlieda kontra l-Covid-19, ġie estiż għal tliet xhur bil-Liġi tal-24 ta’ Marzu 2020.
Il-Parlament ma jistax ixolji matul l-istat ta’ kriżi, għadu jżomm il-poteri leġiżlattivi kollha tiegħu u jista' jadotta liġi biex itemm l-istat ta' kriżi fi kwalunkwe mument matul dak il-perjodu ta' tliet xhur. Id-digrieti adottati legalment matul dan il-perjodu jieqfu jipproduċu l-effetti dakinhar li jintemm l-istat ta’ kriżi.
Fil-25 ta’ Marzu 2020, il-Gvern adotta fil-Kunsill tal-Gvern, Regolament Gran Dukali imfassal mill-Ministeru għall-Ġustizzja, li jissospendi t-termini fi kwistjonijiet ġudizzjarji u li jadatta ċerti regoli proċedurali oħrajn.
Dispożizzjoni ġenerali tissospendi t-termini kollha preskritti fil-proċedimenti quddiem il-qrati kostituzzjonali, ordinarji, amministrattivi, u militari. It-test jipprevedi xi eċċezzjonijiet li jikkonċernaw iċ-ċaħda tal-libertà li jridu jittieħdu deċiżjonijiet malajr dwarha.
It-termini f’materji ċivili u kummerċjali
Il-Lussemburgu ssospenda t-termini fil-proċedimenti legali u estenda ċerti termini fi proċeduri speċifiċi.
Il-Lussemburgu stabbilixxa wkoll xi eċċezzjonijiet b’mod partikolari għal materji urġenti li ma jistgħux jippermettu sospensjonijiet ta’ termini.
It-termini għal appell jew oppożizzjoni ġew sospiżi.
- F’materji ta’ kiri, l-eżekuzzjoni ta' mandati ta' żgumbrament ġiet sospiża. Id-dispożizzjoni tissospendi l-iżgumbramenti ordnati fil-qasam tal-kirjiet għal użu residenzjali. It-termini għall-eżekuzzjoni tal-iżgumbramenti f'termini ta' kirjiet kummerċjali, kif ukoll dawk għall-preklużjonijiet u l-bejgħ sfurzat ġew sospiżi wkoll.
- F’materji ta' stat ċivili, il-perjodu ta' ħamest ijiem biex isiru d-dikjarazzjonijiet kollha tat-twelid ġie sospiż. Għaċ-ċertifikati taż-żwieġ, il-possibbiltà ta’ dispensa mill-pubblikazzjoni tat-tnidijiet taż-żwieġ telimina kull restrizzjoni ta’ żmien.
- Dispożizzjoni speċifika tissospendi t-termini fi kwistjonijiet ta’ suċċessjoni, mingħajr ebda proċedura ġudizzjarja. Huwa importanti li d-drittijiet taċ-ċittadini jiġu mħarsa, peress li l-likwidazzjoni tas-suċċessjonijiet hija proċedura formalistika ħafna b'ħafna termini.
- Huwa ppjanat li t-termini għall-preżentazzjoni u l-pubblikazzjoni tal-kontijiet annwali, tal-kontijiet konsolidati u tar-rapporti relatati tal-kumpaniji jiġu estiżi bi tliet xhur. Din id-dispożizzjoni tapplika biss għas-snin finanzjarji magħluqa fid-data tat-tmiem tal-istat ta’ kriżi u li t-termini għall-preżentazzjoni u l-pubblikazzjoni għalihom ma kinux skadew sat-18 ta’ Marzu 2020.
1.2 L-organizzazzjoni ġudizzjarja u l-Ġudikatura
L-Amministrazzjoni Ġudizzjarja stabbiliet il-miżuri meħtieġa f’dan l-istadju tal-pandemija biex, minn naħa, tiggarantixxi servizz funzjonali mnaqqas u min-naħa l-oħra tissalvagwardja kemm jista’ jkun is-saħħa tal-impjegati kollha.
Dawn id-dispożizzjonijiet huma meħuda f'konformità stretta mal-Kostituzzjoni u mal-impenji internazzjonali tal-Lussemburgu speċjalment dawk li għandhom x'jaqsmu mad-drittijiet fundamentali. Dawn jiġu applikati skont il-kriterji tan-neċessità u l-proporzjonalità.
Bħala parti mill-ġlieda kontra l-coronavirus, ħafna Stati Membri imponew restrizzjonijiet fuq il-moviment. Il-Lussemburgu għamel hekk ukoll, filwaqt li pprovda għal għadd ta’ eċċezzjonijiet għal dawn ir-restrizzjonijiet (pereżempju għall-ħaddiema fis-settur tal-kura tas-saħħa u setturi oħrajn li huma essenzjali fil-kriżi attwali).
Waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet tipprevedi li l-ġenituri separati għadhom jistgħu jħallu d-dar tagħhom biex jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri tagħhom, speċjalment biex jeżerċitaw id-dritt ta' aċċess għat-tfal tagħhom.
Il-qrati fil-Lussemburgu qed jaħdmu b’ritmu aktar kajman iżda qed iżommu livell suffiċjenti ta’ attività biex jipproċessaw il-kwistjonijiet essenzjali u urġenti. Matul l-istat ta’ kriżi, ir-rikorsi u t-talbiet indirizzati lill-Awli tal-Imħallef (chambres du conseil) tal-qrati distrettwali (tribunaux d’arrondissement) u tal-Qorti tal-Appell (cour d’appel) jiġu ttrattati permezz ta’ proċedura bil-miktub.
In-nutara għadhom għaddejjin bl-attivitajiet tagħhom. Ittieħdu miżuri biex jingħataw derogi f’ċerti proċeduri legali sabiex titnaqqas il-ħtieġa ta’ kuntatt fiżiku.
L-avukati wkoll qed ikomplu jaħdmu bħas-soltu u huma mħeġġa jużaw mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni biex jikkomunikaw mal-qrati waqt il-kriżi.
Sabiex jiġi evitat kuntatt fiżiku, l-uffiċjali ġudizzjarji ma jinnotifikawx dokumenti lid-destinatarju personalment iżda jqegħduhom fil-kaxxa postali fl-indirizz tar-riċevitur.
1.3 Il-Kooperazzjoni Ġudizzjarja tal-UE
L-istrumenti kollha fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kriminali jiġu ffirmati u maħruġa mill-awtorità ċentrali, il-Prosekutur Ġenerali (procureur général). Ir-ritmu tax-xogħol naqas xi ftit biex jippermetti kemm jista’ jkun nies jaħdmu mid-dar.
2 Miżuri relatati mal-insolvenza adottati jew ippjanati li jiġu adottati fl-Istati Membri wara t-tifqigħa tal-pandemija
2.1 Miżuri sostantivi ta’ insolvenza u kuntratti relatati li jaffettwaw il-miżura
2.1.1 Sospensjoni tal-insolvenza
2.1.1.1 Sospensjoni tad-dmir li wieħed japplika għall-insolvenza (debituri)
Fil-każ ta’ sospensjoni tal-pagamenti, l-obbligu għal impriża li tippreżenta dikjarazzjoni formali fir-reġistru tal-qorti fi żmien xahar, li jwassal għall-bidu ta’ proċedimenti ta’ insolvenza, ġie sospiż bil-liġi.
2.1.1.2 Protezzjoni tad-debituri dwar applikazzjoni għall-insolvenza mill-kredituri
Ma tħabbar l-ebda moratorju ġenerali fuq id-dikjarazzjoni ta’ falliment, li jfisser li kreditur għad għandu d-dritt jippreżenta petizzjoni ta’ falliment u impriża għad għandha d-dritt li tiddikjara falliment.
2.1.2 Sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ talba u sospensjoni tat-terminazzjoni ta’ kuntratt
2.1.2.1 Moratoria ġenerali / speċifiċi fuq l-eżekuzzjoni ta’ pretensjonijiet / l-eżekuzzjoni ta’ċerta tipi ta’ pretensjonijiet
-
2.1.2.2 Sospensjoni tat-terminazzjoni ta’ kuntratt (kuntratti ġenerali / speċifiċi)
-
2.2 Civili, inkluż is-sospensjoni tal-qrati tal-insolvenza u s-sospensjonijiet proċedurali
Huma biss il-kawżi urġenti li se jiġu ttrattati mill-qrati Lussemburgiżi b’ġuriżdizzjoni għall-insolvenza.
Il-Lussemburgu ssospenda t-termini fil-proċedimenti legali u estenda ċerti termini fi proċeduri speċifiċi.
2.3 Miżuri oħra ta’ insolvenza (dawk relatati mal-azzjonijiet revokatorji, pjani ta’ rijorganizzazzjoni, ftehimiet informali u oħrajn jekk ikun xieraq)
L-iskrutinju parlamentari tal-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1023 ġie sospiż. Madankollu, il-Ministeru għall-Ġustizzja bħalissa qed jikkunsidra jekk xi elementi tad-Direttiva jistgħux ikunu utli fil-kuntest attwali u jistgħux jiġu introdotti fi żmien qasir (eż. sospensjoni simplifikata tal-mekkaniżmu ta’ eżekuzzjoni jew dispożizzjoni rigward il-protezzjoni ta’ finanzjament ġdid).
2.4 Miżuri relatati mhux ta’ insolvenza (differimenti tal-pagamenti, self mill-banek, sigurtà soċjali, assikurazzjoni tas-saħħa, sussidji lin-negozji)
Fi kwistjonijiet ta’ r-rigward tal-lokatarji, l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta' żgumbrament ġiet sospiża għal raġunijiet ovvji
Wara l-istat ta’ emerġenza, il-miżuri tal-Covid-19 kienu soġġetti għal reviżjonijiet suċċessivi biex jiġu adattati għall-evoluzzjoni tal-kriżi tas-saħħa.
Wara l-introduzzjoni ta’ sensiela ta’ miżuri ta’ emerġenza fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-COVID-19, il-Ministeru għall-Ġustizzja estenda, adatta jew abolixxa wħud minn dawn il-miżuri.
Għal informazzjoni aġġornata jew addizzjonali dwar dawn il-miżuri tal-Covid-19, ikkonsulta l-paġna ddedikata tal-Ministeru għall-Ġustizzja:
https://mj.gouvernement.lu/fr/dossiers/2020/Covid-19/faq-mj.html
jew
il-Ġurnal Uffiċjali tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu:
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu - Legilux (public.lu)
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.