Impatt tal-COVID-19 fuq materji ċivili u ta’ insolvenza

Portugall
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Impatt tal-Covid-19 fuq proċedimenti ċivili

1.1 It-termini fi proċedimenti ċivili

L-istat ta’ emerġenza ġie ddikjarat bejn id-19.3.2020 u t-2.5.2020

L-aktar leġiżlazzjoni sinifikanti adottata matul dan il-perjodu kienet din li ġejja:

  • id-Digriet 14-A/2020
  • id-Digriet 17-A/2020
  • id-Digriet 2-A/20
  • id-Digriet 2-B/20
  • il-Liġi 1-A/20, kif emendata
  • id-Digriet Amministrattiv 10-A/20, kif emendat

L-istat ta’ kalamità ġie ddikjarat sussegwentement bejn it-3.5.2020 u t-30.6.2020

L-aktar leġiżlazzjoni sinifikanti adottata matul dan il-perjodu kienet din li ġejja:

  • ir-Riżoluzzjoni 33-A/20
  • ir-Riżoluzzjoni 33-C/20
  • ir-Riżoluzzjoni 38/20
  • ir-Riżoluzzjoni 40-A/20
  • ir-Riżoluzzjoni 43-B/20
  • ir-Riżoluzzjoni 51-A/20
  • il-Liġi 1-A/20, kif emendata
  • id-Digriet Amministrattiv 10-A/20, kif emendat

L-istat ta’ kalamità reġa’ ġie ddikjarat sussegwentement bejn il-15.10.2020 u t-8.11.2020

L-aktar leġiżlazzjoni sinifikanti adottata matul dan il-perjodu kienet din li ġejja:

  • ir-Riżoluzzjoni 88-A/20
  • ir-Riżoluzzjoni 92-A/20
  • ir-Riżoluzzjoni 96-B/20

L-istat ta’ emerġenza ġie ddikjarat sussegwentement bejn id-9.11.2020 u t-30.4.2021

L-aktar leġiżlazzjoni sinifikanti adottata matul dan il-perjodu kienet din li ġejja:

  • id-Digriet 51-U/20
  • id-Digriet 59-A/20
  • id-Digriet 61-A/20
  • id-Digriet 66-A/20
  • id-Digriet 59-A/20
  • id-Digriet 6-A/21
  • id-Digriet 6-B/21
  • id-Digriet 9-A/21
  • id-Digriet 11-A/21
  • id-Digriet 21-A/21
  • id-Digriet 25-A/21
  • id-Digriet 31-A/21
  • id-Digriet 41-A/21

Konsegwenzi fuq is-sistema tat-termini proċedurali

Skont il-verżjoni kkonsolidata tal-Artikolu 7 tal-Liġi 1-A/20, kemm fl-istat ta’ emerġenza kif ukoll fl-istat ta’ kalamità, is-sistema legali tat-termini u l-iskadenzi ġudizzjarji kienet essenzjalment kif ġej:

  • Fi proċedimenti ġudizzjarji li mhumiex urġenti, il-limiti ta’ żmien ġew sospiżi għal perjodu li jintemm f’data li trid tiġi ddefinita mid-digriet amministrattiv;
  • Il-proċedimenti ġudizzjarji urġenti jibqgħu għaddejjin mingħajr sospensjoni ta’ termini jew atti;
  • Il-perjodi ta’ limitazzjoni u l-perjodi ta’ preskrizzjoni ġew sospiżi;
  • L-evizzjonijiet u l-eżekuzzjoni tal-ipoteki fuq proprjetajiet li jikkostitwixxu abitazzjonijiet okkupati mis-sid ġew sospiżi;
  • It-termini għad-debituri biex jippreżentaw rikorsi għall-ftuħ ta' proċedimenti ta' insolvenza ġew sospiżi;
  • L-azzjonijiet kollha li jridu jittieħdu b’rabta mal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni, inklużi l-miżuri ta’ eżekuzzjoni, ġew sospiżi sakemm dan ma jkunx jikkawża dannu irreparabbli jew jipperikola l-għajxien tal-kreditur;
  • L-Artikolu 15 tad-Digriet Amministrattiv 10-A/20 jipprevedi li f’każ li l-awtoritajiet jiddeċiedu li jagħlqu qorti f’ċerta żona minħabba l-pandemija, it-termini proċedurali jiġu sospiżi (dan seħħ f’xi każijiet u għal perjodu limitat);
  • Is-sospensjoni tat-termini u l-iskadenzi ġudizzjarji ntemmet fit-3 ta’ Ġunju 2020 (l-Artikolu 8 tal-Liġi 16/2020 li jħassar l-Artikolu 7 tal-Liġi 1-A/2020);
  • Fir-rigward tan-notifika tad-dokumenti, ir-rekwiżit tal-ksib tal-firma tad-destinatarju ġie sospiż u sostitwit b’mezzi xierqa ta’ identifikazzjoni oħrajn u l-appożizzjoni tad-data ta’ meta saret in-notifika (il-Liġi 10/2020);
  • Is-sospensjoni uffiċjali tat-termini u l-iskadenzi ġudizzjarji ntemmet fit-3 ta’ Ġunju 2020 (l-Artikolu 8 tal-Liġi 16/2020 li jħassar l-Artikolu 7 tal-Liġi 1-A/2020).
  • Sussegwentement, il-Liġi Nru 4-B/2021 stabbiliet perjodu ġdid ta’ sospensjoni tat-termini ġudizzjarji b’sistema legali li kienet identika għal dik preċedenti, skont l-Artikolu 6-B, li nżdied mal-Liġi Nru 1-A/20;
  • Is-sospensjoni tat-termini ġudizzjarji ntemmet fis-6 ta’ April 2021 f’konformità mal-Liġi Nru 13-B/2021;
  • Fil-preżent (Mejju 2021), qed tinżamm is-sistema ġuridika tranżitorja eċċezzjonali kif prevista fl-Artikolu 6-E tal-Liġi 1-A/2020 fil-verżjoni l-aktar reċenti tagħha, li tippermetti b’mod partikolari li jsiru seduti bl-użu ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni remota skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-liġi.

Tista’ tikkonsulta l-Liġi 1-A/2020 (dwar ir-rispons għas-sitwazzjoni epidemjoloġika kkawżata mill-coronavirus) fil-verżjoni kkonsolidata l-aktar reċenti tagħha hawnhekk.

1.2 L-organizzazzjoni ġudizzjarja u l-Ġudikatura

Matul l-Istat ta’ emerġenza

Il-mekkaniżmi ewlenin adottati għall-organizzazzjoni u l-ġestjoni tas-sistema ġudizzjarja kienu kif ġej:

  • Il-pjanijiet ta’ kontinġenza stabbiliti mill-Presidenti ta’ kull qorti;
  • Rotazzjoni tas-servizz bi preżenza għal proċedimenti urġenti stabbiliti mill-Presidenti ta’ kull qorti;
  • Awli virtwali tal-qrati fil-qrati kollha (prim’istanza, tal-appell u l-Qorti Suprema tal-Ġustizzja) biex is-seduti kollha jkunu jistgħu jsiru permezz ta’ komunikazzjoni remota;
  • Firma diġitali tas-sentenzi permezz tas-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet;
  • Għal sentenzi minn qorti kolleġġjali, il-firma ta’ mħallfin oħrajn tista’ tiġi sostitwita b’dikjarazzjoni tal-Imħallef Relatur li tikkonferma li l-imħallfin l-oħrajn qablu (l-Artikolu 15-A tad-Digriet Amministrattiv 10-A/20);
  • Aċċess permezz ta’ VPN (network privat virtwali) għas-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet;
  • Kwalunkwe att proċedurali jsir permezz ta’ telekonferenza jew vidjokonferenza;
  • L-użu tal-posta elettronika minflok it-telefown biex tinkiseb informazzjoni mill-qrati;
  • It-telexogħol kull meta n-natura tax-xogħol tippermetti.

Konsegwenzi tal-istat ta’ emerġenza fuq l-attività ġudizzjarja u l-assenjazzjoni tal-kawżi

L-imħallfin ikomplu jwettqu xogħolhom mill-bogħod, meta jkollhom aċċess għas-sistema ta’ ġestjoni tal-kawżi, u jibqgħu disponibbli biex imorru fil-bini tal-qorti kull meta n-natura tas-servizz tkun teħtieġ hekk.

L-assenjazzjoni tal-proċedimenti urġenti u mhux urġenti fil-qrati tal-prim’istanza qatt ma ġiet interrotta.

Fil-qrati tal-appell u fil-Qorti Suprema tal-Ġustizzja, sal-15 ta’ April 2020 ġew assenjati biss proċedimenti urġenti. Mis-16 ta’ April 2020, il-proċedimenti kollha, urġenti u le, ġew assenjati.

L-atti u l-proċeduri urġenti li fihom ikunu involuti d-drittijiet fundamentali, jistgħu jitwettqu bi preżenza fiżika (protezzjoni urġenti tal-minuri, l-atti proċedurali u l-ġuri ta’ imputati detenuti) jew mill-bogħod permezz tal-awli virtwali tal-qrati.

Il-proċessi u l-atti proċedurali li mhumiex urġenti ġew aġġornati waqt l-istat ta’ emerġenza, ħlief meta l-imħallfin iqisu li jkunu meħtieġa seduti, speċjalment biex jiġi evitat dannu irreparabbli jew f’każijiet fejn il-partijiet kollha jaqblu li jużaw it-telekonferenza jew il-vidjokonferenza jew inkella l-awli virtwali tal-qrati.

Is-sentenzi f’kawżi mhux urġenti jistgħu jingħataw jekk il-partijiet kollha jaqblu li ma jkunx meħtieġ aktar stħarriġ mill-Qorti.

L-atti u l-proċeduri mwettqin bi preżenza fiżika jridu jsiru fi kmamar adegwati disponibbli f'kull Qorti distrettwali, b'materjal ta' protezzjoni u ta' diżinfettazzjoni. L-għadd ta’ persuni preżenti jrid jiġi ffissat mill-Imħallef f’konformità mal-limiti rakkomandati mill-awtoritajiet tas-saħħa.

L-attendenza fil-qorti hija skoraġġuta ħlief għal dawk li jiġu mħarrka biex jidhru. F’dak il-każ, f’konformità mal-Artikolu 14 tal-Liġi 10-A/20, il-preżentazzjoni ta’ ċertifikat mediku li jiċċertifika l-kwarantina jitqies bħala każ ta’ forza maġġuri

Il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura enfasizza li matul l-istat ta’ emerġenza l-qrati jridu jibqgħu l-garanti aħħari tad-drittijiet fundamentali.

Matul l-istat ta’ kalamità:

L-għodod prinċipali tal-organizzazzjoni ġudizzjarji adottati kienu:

  • Terminazzjoni gradwali tal-konfinament skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ministri 33-C/20.
  • L-adozzjoni ta’ “Miżuri biex jitnaqqas ir-riskju tat-trażmissjoni tal-virus fil-qrati” – dokument konġunt stabbilit mill-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura, id-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, il-Kunsill Superjuri tal-Qrati Amministrattivi u tat-Taxxa u d-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa, disponibbli hawnhekk:
  • Kull qorti tal-prim’istanza u tal-appell, il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja u l-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura adottaw rotazzjonijiet għax-xogħol li jipprevedu l-alternanza tax-xogħol bi preżenza fiżika u t-telexogħol, bla preġudizzju għall-miżuri ta’ appoġġ għall-familja għal ċerti ħaddiema u t-telexogħol obbligatorju għall-imħallfin u l-persunal ġudizzjarju fi gruppi b’riskju għoli.

Il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura adotta r-riżoluzzjonijiet li ġejjin biex jiżgura l-istabbiltà tar-riżorsi umani fil-qrati tal-prim’istanza u biex jindirizza ż-żieda fl-ammont ta’ xogħol wara t-tmiem tas-sospensjoni tat-termini fi proċedimenti mhux urġenti:

  • Il-mandati tal-Presidenti tal-qrati tal-prim’ istanza estiżi sal-31 ta’ Diċembru 2020;
  • L-eżerċizzju annwali ta’ reklutaġġ/promozzjoni/trasferiment ġudizzjarju (movimentação) limitat/sospiż temporanjament biex jistabbilizza r-riżorsi umani u l-korpi maniġerjali fil-qrati tal-prim’istanza (Riżoluzzjonijiet tat-28 ta’ April 2020 u tal-5 ta’ Mejju 2020).

Informazzjoni prattika dwar il-funzjonament tal-qrati nazzjonali matul il-perjodu ta' emerġenza u l-perjodu ta’ kalamità tinsabfis-sit tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura.

1.3 Il-Kooperazzjoni Ġudizzjarja tal-UE

Matul l-Istat ta’ emerġenza:

  • It-tim tal-Punt ta’ Kuntatt tan-NĠE fil-Materji Ċivili jaħdem mid-dar, jipproċessa t-talbiet kollha għal kooperazzjoni u informazzjoni kemm jista’ jkun malajr minkejja s-sospensjoni tat-termini u t-terminu proċedurali applikati fil-Qrati.
  • It-tim għandu aċċess mill-bogħod għall-fajls permezz tal-VPN (network privat virtwali).
  • Kull membru tat-tim ikun lest li jmur fil-post tax-xogħol meta jkun hemm bżonn u f’każijiet urġenti.
  • Fi kwistjonijiet ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja, jenħtieġ li tingħata preferenza għall-komunikazzjoni bil-posta elettronika lil correio@redecivil.mj.pt

Matul l-istat ta’ kalamità u fil-perjodu attwali ta’ tneħħija gradwali tal-konteniment:

  • It-tim tal-Punt ta’ Kuntatt qed jaħdem f’sistema ta’ rotazzjoni bbażata fuq it-telexogħol u xogħol bi preżenza fiżika, filwaqt li jiżgura li mill-inqas membru wieħed tat-tim ikun fiżikament fuq il-post tax-xogħol.
  • Il-Punt ta’ Kuntatt kopert mir-rotazzjonijiet tas-servizz tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura u jsegwi l-“Miżuri biex jitnaqqas ir-riskju tat-trażmissjoni tal-virus fil-qrati” li ġew adottati biex jintemm gradwalment il-konfinament.

L-effetti tal-pandemija fuq il-volum ta’ kooperazzjoni u talbiet għal informazzjoni ttrattati mill-Punt ta’ Kuntatt

  • Fl-2020, l-għadd kumplessiv ta’ talbiet għall-assistenza mibgħuta lill-Punt ta’ Kuntatt mill-qrati u awtoritajiet oħrajn baqa’ relattivament kostanti meta mqabbel mal-2019; minkejja l-pandemija; fl-2020 il-Punt ta’ Kuntatt irċieva b’kollox disa’ talbiet biss aktar mill-2019. Madankollu, jekk jitqies kull wieħed min-networks ta’ kooperazzjoni li l-Portugall huwa membru tagħhom separatament, kien hemm tnaqqis żgħir fl-għadd ta’ talbiet għas-sit Ċivili NĠE, tnaqqis aktar sinifikanti fl-għadd ta’ talbiet għal IberRede u żieda fl-għadd ta’ talbiet għan-Netwerk Ġudizzjarju tal-pajjiżi li jitkellmu bil-Portugiż (CPLP).
  • Matul il-perjodi ta’ emerġenza, ta’ kalamità u ta’ tneħħija gradwali tal-konteniment, il-Punt ta’ Kuntatt wieġeb għat-talbiet kollha ta’ kooperazzjoni u informazzjoni mingħajr ebda bidla jew sospensjoni tal-limitu taż-żmien għat-tweġibiet.

Għadd totali ta’ talbiet għal kooperazzjoni u informazzjoni fl-2020: 356

Maqsumin kif ġej:

  • NĠE ċivili, 287
  • IberRede, 4
  • Network Ġudizzjarju tas-CPLP, 65

Għadd totali ta’ talbiet għal kooperazzjoni u informazzjoni fl-2019: 365

Maqsumin kif ġej:

  • NĠE ċivili, 328
  • IberRede, 19
  • Network Ġudizzjarju tas-CPLP, 17

L-informazzjoni statistika dwar l-attività tal-Punt ta’ Kuntatt tinsab hawnhekk.

2 Miżuri relatati mal-insolvenza adottati jew ippjanati li jiġu adottati fl-Istati Membri wara t-tifqigħa tal-pandemija

2.1 Miżuri sostantivi ta’ insolvenza u kuntratti relatati li jaffettwaw il-miżura

Ara hawn taħt it-tweġiba kkombinata għall-mistoqsijiet 2.1 sa 2.2

2.1.1 Sospensjoni tal-insolvenza

2.1.1.1 Sospensjoni tad-dmir li wieħed japplika għall-insolvenza (debituri)
2.1.1.2 Protezzjoni tad-debituri dwar applikazzjoni għall-insolvenza mill-kredituri

2.1.2 Sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ talba u sospensjoni tat-terminazzjoni ta’ kuntratt

2.1.2.1 Moratoria ġenerali / speċifiċi fuq l-eżekuzzjoni ta’ pretensjonijiet / l-eżekuzzjoni ta’ċerta tipi ta’ pretensjonijiet
2.1.2.2 Sospensjoni tat-terminazzjoni ta’ kuntratt (kuntratti ġenerali / speċifiċi)

2.2 Civili, inkluż is-sospensjoni tal-qrati tal-insolvenza u s-sospensjonijiet proċedurali

Tweġiba kkombinata għall-mistoqsijiet 2.1 sa 2.2.

F’konformità mal-Artikolu 6-E tal-Liġi 1/A/2020 (li jinsab hawnhekk fit-12 u l-aktar verżjoni reċenti tiegħu wara l-Liġi 13-B/2021), tinżamm is-sistema proċedurali eċċezzjonali tranżitorja. B’din is-sistema t-termini li ġejjin huma sospiżi:

  • It-terminu biex id-debitur jiġi sottomess għall-insolvenza stabbilita fl-Artikolu 18(1) tal-Kodiċi dwar l-Insolvenza u l-Irkupru Korporattiv (Código da Insolvência e da Recuperação de Empresas), kif approvat f’anness mad-Digriet Amministrattiv 53/2004.
  • L-atti li jridu jitwettqu fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni jew insolvenza b’rabta mat-twettiq tar-radd lura ġudizzjarju tad-dar matrimonjali;
  • Il-perjodu ta’ preskrizzjoni u t-termini relatati mal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni jew insolvenza msemmijin hawn fuq:
  • F’każijiet meta l-atti li jridu jitwettqu matul l-eżekuzzjoni ta’ proċedimenti ta’ insolvenza relatati mal-bejgħ ġudizzjarju u r-radd lura ta’ proprjetà immobbli x’aktarx li jagħmlu ħsara lill-għajxien tal-parti li qed tintalab l-eżekuzzjoni kontriha jew tal-persuna ddikjarata insolventi, hija tkun tista’ titlob is-sospensjoni tal-każ sakemm dan ma jikkawżax dannu serju lill-għajxien tal-parti li qed titlob l-eżekuzzjoni jew tal-kredituri tal-parti insolventi jew dannu irreparabbli u l-qorti, wara li tisma’ lill-parti l-oħra, trid tiddeċiedi l-każ fi żmien għaxart ijiem;
  • Is-sospensjoni tal-perjodi ta’ preskrizzjoni u ta’ limitazzjoni tipprevali fuq kwalunkwe regola li tistabbilixxi termini mandatorji ta’ preskrizzjoni jew ta’ limitazzjoni, li jiġu estiżi bil-perjodu li jikkorrispondi għas-sospensjoni.

2.3 Miżuri oħra ta’ insolvenza (dawk relatati mal-azzjonijiet revokatorji, pjani ta’ rijorganizzazzjoni, ftehimiet informali u oħrajn jekk ikun xieraq)

Ara hawn taħt it-tweġiba kkombinata għall-mistoqsijiet 2.3 u 2.4

2.4 Miżuri relatati mhux ta’ insolvenza (differimenti tal-pagamenti, self mill-banek, sigurtà soċjali, assikurazzjoni tas-saħħa, sussidji lin-negozji)

Tweġiba kkombinata għall-mistoqsijiet 2.3 u 2.4.

Tnieda każ straordinarju ġdid dwar il-vijabbiltà tan-negozju (PEVE) - ara l-Liġi 75/2020 u r-Riżoluzzjoni 41/2020 tal-Kunsill tal-Ministri

Liġi 75/2020

  • Din tistabbilixxi sistema tranżitorja eċċezzjonali biex jiġi estiż it-terminu għall-konklużjoni tan-negozjati mibdija għall-approvazzjoni tal-pjan ta’ rkupru jew tal-ftehim dwar il-pagament kif ukoll biex jingħata żmien biex il-pjan ta’ insolvenza propost jiġi adattat fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19;
  • Hija testendi l-privileġġ previst fl-Artikolu 17-H(2) tal-Kodiċi dwar l-Insolvenza u l-Irkupru Korporattiv (CIRE), kif approvat f’anness għad-Digriet Amministrattiv 53/2004, għall-azzjonisti jew kwalunkwe persuna oħra li jkollha relazzjoni speċjali mal-kumpanija li tiffinanzja l-attività tagħha matul il-Proċess Speċjali ta’ Rivitalizzazzjoni (PER);
  • Din tipprevedi l-applikazzjoni tal-Iskema Ekstraġudizzjarja ta’ Rkupru tan-Negozji (RERE), kif approvata bil-Liġi 8/2018, għall-kumpaniji attwalment insolventi minħabba l-pandemija tal-COVID-19;
  • Hija toħloq proċess straordinarju ġdid ta’ vijabbiltà tal-kumpaniji għan-negozji milqutin mill-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19;
  • Hija tistabbilixxi tqassim parzjali obbligatorju fil-proċedimenti ta’ insolvenza pendenti kollha meta r-rikavati mil-likwidazzjoni ddepożitati jaqbżu l-EUR 10,000;
  • Hija tipprevedi li tingħata prijorità fl-ipproċessar ta’ talbiet għar-rilaxx ta’ garanziji offruti fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ insolvenza, proċedimenti speċjali ta’ rivitalizzazzjoni jew proċedimenti speċjali ta’ ftehim ta’ pagament.

Kumment finali:

Għalkemm din l-informazzjoni nġabret bir-reqqa ma jfissirx li wieħed ma għandux bżonn jikkonsulta t-testi legali applikabbli u l-emendi ulterjuri tagħhom. Fid-dawl tal-Artikolu 5(2)(c) tad-Deċiżjoni 2001/470/KE, din l-informazzjoni ma torbotx lill-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura, lill-qrati nazzjonali jew lill-Punt ta’ Kuntatt.

L-aħħar aġġornament: 15/12/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.