Impatt tal-COVID-19 fuq materji ċivili u ta’ insolvenza

Slovakkja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Impatt tal-Covid-19 fuq proċedimenti ċivili

1.1 It-termini fi proċedimenti ċivili

Skadenzi legali, proċedimenti ta’ eżekuzzjoni, rati tal-imgħax statutorji:

L-Att Nru 62/2020 dwar ċerti miżuri straordinarji relatati mat-tifqigħa tal-COVID-19 u dwar miżuri fil-qasam tal-ġustizzja (minn hawn ’il quddiem “l-Att dwar il-COVID”) ġie emendat fid-19 ta’ Jannar 2021. L-Att introduċa miżuri restrittivi u miżuri oħrajn li jeħtieġu bażi ġuridika statutorja.

Skont l-Artikolu 8 emendat tal-Att dwar il-COVID, id-dekorrenza tat-termini u l-iskadenzi preskritti mil-liġi fi kwistjonijiet irregolati mid-dritt privat ġew sospiżi temporanjament (sat-28 ta’ Frar 2021) jew tali termini ġew irrinunzjati f’każijiet speċifiċi.

Skont l-Artikolu 2 tal-Att dwar il-COVID, l-istess japplika għat-termini proċedurali li jridu jiġu osservati mill-partijiet fil-proċedimenti. Jekk it-terminu ma jistax jiġi estiż minħabba theddida għall-ħajja tal-bniedem, is-saħħa, is-sigurtà, il-libertà jew minħabba riskju ta’ ħsara sostanzjali, il-qorti tista’ tiddeċiedi li ma tapplikax din id-dispożizzjoni u żżomm it-terminu applikabbli.

Id-dispożizzjonijiet dwar ir-rati tal-imgħax statutorji ma ġewx emendati.

Id-dispożizzjonijiet restrittivi tal-Att dwar il-COVID se japplikaw biss għal żmien limitat (sat-28 ta’ Frar 2021).

1.2 L-organizzazzjoni ġudizzjarja u l-Ġudikatura

L-Artikolu 3 tal-Att dwar il-COVID illimita l-għadd ta’ każijiet fejn ikun meħtieġ li jsiru seduti fil-qorti, u rrestrinġa l-parteċipazzjoni tal-pubbliku, waqt ċirkostanzi eċċezzjonali jew emerġenzi. Meta seduta tal-qorti ssir bil-magħluq, hemm obbligu statutorju li jkun hemm awdjoreġistrazzjoni tas-seduta aċċessibbli; ir-reġistrazzjoni għandha tkun aċċessibbli malajr kemm jista’ jkun wara s-seduta.

L-Att emendat fih linji gwida ġodda għall-qrati maħruġin mill-Ministeru għall-Ġustizzja (aġġornati fit-3 ta’ Novembru 2020) li jeħtieġu li l-qrati:

  • jorganizzaw seduti sa kemm ikun meħtieġ f’konformità mal-Artikolu 3(1)(a) tal-Att dwar il-COVID, jiġifieri jorganizzaw seduti f’konformità mal-proċedura xierqa (fil-każijiet kollha);
  • jikkonformaw mad-digrieti ta’ implimentazzjoni tal-Awtorità tas-Saħħa Pubblika/l-awtoritajiet reġjonali tas-saħħa pubblika meta jorganizzaw is-seduti;
  • jiżguraw il-konformità mar-regoli sanitarji, bħall-użu ta’ sanitizzatur tal-idejn u maskri;
  • jagħmlu ħilithom biex jużaw tagħmir tal-vidjokonferenzi jew mezzi oħrajn ta’ komunikazzjoni mill-bogħod f’konformità mal-Artikolu 3 tal-Att dwar il-COVID.

1.3 Il-Kooperazzjoni Ġudizzjarja tal-UE

L-Att dwar il-COVID ma introduċa l-ebda restrizzjoni speċifika fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera f’materji ċivili; madankollu, f’każijiet bħal dawn japplikaw restrizzjonijiet ġenerali.

L-awtoritajiet ċentrali jistgħu jintroduċu xogħol mid-dar, iżda l-funzjonament normali tagħhom irid jiġi żgurat u l-applikazzjonijiet iridu jiġu ttrattati fil-ħin.

Fin-nuqqas ta’ metodu elettroniku sigur għan-notifika tal-korrispondenza, l-użu tal-posta elettronika huwa legalment permissibbli f’ċerti każijiet biss. Barra minn hekk, l-użu tal-posta elettronika jinvolvi riskju għas-sigurtà u riskju ta’ żvelar ta’ data personali sensittiva. Il-kisba ta’ prova tal-wasla jew ta’ notifika ta’ dokumenti hija problematika wkoll. Is-Slovakkja tilqa' approċċ uniformi fil-livell tal-UE li jissodisfa l-kriterji meħtieġa għall-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera.

Talbiet/mistoqsijiet ġenerali jistgħu jintbagħtu lill-awtoritajiet ċentrali permezz tal-posta elettronika:

2 Miżuri relatati mal-insolvenza adottati jew ippjanati li jiġu adottati fl-Istati Membri wara t-tifqigħa tal-pandemija

2.1 Miżuri sostantivi ta’ insolvenza u kuntratti relatati li jaffettwaw il-miżura

2.1.1 Sospensjoni tal-insolvenza

2.1.1.1 Sospensjoni tad-dmir li wieħed japplika għall-insolvenza (debituri)

L-Att Nru 62/2020 dwar ċerti miżuri straordinarji relatati mat-tifqigħa tal-COVID-19 u dwar miżuri fil-qasam tal-ġustizzja (minn hawn ’il quddiem “l-Att dwar il-COVID”) daħal fis-seħħ fis-27 ta’ Marzu. Skont l-Artikolu 4 tal-Att dwar il-COVID, il-limitu ta’ żmien biex debitur japplika għall-falliment ġie estiż minn 30 jum għal 60 jum. Dan japplika biss għal test tal-karta tal-bilanċ peress li d-debituri huma obbligati japplikaw għall-falliment biss fuq din il-bażi.

Id-dispożizzjonijiet restrittivi tal-Att dwar il-COVID japplikaw biss għal żmien limitat ([sat-]30 ta’ April 2020), iżda jistgħu jiġu estiżi fil-futur (ikunu meħtieġa l-kunsens tal-Gvern u l-kunsens tal-Parlament biex jiġi emendat l-Att).

L-Att dwar il-COVID ġie emendat u ssupplimentat bl-istrument tal-protezzjoni temporanja tal-intraprendituri (l-Artikolu 8 et seq. tal-Att dwar il-COVID), b’effett mit-12 ta’ Mejju 2020.

L-għan tal-protezzjoni temporanja huwa li jinħoloq qafas ta’ miżuri limitat biż-żmien biex jappoġġa l-ġestjoni effettiva tal-konsegwenzi negattivi tal-tixrid tal- Covid-19, marda kuntaġġuża u perikoluża, fuq l-intrapriżi.

L-intraprendituri li huma debituri mhumiex obbligati japplikaw għall-falliment biss jekk ikunu applikaw għal protezzjoni temporanja u jekk tkun ingħatat protezzjoni temporanja minn qorti. F’konformità mal-Artikolu 17(2) tal-Att dwar il-COVID, l-intraprendituri li jgawdu minn protezzjoni temporanja mhumiex meħtieġa japplikaw għal falliment fir-rigward tal-assi tagħhom sakemm dawn igawdu l-protezzjoni temporanja; l-istess japplika għall-persuni li meħtieġa japplikaw għall-falliment f’isem l-intraprendituri. Madankollu, id-debituri jistgħu japplikaw għal protezzjoni temporanja biss jekk ma jkunux insolventi fit-12 ta’ Marzu 2020 u jekk, fid-data tal-applikazzjoni, ma jkun hemm l-ebda bażi għax-xoljiment u d-debitur ma jkunx affettwat minn dikjarazzjoni ta’ falliment jew permess ta’ ristrutturar.

Oriġinarjament, il-protezzjoni temporanja kellha tingħata sal-1 ta’ Ottubru 2020 (l-Artikolu 18 tal-Att dwar il-COVID), iżda ġiet estiża sal-31 ta’ Diċembru 2020 b’digriet amministrattiv.

L-abbozz ta’ att se jinkludi dispożizzjonijiet simili, u, jekk jiġi approvat mill-Parlament Slovakk, jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021.

2.1.1.2 Protezzjoni tad-debituri dwar applikazzjoni għall-insolvenza mill-kredituri

Il-protezzjoni li tirriżulta mis-sospensjoni tal-proċedimenti ta’ falliment mibdija mill-kredituri tista’ tingħata biss lid-debituri (intraprendituri) li jgawdu minn protezzjoni temporanja (introdotta fit-12 ta’ Mejju 2020). F’konformità mal-Artikolu 17 (1) tal-Att dwar il-COVID, il-proċedimenti li jikkonċernaw l-applikazzjoni ta’ kreditur għal dikjarazzjoni ta’ falliment fir-rigward tal-assi ta’ intraprenditur li jgawdi protezzjoni temporanja ppreżentata wara t-12 ta’ Marzu 2020 huma sospiżi; dan japplika wkoll għat-talbiet tal-kredituri li jsiru matul il-perjodu ta’ protezzjoni temporanja. Il-proċedimenti ta’ insolvenza, li nfetħu fuq il-bażi ta’ rikors ta’ kreditur ippreżentat wara t-12 ta’ Marzu 2020 huma sospiżi wkoll.

L-abbozz ta’ att jipprevedi li matul il-perjodu ta’ protezzjoni temporanja mhuwiex possibbli li tinħareġ deċiżjoni li tiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment kontra intraprenditur li jgawdi protezzjoni temporanja.

2.1.2 Sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ talba u sospensjoni tat-terminazzjoni ta’ kuntratt

2.1.2.1 Moratoria ġenerali / speċifiċi fuq l-eżekuzzjoni ta’ pretensjonijiet / l-eżekuzzjoni ta’ċerta tipi ta’ pretensjonijiet

L-eżekuzzjoni ta’ irhna jew ipoteki u bejgħ ġudizzjarju huma temporanjament ipprojbiti (sal-31 ta’ Mejju) skont l-Artikolu 6 u l-Artikolu 7 tal-Att dwar il-COVID.

L-intraprendituri Slovakki li n-negozji tagħhom ikunu mhedda minħabba tal-miżuri tal-COVID-19 jistgħu jitolbu deċiżjoni tal-qorti li jkollha effetti simili għal moratorju temporanju fi proċedimenti ta’ ristrutturar (lista dettaljata ta’ dawn l-effetti tinsab hawn taħt). L-intraprendituri (persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirrisjedu jew li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fis-Slovakkja) li mhumiex insolventi, li ma joperawx in-negozji tagħhom illegalment u li ma nbdiet l-ebda proċedura ta’ eżekuzzjoni kontrihom qabel it-12 ta’ Marzu 2020 jistgħu japplikaw għal moratorju temporanju billi jużaw il-forma xierqa (il-kumpaniji u s-soċjetajiet huma meħtieġa jippreżentaw il-formola b’mod elettroniku; dan ir-rekwiżit ma japplikax għall-individwi). Il-moratorju jidħol fis-seħħ meta l-qorti toħroġ deċiżjoni li tagħti l-moratorju. Tali deċiżjonijiet jistgħu jiġu kkontestati fil-qorti (minn kulħadd), li jista’ jwassal għat-terminazzjoni ta’ moratorju. Il-perjodu ta’ moratorju huwa limitat – il-perjodu massimu huwa sal-1 ta’ Ottubru 2020 (sakemm ma jiġix itterminat qabel).

Il-protezzjoni temporanja ddum sal-31 ta’ Diċembru 2020.

It-tip ta’ moratorju l-ġdid għandu effetti komparabbli ma’ moratorju fi proċedimenti ta’ ristrutturar:

  • huwa jissospendi d-dmir tad-debitur jew l-amministrazzjoni tiegħu li jiftaħ proċedimenti ta’ insolvenza jekk ikun insolventi;
  • il-kredituri ma jistgħux japplikaw għall-insolvenza tad-debitur tagħhom;
  • il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni li bdew wara t-13 ta’ Marzu huma sospiżi;
  • irhna fuq intrapriżi jew partijiet ta’ intrapriżi ma jistgħux jiġu eżegwiti;
  • hemm restrizzjonijiet fir-rigward ta’ tpaċijiet;
  • il-possibbiltà li jiġu tterminati l-kuntratti hija sospiża.

F'konformità mal-Artikolu 17(3) tal-Att dwar il-COVID, il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni mibdija wara t-12 ta’ Marzu 2020 kontra intraprendituri li jgawdu protezzjoni temporanja sabiex tiġi issodisfata pretensjoni mill-attività tan-negozju tagħhom huma sospiżi għat-tul tal-protezzjoni temporanja.

L-Att dwar il-COVID jipprevedi wkoll posponiment straordinarju tal-eżekuzzjoni fuq talba tad-debitur (l-Artikolu 3a), iżda sal-1 ta’ Diċembru 2020 biss.

L-abbozz tal-att (effettiv mill-1 ta’ Jannar 2021) jipprevedi li anke meta l-eżekuzzjoni ma tkunx sospiża, matul il-perjodu ta’ protezzjoni temporanja l-eżekuzzjoni ma tistax taffettwa l-intrapriża, il-proprjetà mobbli, id-drittijiet jew assi oħrajn tal-intrapriża tal-intraprenditur li jgawdi protezzjoni temporanja, ħlief meta l-eżekuzzjoni tkun relatata mal-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat illegali.

2.1.2.2 Sospensjoni tat-terminazzjoni ta’ kuntratt (kuntratti ġenerali / speċifiċi)

F'konformità mal-Artikolu 17(5) tal-Att dwar il-COVID, wara li tkun ingħatat protezzjoni temporanja [lil parti f’kuntratt], il-kontroparti ma tistax tittermina l-kuntratt, tirtira mill-kuntratt jew tirrifjuta t-twettiq skont il-kuntratt minħabba dewmien fit-twettiq min-naħa tal-intraprenditur li jgawdi protezzjoni temporanja meta d-dewmien ikun seħħ bejn it-12 ta’ Marzu 2020 u d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-att u li kien dovut għall-marda infettiva tal-COVID-19; dan ma japplikax jekk il-kontroparti tipperikola direttament l-operat tal-intrapriża. Dan ma jaffettwax id-dritt tal-kontroparti li tittermina l-kuntratt, tirtira mill-kuntratt jew tirrifjuta t-twettiq skont il-kuntratt minħabba dewmien fit-twettiq min-naħa tal-intraprenditur li jgawdi protezzjoni temporanja wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan l-att.

Skont l-abbozz ta’ att, il-possibbiltà li jiġu tterminati kuntratti se tiġi sospiża wkoll.

2.2 Civili, inkluż is-sospensjoni tal-qrati tal-insolvenza u s-sospensjonijiet proċedurali

Skont l-Artikolu 1 tal-Att dwar il-COVID, id-dekorrenza tat-termini u l-iskadenzi preskritti mil-liġi fi kwistjonijiet irregolati mid-dritt privat ġew sospiżi temporanjament jew tali termini ġew irrinunzjati f’każijiet speċifiċi.

Skont l-Artikolu 2 tal-Att dwar il-COVID, l-istess japplika għat-termini proċedurali li jridu jiġu osservati mill-partijiet fil-proċedimenti. Jekk it-terminu ma jistax jiġi estiż minħabba theddida għall-ħajja tal-bniedem, is-saħħa, is-sigurtà, il-libertà jew minħabba riskju ta’ ħsara sostanzjali, il-qorti tista’ tiddeċiedi li ma tapplikax din id-dispożizzjoni u żżomm it-terminu applikabbli.

Dawn iż-żewġ miżuri applikaw biss sat-30 ta’ April.

L-att dwar il-COVID jipprevedi li, fi stat ta’ emerġenza, il-qrati jorganizzaw seduti, seduti prinċipali u seduti pubbliċi meta jkun hemm bżonn biss. Il-ħtieġa li tiġi protetta s-saħħa pubblika matul dan il-perjodu tiġġustifika l-esklużjoni tal-pubbliku milli jattendi seduti, seduti prinċipali u seduti pubbliċi (l-Artikolu 3).

2.3 Miżuri oħra ta’ insolvenza (dawk relatati mal-azzjonijiet revokatorji, pjani ta’ rijorganizzazzjoni, ftehimiet informali u oħrajn jekk ikun xieraq)

Meta intraprenditur igawdi protezzjoni temporanja, id-dekorrenza tat-terminu għall-kontestazzjoni ta’ atti legali jiġi sospiż għat-tul tal-protezzjoni temporanja. Dan jipprevjeni li jkun hemm diskriminazzjoni favur id-debituri.

2.4 Miżuri relatati mhux ta’ insolvenza (differimenti tal-pagamenti, self mill-banek, sigurtà soċjali, assikurazzjoni tas-saħħa, sussidji lin-negozji)

  • għajnuna finanzjarja għal intraprendituri li huma persuni fiżiċi u għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (garanziji possibbli għal self jew ħlas ta’ mgħax fuq self), l-Att Nru 75/2020;
  • differiment tal-ħlasijiet ta’ self ipotekarju għall-konsumaturi (9 xhur) skont l-Att Nru 75/2020;
  • differiment tal-ħlasijiet ta’ self għall-intrapriżi żgħar u medji u għall-intraprendituri li huma persuni fiżiċi (9 xhur) skont l-Att Nru 75/2020;
  • differiment tal-ħlasijiet tal-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni tal-età, tal-assigurazzjoni soċjali u tas-saħħa għal xi impjegaturi u intraprendituri li huma persuni fiżiċi (soġġett għal tnaqqis fid-dħul dovut għall-miżuri tal-COVID-19) skont l-Att Nru 68/2020;
  • estensjoni tat-terminu għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa skont l-Att Nru 67/2020
L-aħħar aġġornament: 26/10/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.